Riformi fl-Avukat Generali

Riformi fl-Avukat Generali

www.riformagustizzja.com

Silta minn diskors Parlamentari dwar riforma Holistika fil-Qasam tal-Gustizzja 2012 (www.riformagustizzja.com) fejn trattajt riforma fl-Ufficcju tal-Avukat Generali, kif ukoll diversi diskorsi ohra fejn ghamilt rakkomandazzjonijiet dwar riformi fl-Ufficcju tal-Avukat Generali. Dawn r-rakkomandazzjonijiet gew inkluzi fir-Rapport Bonell0 (2013 u fir-Rapport tal-venice Commission (2018)

**************

Private Members’ Motion – Mozzjoni 260 – Mozzjoni Dwar il-Qasam tal-Ġustizzja – Mozzjoni tal-Onor Franco Debono

Seduta 489 12.06.2012

Punt numru 7 tal-Mozzjoni —- reviżjoni u ri-definizzjoni ta’ ċerti poteri tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll id-dover li jagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu f’ċerti ċirkostanzi;

Revizjoni tal-poteri tal Avukat Generali

Is-seba’ punt: ir-reviżjoni u ridefinizzjoni ta’ ċerti poteri tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll id-dover li jagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu f’ċerti ċirkostanzi.[1] Kif għedt, hawnhekk huwa wieħed mill-oqsma fejn l-Avukat Ġenerali huwa riżultat ta’ din is-sistema mista li għandna, u naħseb li wasal iż-żmien li nanalizzaw il-poteri, ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Ġenerali qiegħed ftit kullimkien.[2] Kif għedt, għandi kull rispett lejn il-Kummissarju tal-Puliizja, imma anke lejn l-Avukat Ġenerali u l-avukati kollha li jaħdmu fl-Uffiċċju tiegħu li jagħmlu xogħolhom, però wasal iż-żmien li jiżdiedu r-riżorsi tiegħu.[3] L-ewwel nett, ftit tas-snin ilu kellek eżodu tal-aħjar elementi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dawn ġew sostitwiti, però għandek perjodu ta’ żmien sakemm jidraw. Issa bdew jaqbdu. Insemmi lil Aaron Bugeja, li kien avukat imma ma tantx kien jaħdem fil-kriminal, li fi ftit snin impressjonani kemm daħal u kemm mexa ‘l quddiem fil-kamp penali.[4]

L-Imħallef Padovani Grima għamlet punti importanti ħafna dalgħodu u qalet ukoll li hemm bżonn iktar riżorsi[5] fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.[6] Ipprovajt infittex sentenza tal-Imħallef Quintano fejn kien għamel analiżi per capita kemm suppost ikun hawn ġudikanti, għax anke hemmhekk, għalkemm żidna, naħseb li wasal iż-żmien li nżidu l-ġudikanti. Naf li l-Ministru, kif qam il-bżonn, ħatar ġudikanti, imma naħseb li hemm bżonn li nżiduhom. Però hemm bżonn ukoll ridefinizzjoni tal-poteri tiegħu. Dan qed jagħmel drafting tal-liġijiet, liġijiet li mbagħad ikun parti fihom huwa stess. Huwa public prosecutor, counsel to government, għandu rwol fl-inkjesti u fil-kumpilazzjonijiet, qiegħed ftit kullimkien.[7] Ejja naraw daqsxejn hemmx xi rwoli tal-Avukat Ġenerali li jistgħu jgħaddu lil ħaddieħor u ejja naraw ir-rwol ta’ maġistrat inkwerenti li jikkonċentra esklussivament fuq l-inkjesti jistax imbagħad jiffittja wkoll fis-set-up tal-Avukat Ġenerali.

Din tista’ tkun riforma maġġuri, u hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq din ir-ridefinizzjoni, reviżjoni u analiżi tal-poteri, il-funzjonijiet u r-rwol tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fis-sistema legali tagħna.[8] Tajjeb li wieħed jieħu stocktaking tas-sitwazzjoni b’riferenza għall-Korp tal-Pulizija u ssir analiżi daqsxejn iktar dettaljata fuq ir-realtà tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali llum, u kif tista’ tindibel. L-Avukat Ġenerali għandu rwol fundamentali, għandu status ta’ Imħallef tal-Qrati Superjuri, skont il-Kostituzzjoni – sezzjoni 90, jekk m’iniex sejjer żball – u jieħu deċiżjonijiet kważi ġudizzjarji għalkemm huma amministrattivi! Waħda mill-ikbar problemi li nara fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, apparti l-istruttura, hija li ma jagħtix raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu.[9]

Dan huwa punt li ċertament irid jiġi ndirizzat u jrid jiġi emendat.[10] Pereżempju jiddeċiedi li lil wieħed jibagħtu ġuri u lill-ieħor jibagħtu quddiem il-maġistrat. Mhux qed ngħid li ssir kapriċċożament jew bi skop, però jkollok kwestjonijiet ta’ diskriminazzjoni, anke jekk ma jridx, għax bl-istess każ wieħed bagħtu ġuri, ħariġlu l-att tal-akkuża, u lill-ieħor ħariġlu l-artikolu u bagħtu quddiem il-maġistrat.[11] Għandu jkun hemm id-dover li l-Avukat Ġenerali jagħti r-raġunijiet[12] biex jekk jien inħoss li ġejt diskriminat, ovvjament nista’ nissindika dik id-deċiżjoni. Il-pożizzjoni llum hija li ma tistax tissindika deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali. [13] Se nsemmiha partikolarment, biex ma nirrepetix, meta niġi biex nindirizza r-riforma tal-liġijiet tad-drogi.

[1] Franco Debono, “Vision for Justice”, Times of Malta, September 11th 2011-“The role and powers of the Attorney General, counsel to government and chief prosecutor, should be analysed, re-examining his latitude of discretion, in certain cases without the duty to give reasons.”
[2] Aggornamenti tal-Onor.Franco Debono-Estratt mis-Seduta Numru 474-Parlament ta’ Malta-16 ta’ Mejju 2012-l-Onor.Debono stqarr -“Irrid ngħix f’pajjiż fejn l-Avukat Ġenerali jkollu l-poteri, ir-rwol u l-funzjonijiet tiegħu riveduti għax fis-sistema tagħna li hija hybrid system għax ħadna parti mis-sistema kontinentali u parti mis-sistema Brittanika, dan huwa l-Avukat tal-Gvern, Prosekutur Pubbliku u xi kultant jabbozza liġijiet li hu stess ikun parti fihom. Hemm bżonn reviżjoni kompleta tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u jien nixtieq ngħix f’pajjiż fejn din ir-riforma saret snin ilu.”
[3] Voti tal-Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern-Seduta 162-Parlament ta’ Malta-19 ta’ Novembru 2009-l-Onor.Debono dahal fuq il-punt li r-rizorsi fi hdan l-ufficcju tal-Avukat Generali ghandhom jizdiedu-
“Hawnhekk nixtieq infaħħar ħafna x-xogħol li jagħmel l-avukat ġenerali, li nemmen ukoll li għandu jingħata aktar riżorsi. F’dawn l-għaxar snin kemm ili naħdem ta’ avukat, kelli ħafna x’naqsam mal-uffiċċju tal-avukat ġenerali, speċjalment fil-qasam kriminali. Nemmen li Dr Silvio Camilleri, li jaf il-liġi inside out, għamel mirakli bil-mezzi u r-riżorsi li għandu u nieħu l-opportunità biex infaħħar mhux biss il-ħidma tiegħu imma anke tal-istaff kollu tiegħu għax naf li għandhom ammont kbir ta’ xogħol. Naħseb li l-ministru jaqbel miegħi li jekk hu possibbli, inżidu l-istaff f’dan l-uffiċċju fejn illum jidħlu ħafna atti ta’ akkuża u r-rinviji ġejjin u sejrin. Fil-fatt naf li l-ministru qiegħed jaħdem fuq din il-ħaġa.”
[4] Indirizz b’Risposta ghad-Diskors tal-President ta’ Malta-L-Ewwel Diskors-Seduta 2-Parlament ta’ Malta-15 ta’ Mejju 2008-l-Onor.Debono sa mill-ewwel diskors parlamentari tieghu tkellem fuq l-irwol tal-Avukat Generali-“Issemma wkoll l-uffiċċju tal-avukat ġenerali. Kien hemm verament xi avukati li telqu mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali u nemmen li dawn kienu ta’ ċertu valur, għax nafhom kif jafhom il-kollega tiegħi. Però nemmen ukoll li l-avukat ġenerali llum irrekluta team li qiegħed jitħarreġ tajjeb għax dan l-uffiċċju għandu ħafna pressjonijiet u huwa mgħobbi b’ħafna xogħol. Nemmen ukoll, mingħajr retorika, li bir-riżorsi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, inklużi r-riżorsi umani, jagħmel ħafna xogħol. Naturalment anke jiena bħala difensur ġieli ma naqbilx mal-avukat ġenerali dwar ċerti deċiżjonijiet, però naħseb li bir-riżorsi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu u d-diversi mansjonijiet li jaqgħu taħtu, għandna nkomplu nsaħħuh. Jiena informat li riċentement kien hemm reklutaġġ ta’ diversi avukati ġodda u naturalment wieħed irid jagħtihom ftit żmien sakemm dawn jambjentaw ruħhom, pero’ naħseb li f’dan il-qasam mexjin lejn id-direzzjoni t-tajba.”
[5]Aggornamenti tal-Onor.Franco Debono-Estratt mis-Seduta Numru 105-28 ta’ April 2009-l-Onor.Debono kemm-il darba tenna fuq il-htiega li ghandu jissahhah u jizdiedu r-rizorsi-
“Mr Speaker, jiena faħħart ix-xogħol tajjeb li jagħmlu l-membri tal-Korp tal-Pulizija u ma nistax ma nfaħħarx ukoll ix-xogħol kbir li jagħmel u jwettaq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Nemmen li hemmhekk ukoll hemm bżonn inkomplu nagħtu input. Irridu nkomplu nżidu l-istaff fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u wieħed jirrealizza dan meta jara l-varjetà kbira u l-ammont ta’ xogħol li jgħaddi minn taħt idejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Minkejja li, kif diġà għedt, dan l-uffiċċju kompla ngħata spinta u jwettaq ħafna xogħol tajjeb, però nemmen li għandna nkomplu nagħtuh spinta iktar.”
[6] “ New Judge points to high rate of decided cases by the judiciary- Call for improved security at the law courts”, Times of Malta,12th June 2012 – “She pointed out the lack of resources at the AG’s office…”
[7]Mozzjoni ta’ Sfiducja fil-Gvern-Seduta 439-Parlament ta’ Malta-25 ta’ Jannar 2012-l-Onor.Debono ddikjara li fis-sistema legali taghna l-Avukat Generali ssibu kullimkien ghax jilbes hafna kpiepel differenti u sahaq ghal darb’ohra fuq “reviżjoni estensiva tar-rwol tal-Avukat Ġenerali fis-sistema legali tagħna u tal-poteri diskrezzjonali tiegħu. Fis-sistema legali tagħna l-Avukat Ġenerali huwa ftit minn kollox kullimkien. Huwa jfassal il-liġijiet, huwa prosekutur, jagħti pariri lill-Gvern, ifassal l-istess liġijiet li mbagħad huwa stess ikun parti fihom quddiem il-qrati u jieħu ħsieb l-inkjesti. Kollox ħallata ballata!”
[8] Estimi Generali 2012-Voti tal-Ministeru ghall-Gustizzja u l-Intern-Seduta 421-Parlament ta’ Malta-2 ta’ Dicembru 2011-l-Onor.Franco Debono jemmen li ghandu jigi ezaminat bir-reqqa l-irwol tal-Avukat Generali- “Issa nixtieq ngħaddi għall-punt dwar ir-ridefinizzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Hawnhekk irridu naraw daqsxejn ir-rwol tal-Avukat Ġenerali fis-sistema tagħna.”
[9] Voti tal-Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern-Seduta 56-Parlament ta’ Malta-18 ta’ Novembru 2008-l-Onor.Debono sahaq sa mill-2008 li l-Avukat Generali ghandu jaghti ragunijiet ghad-decizjonijiet tieghu-
“Fejn insibu li l-avukat generali ghandu diskrezzjoni-jien nemmen li din tigi ezercitata b’responsabbiltà – illi jista’ jibgħat fuq jew jibgħat isfel, id-differenza hija biss waħda drastika u kbira fil-piena. Nemmen li wieħed għandu jibda jikkonsidra, kif għandhom fl-Ingilterra, li din id-diskrezzjoni tibqa’ f’idejn l-avukat ġenerali, imma fl-istess ħin dan jagħti r-raġunijiet għaliex qed jagħmel hekk. B’hekk ikun hemm stabbilita wkoll ċerta uniformità li l-prinċipju u r-rekwiżit tagħhom hija waħda mill-elementi li tagħmel sistema ta’ ġustizzja aċċettabbli, avvanzata u fl-aħjar interess tas-soċjetà u tad-demokrazija. Ħallli niġi għall-kwestjoni tal-appelli min-naħa tal-avukat ġenerali. Huwa veru, riċentement żdiedu l-appelli min-naħa tal-avukat ġenerali għax twessgħu wkoll il-grounds li fuqhom seta’ jappella. Forsi sakemm kien hemm dak il-perijodu ta’ tranżizzjoni u sakemm wieħed ġie fuq saqajh seta’ kien hemm xi problemi, però naħseb li llum is-sitwazzjoni stabbilizzat ruħha. Kien hemm ukoll intervent mill-prim imħallef fejn qal li hawn dritt ġdid u naħseb li llum nħoloq ukoll bilanċ.”
[10] Abbozz ta’ Ligi li jimplimenta Mizuri tal-Estimi-Abbozz Numru 34-Seduta 187-Parlament ta’ Malta tal-1 ta’ Frar 2010-l-Onor.Debono sostna“Jekk l-avukat ġenerali jiddeċiedi li jibgħat l-akkużat isfel għandek piena bejn sitt xhur u għaxar snin, u jekk l-avukat ġenerali jiddeċiedi li jibgħat il-każ quddiem il-qorti kriminali għandek piena differenti.“Kollox jiddependi mid-diskrezzjoni assoluta tal-avukat ġenerali. M’għandix dubju li l-avukat ġenerali jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu b’mod raġjonevoli, b’mod ġust u b’mod għaqli ħafna, però naħseb li wasal iż-żmien – u kont ħeġġiġt lil xi ħadd li kien qed jagħmel teżi biex jidħol f’dan is-suġġett – li l-avukat ġenerali jagħti r-raġunijiet għaliex jagħżel li jibgħat persuna biex tiġi ġudikata mill-qorti tal-maġistrati u mhux qed jibagħtha quddiem l-imħallef jew viċiversa. Naħseb li wasal iż-żmien li nikkonsidraw dan ukoll. Kelli opportunità nitkellem mal-Ministru tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li nibdew naħsbu fuq xi ħaġa f’dak is-sens.”
[11] Abbozz ta’ Ligi biex jemenda l-Att dwar il-Probation Abbozz Numru 40-Seduta 203-Parlament ta’ Malta-22 ta’ Marzu 2010-l-Onor.Debono dahal fid-dettall biex jispjega x’inhuma r-rammifikazzjonijiet tad-diskrezzjoni vasta u insidakabbli tal-Avukat Generali-“Ħaġa oħra li tkellimt fuqha drabi oħra f’dan il-Parlament u li tqajmet reċentement ukoll minn ġurnal ieħor, jekk m’iniex sejjejr żball minn “Malta Today”, kienet dwar id-diskrezzjoni li għandu l-Avukat Ġenerali fil-każijiet tad-droga. L-Avukat Ġenerali għandu dritt li jiddeċiedi hu dwar quddiem liema qorti jibgħat lill-akkużat. Dan jista’ jibagħtu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jew quddiem il-Qorti Kriminali. X’inhi d-differenza? Id-differenza mhijiex waħda żgħira imma kbira fil-piena li tista’ tiġi mogħtija mill-qrati differenti. Fil-Qorti tal-Maġistrati għandek piena massima ta’ għaxar snin ħabs fil-każ ta’ traffikar filwaqt li fil-qorti Kriminali, jiġifieri fil-ġurijiet, il-piena massima hija dik tal-għomor u l-piena minima hija dik ta’ erba’ snin priġunerija. Ovvjament hawn qegħdin nitkellmu dwar każijiet ta’ traffikar u każijiet ta’ conspiracy u possession, jiġifieri mhux qegħdin nitkellmu fuq każijiet magħrufin bħala simple possession.
Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali tista’ tagħmel differenza kbira. Jiena m’għandix dubju li l-Avukat Ġenerali dejjem eżerċita din id-diskrezzjoni b’mod għaqli, imma wieħed irid ikollu dawk is-safeguards li dik id-deċiżjoni għandha tiġi sindikata biex jinħoloq bilanċ. Nixtieq nidħol f’iktar dettal fuq dan is-suġġett, però mhux il-materja tal-lum. Is-suġġeriment tiegħi x’inhu? Dan is-suġġeriment, li għamiltu drabi oħra f’dan il-Parlament, hu li filwaqt li l-Avukat Ġenerali ikollu diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi hu fejn jibgħat persuna biex tiġi ġudikata, irid jagħti r-raġunijiet. Jekk m’iniex sejjer żball il-pożizzjoni fl-Ingilterra qiegħda hekk. Ftit snin ilu kien hemm studenta li talbitni ngħinha f’teżi u kont iddiriġejtha biex tagħmel riċerka f’dan is-sens. Jidhirli li l-pożizzjoni fl-Ingilterra qiegħda li teżisti din id-diskrezzjoni tal-avukat ġenerali imma dan irid jagħti r-raġunijiet ukoll biex dawn ir-raġunijiet ikunu sindikabbli quddiem qorti, u allura wieħed jelimina l-potenzjal tal-abbuż.”
[12] Kumitat Maghzul tal-Kamra (Ri-Kodifikazzjoni u Konsolidazzjoni ta’ Ligijiet)-il-Hdax-il Parlament –Parlament ta’ Malta-Laqgha 32 tat-23 ta’ Mejju 2012 l-Onor.Chairman Dr.Franco Debono qajjem ghad-diskussjoni-“id-diskrezzjoni tal-AG inħobb insemmiha ħafna għaliex nemmen – u forsi huwa punt li jirrikjedi diskussjoni ampja – li l-Avukat Ġenerali għandu jkollu diskrezzjoni – u allaħares ma jkollux diskrezzjoni – pero’ naħseb li għandu jibda jagħti r-raġunijiet, kif inhi ġewwa l-Ingilterra l-pożizzjoni li jekk m’inix sejjer żball hija din. Qed ngħid dan kollu biex wieħed jibda jistrada forsi daqsxejn id-direzzjoni tad-diskussjoni.”
[13] L-avukat Debono rigward id-deskrizzjoni vasta u insidakabbli tal-Avukat Generali tkellem fuq Abbozz ta’ ligi li kien addirittura jaghti iktar poteri- “Franco Debono warns he will not back the government unless ministry is split immediately”,TimesofMalta.com, 21st November 2011, “He stressed today that the government needed to shelve proposals made in a recent Bill moved by the Minister of Justice which he said, would give the Attorney General wider discretion in the exercise of his judicial power without giving any reasons and without the safeguards afforded to judicial decisions. I do not and will not tolerate shifting of goalposts or deceit,” Dr Debono said. I hope everyone has realised the situation in justice and home affairs calls for very urgent action. Over the past years, he said, matters had degenerated.”

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.