25 May Responsabbilta politika – lbierah u illum
F’dawn l-ahhar snin smajna hafna fuq responsabbilta politika. Din hija silta minn dikors tieghi fil-Parlament Malti tal-25 ta’ Jannar 2012 li jidher li huwa rilevanti illum daqs kemm kien dak in-nhar. Sfortunaament fi zmien iehor gie ikkundannat mhux min kellu jerfa’ r-responsabbilta politika minhabba n-nuqqasijiet tieghu izda b’mod inkredibbli, min talab li tintrefa’ dik r-responsabbilta! – l-aghar forma ta’ ingustizzja!
Seduta 439-Parlament ta’ Malta-l-Onor, Franco Debono 25 ta’ Jannar 2012
Sur President, hawnhekk qed noqgħod lura milli nsemmi ismijiet. Ħafna nies jgħidu li jien għandi raġun dwar ir-riformi li qed nipproponi. Awtomatikament dan ifisser li hemm ħaddieħor li kellu l-obbligu li dawn imexxihom ‘il quddiem u jwettaqhom iżda m’għamilx hekk. U dan huwa l-ewwel punt. Is-sistema parlamentari tagħna trid li l-gvern jitmexxa minn kabinett magħżul mill-prim minsitru. Jekk xi ħadd minn dak il-kabinett ikun qed jonqos milli jwettaq dak li għandu jwettaq allura hemm tidħol il-kwestjoni ta’ responsabbiltà politika. Ovvjament prim ministru għandu diskrezzjoni li jagħmel kabinett però jien għandi dritt li ma naqbilx fuq grounds of policy u jien ilni xhur u snin ngħid li ma’ ċerti policies ma naqbilx, kemm apertament kif ukoll internament kif jaf kulħadd. Jien mas-sistema tal-ġustizzja li għadni kemm spjegajt u li m’għandix ħin nispjega aktar fid-dettall ma naqbilx. Kulħadd jaf. Dawn huma affarijiet pubbliċi. Allura jekk ħafna nies, bħalma qal anke l-Onor. Galea, jaqblu ma’ dak li qed ngħid, ifisser li hemm xi ħadd li naqas.
Sur President, ħafna drabi f’soċjetà kollox jirrisolvi ruħu għal min se jerfa’ r-responsabbiltà, it-tort u jbati l-kundanna. Ikun tad-daħk jekk ngħidu li se nagħmlu riformi kostituzzjonali mingħajr ma nibdew il-kultura tal-irfigħ tar-responsabbiltajiet. Ma nistgħux immorru nagħmlu riformi kostituzzjonali fis-sitwazzjoni li qegħdin illum fejn ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà. Kif trid tmur tagħmel riformi kostituzzjonali? Fejn se tmur? Mela riforma kostituzzjonali mhux fuqna u fuq il-Gvern u fuq min għandu l-poter trid issir prinċipalment? Mela r-riformi kostituzzjonali se nagħmluhom biex ngħidu għamilna xi erbat iċfuf jew xi erba’ żigarelli? Inutli ngħidu se mmorru nagħmlu riformi kostituzzjonali jew xi kumitat jew xi affarijiet minn dawn. Mhux il-karta l-importanti iżda l-prattika. Xi darbi, u kultant b’mod sistematiku kif spjegajt diġà, biex ma jeħilx Ċikku jkollu jerfa’ l-piż tiegħu Peppi. Biex ħadd mill-amministrazzjoni ma jerfa’ l-piż tan-nuqqasijiet jispiċċa jbati l-konsegwenzi ċ-ċittadin u biex jingħalaq il-file u l-każ deċiż. F’din is-sitwazzjoni ma tistax tagħmel riformi kostituzzjonali bis-serjetà u b’mod kredibbli. Ir-riformi kostituzzjonali m’għandhomx isiru fuq il-ġrieden jew il-wirdien imma fuq il-politiċi prinċipalment, fuq min għandu l-poter, fuq l-imħallfin u fuq il-maġistrati, fuq il-ministri u fuq il-Parlament. Hawn fuq xiex qed nitkellmu? Fuq xi parallel universe ieħor?
It-tieni punt li rrid nagħmel huwa jekk din ir-responsabbiltà ma tintrefax minħabba ebusija tar-ras, sfida jew inkejja, allura nkunu f’sitwazzjoni assurda fejn in-nuqqasijiet ta’ min għandu l-obbligu jamministra jkunu qed jiġu aktar aċċentwati mill-fatt li jkun hemm min qiegħed jindika dawn in-nuqqasijiet. U lanqas ma jreġi l-argument, li xi kultant nisma’, fejn jingħad li għax jekk jirriżenja wieħed imbagħad hemm mnejn tintalab ir-riżenja ta’ xi ħaddieħor. Mela dan bir-ration?! Min jiżbalja jrid jerfa’ r-responsabbiltà. Jirriżenjaw jew jerfgħu responsabbiltà kemm hemm bżonn.
Argument ieħor inkwetanti u li qatt ma fhimtu huwa dak fejn meta titkellem għax ma jkun sar xejn jgħidulek: Għax issa ma nistgħu nagħmlu xejn għax nkella nidhru li qisna qed nirreaġixxu. Din x’biċċa hi?
In-nuqqas ta’ kontabbiltà u ta’ responsabbiltà u kultura ta’ riżenji tant għandhom għeruq fondi f’dan il-pajjiż u tant hi qawwija u ineżistenti li meta sfidata serjament irrespinġiet it-tentattiv li tingħeleb billi addirittura ntalbet ir-riżenja ta’ min ipprova jeħodha kontrieha.
Din hija ħaġa oħra li kulħadd jaqbel magħha. Kien hemm min ikkwota l-frażi “MPs should be reluctant to emberass the government” mit-teżi tiegħi – għax jien l-interess fil-politika ma nibetx lbieraħ – imma hawnhekk kont qed nitkellem fuq is-sistema Brittanika fejn hemm kultura ta’ riżenji esaġerata, fejn hemm sistema taħdem kważi perfetta li saħansitra hija l-mudell ta’ ħafna mid-demokraziji u allura ovvjament f’dik iċ-ċirkostanza “MPs should be reluctant to embarrass the government” imma mhux meta l-membri tal-Gvern ikunu qed jagħmlu ħiliethom kollha biex jimbarazzaw lill-Gvern huma stess! Mhux biss f’din il-leġislatura ħadd ma refa’ responsabbiltà politika tan-nuqqasijiet tiegħu – kulħadd jaf li kien hemm f’diversi oqsma u m’għandix għalfejn noqgħod nerġa’ nsemmi – talli b’mod sarkastiku u oxxen intalbet ir-riżenja ta’ xi ħadd għax sempliċiment ma qabilx ma’ din il-kultura. Ara kemm hi kultura soda u qawwija.
Dan l-atteġġjament tal-partit ikisser it-team spirit u jġib l-inkwiet. Is-Sur Schiavone għandu ħafna x’iwieġeb u responsabbiltà x’iġorr għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-partit. Jgħidu li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu kilba għal poter però s-Sur Schiavone jitfih. Il-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas biss jibda miegħu! Dan mhux kilba għandu imma ossessjoni. Ilu joħroġ għall-elezzjoni mill-1987 u qatt ma ġie elett. Lanqas jara bl-ossessjoni li għandu. Ipprovaw jagħtuh il-ġenb u hu mar jigdeb gidba faħxija fuq deputat. Mar idur id-djar iżda li ma qallhomx kien li gideb gidba faħxija fuq id-deputat li huma kienu għadhom kif eleġġew. Li tħalli deputat ibati b’dan il-mod meta taf li ma jistax jitkellem u li ma jixtieqx jitkellem apertament u tħallih ibati huwa ħażin.
Sorry, the comment form is closed at this time.