29 Nov Is-Seba’ Diskors Parlamentari – Liberta’ Provizorja u emendi ohra – Jannar 2009
Dan huwa diskors fid-diskussjoni dwar abbozz ta’ ligi prezentat minn Carm – emendi importanti izda ta’ poca portata jekk mhux kozmetici, meta mqabbla mar-Riforma estensiva li kellha bzonn s-sitema legali taghna.
Wiehed facilment jinnota t-ton li qed nuza f’dan l-istadju bikri fil-legislatura, fejn b’lealta’ shiha lejn l-Partit Nazzjonalista u l-gvern qed nfahhar dak li sar fis-snin ta’ qabel izda wkoll naghmel hilti biex naghmel proposti. Wiehed jinnota t-ton meqjus, diplomatiku, ta’ tifhir fil-konfront tal-Ministru Carm Mifsud Bonnici, anke jekk f’dan l-istess diskors qed nissuggerixxi emendi u anke jekk fid-diskorsi ta’ qable diga’ ghamilt proposti estensivi li jinkorporaw parti sostanzjali mir-Riforma fil-Gustizzja li ghandu bzonn dan l-pajjiz u li illum kulhadd jaqbel maghha.
Dan huwa diskors dwarAbbozz ta’ Ligi prezentat minn Carm mifsud Bonnici dak z-zmien Ministru tal-Gustizzja u Intern, sitwazzjoni li kienet qed tikkomplika l-affarijiet. F’hafna mill-pajjiz madwar l-Ewropa u fil-Kummissjoni Ewropeja z-zewg portfolios huma separate u f’Malta nqasmu wara kampanja shiha li ghamilt f’Dicembru 2011.
Meta dawn regghu gew amalgamate minn gvern sussegwenti din d-decizjoni giet reversed wara ftit xhur. Illum grazzi ghall-isforzi tieghi f’Dicembru 2011 din s-separazzjoni bejn l-Ministeri tal-Gustizzja u intern tinsab cementata fis-sistema taghna.
Minn dan d-diskors wiehed jista’ jinnota wkoll li minkejja li l-Ministru kien qed jinjora s-sejhiet tieghi ghal diversi riformi li proponejt fid-diskorsi ta’ qabel jien ghandi ton ta’ rispett u tifhir fil-konfront tieghu. Ovvjament kont ghadni qed nittama li minkejja li kienet diga’ ghaddiet sena, kien baqa’ erba’ snin fejn stajt nahdem ma’ Carm biex r-Riforma fil-gustizzja titwettaq. Wiehed mill-akbar doni tieghi huwa fil-fatt l-pacenzja!
Seduta 77 28 ta’ Jannar 2009 Diskors Onorevoli Franco Debono
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali
ONOR FRANCO DEBONO: Sur President, is-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi ddeskriva b’mod tajjeb ħafna l-ħruxijiet li sfortunatament l-umanità għaddiet minnhom fis-snin imbiegħda jew forsi mhux daqstant imbiegħda, skont liema skala ta’ kejl juża’ dak li jkun. Għalhekk kif qal hu, huwa desiderabbli li din il-liġi toħloq bħala reati r-razziżmu u x-xenophobia.
Il-kollegi tiegħi li tkellmu qabli semmew ukoll ir-reat tal-piraterija. Hawnhekk ninnota li dwar dak li jikkonċerna l-piraterija ġiet imwessa’ l-ġurisdizzjoni tal-qrati Maltin. Fil-fatt artiklu 328(n) kif propost fi klawsola 7 ta’ dan l-abbozz ta’ liġi jistipula liema huma r-reati li jsiru minn xi ċittadin jew persuna li tkun permanenti residenti Malta, persuna li tkun abbord xi bastiment, vapur jew inġenju tal-baħar li jkun jappartjeni lil Malta kif ukoll persuna oħra kontra xi bastiment, vapur jew inġenju tal-ajru li jkunu jappertjeni lil Malta. Dan huwa importanti għax il-komunità internazzjonali għandha tipproteġi ruħha minn min jipperpetra dawn it-tip ta’ reati.
Issa nixtieq nitkellem ftit aktar fid-dettall dwar l-aħħar żewġ emendi li hemm f’dan l-abbozz ta’ liġi. L-ewwelnett irrid nibda b’artiklu 338(z) tal-Kodiċi Kriminali li jikkonċerna l-manteniment. Naħseb li hawn qbil unanimu li l-iskop tal-leġislatur f’din id-dispożizzjoni tal-liġi huwa proprju li jipprotegi lill-ulied, ġejjin minn liema tip ta’ relazzjoni ġejjin. Jien nemmen li dawn għandu jkollhom il-protezzjoni tal-liġi u li ħadd m’għandu jabbuża minnhom, kemm jekk ikunu ġejjin minn relazzjoni ta’ żwieġ kif ukoll jekk ikunu ġejjin minn relazzjoni extra-konjugali.
Jien bħala avukat inħabbat wiċċi magħhom kuljum dawn il-każi li ma jagħtux manteniment. Kultant, kif qal l-Onor. Herrera, tqum il-kwestjoni li wieħed, li fid-digriet kellu impost li jħallas ċertu ammont ta’ manteniment, jitlef ix-xogħol jew forsi qabel kien jagħmel l-overtime imbagħad ma baqax, allura wieħed irid jikkonsidra daqsxejn iċ-ċirkostanzi ġodda. Però din l-emenda ma narahiex waħedha, imma fid-dawl tal-iżviluppi kbar li l-Ministru Carm Mifsud Bonnici, kemm issa li huwa ministru u kemm qabel meta kien segretarju parlamentari, għamel fil-qasam tal-liġi tal-familja. Ma rridux ninsew li saru passi ta’ ġgant f’dan il-qasam. Biss biss dawn it-tip ta’ kawżi qed jiġu stradati kollha quddiem l-istess maġistrat fil-qorti tal-familja. Ġie introdott il-proċess ta’ medjazzjoni, li mill-esperjenza personali tiegħi ċert li ħalla ħafna ġid, fejn qabel tmur biex tagħmel separazzjoni tiġi esplorata l-possibilità ta’ rikonċiljazzjoni u fin-nuqqas ta’ tali eventwalità jkun hemm l-għajnuna minn persuna esperta sabiex isir l-abbozz tal-kuntratt tas-separazzjoni.
Allura din l-emenda li tidher kożmetika għandha importanza kbira. Naqbel li huwa importanti ħafna li ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-wild li jkun ġej minn żwieġ u wild ieħor li ma jkunx ġej minn żwieġ. Importanti wkoll li dan l-abbozz qed jaħseb għal dawk il-każijet fejn il-ħati jkun riċediv. Għal dawk li mhumiex daqshekk midħla tal-qasam legali reċidiv tfisser li jkollok persuna li persistentement jibqgħu jiksru din id-dispożizzjoni tal-liġi, ma jamministrawx manteniment għad-detriment tal-ulied. Sfortunatament ikollok persuni li jkunu qed jistennew dan il-mateniment sabiex ikunu jistgħu joffru ħajja diċenti lil uliedhom. Allura bla dubju ta’ xejn, il-liġi għandha tagħti protezzjoni lil min ħaqqu, però għandha wkoll tkun rigoruża. Dan huwa rifless hawnhekk biż-żieda ta’ dan il-proviso fejn il-piena qed tiżdied għal min iwebbes rasu u jibqa’ jikser l-istess liġi.
Niġi għall-emenda l-oħra li tikkonċerna l-libertà provisorja. Wieħed irid jifhem x’inhu bail u x’inhuma l-kondizzjonijiet tagħha. Jien bħala avukat penali nħoss li l-emendi li ressaq riċentement il-Ministru Carm Mifsud Bonnici huma għaqlin u jagħmlu ħafna sens f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonjiet dwar il-bail. Il-ħelsien mill-arrest mhux mod ta’ kif inti tiġi kkastigat. Il-ħelsien mill-arrest jingħata meta persuna titressaq il-qorti, tkun għadha preżunta innoċenti, għad trid tgħaddi proċess, għad tista’ tiġi illiberata, imma l-qorti, u hekk għandu jkun, timponi ċerti kondizzjonjijiet. Il-qorti tista’ ma tagħtix bail għax ikun hemm raġunijiet gravi għalfejn din il-persuna għandha tinżamm arrestata, jew għax għadhom ma nstemgħux ix-xhieda jew għax hemm il-biża’ li din il-persuna tista’ titlaq minn Malta u allura tevadi l-proċess ġudizzjarju jew għal xi raġunijiet oħra. Min-naħa l-oħra jekk u meta l-qorti jidhrilha li għandha takkorda ħelsien mill-arrest imbagħad hija l-prassi li jiġu imposti ċerti kondizzjonijiet. Minkejja li hemm indikazzjonjiet fil-liġi, ħafna drabi jkunu l-ġudikanti partikolari li bl-esperjenza u fl-għerf tagħhom jaraw x’ikunu l-aħjar kondizzjonijiet li għandhom jimponu biex jissalvagwardjaw ir-retta amministrazzjon tal-ġustizzja.
Però fil-kondizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest – issa tista’ tispiċċa ġuri jew tista’ tiġi ġudikat mill-qorti tal-maġistrati – wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li inti għadek preżunt innoċenti u għadek trid tgħaddi l-proċeduri. Allura l-emendi li ġew introdotti riċentement kienu għaqlin għax, kif qal l-Onor. Herrera u kif ċertament se jaċċenna l-ministru, qabel kellek sitwazzjoni fejn persuna tikser il-kondizzjonijiet tal-bail, tal-ħelsien mill-arrest, kultant anke forsi b’mod gravi, u ma jsir xejn. Mhux sewwa li persuna tikser il-kondizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u l-garanzija personali ma tinġabarx. Għandu jkun hemm osservanza tal-liġijiet tal-pajjiż. Jekk il-qorti imponietlek kondizzjoni, dik il-kondizzjoni għandha tiġi obduta b’mod ġenerali.
Bl-emendi li ġew introdotti riċentement persuna li tikser il-bail qed tiġi mressqa b’arrest, il-każ tagħha jinstema’ b’mod sommarju u tiġi imposta l-piena u l-garanzija personali qed tiġi miġbura illum. B’dan il-mod ħadd ma joħroġ bl-impressjoni li l-kondizzjonijiet tal-ħelsien qegħdin hemm aktar biex tiksirhom milli biex tobdihom. Din l-impressjoni spiċċat u llum min ikun bil-ħelsien mill-arrest jaf li jekk se joqgħod ixellef difrejh ma’ dawn il-kondizzjonijiet ma jistax jiskappa mill-piena. U hekk għandu jkun għax fl-aħħar mill-aħħar dawn il-kondizzjonjiet huma ordni ta’ qorti u kull ordni għandha tiġi rispettata. Però mill-banda l-oħra għandu jkun hemm bilanċ f’ċerti ċirkostanzi. Kif kont qed ngħid, uħud minn dawn il-kondizzjonijiet huma serji ħafna. Per eżempju, li l-akkużat ikellem ix-xhieda hija xi ħaġa serja u tolqot direttament il-proċess. Imma kultant ikollok kondizzjonjiet minuri bħalma hi dik tal-firma. Issa li tiffirma darba, ħames darbiet, jew kuljum huma kondizzjonijiet li l-qorti tħoss li għandha tagħmilhom f’ċerti ċirkostanzi.
Fix-xogħol tiegħi kuljum ikolli kawżi fuq kwestjonjiet ta’ bail. Meta kien daħal fis-seħħ il-proviso tal-artikolu 579 niftakar li kont rajt id-dibattitu li kien sar dwaru f’dan il-parlament. Dan il-proviso kien jgħid li l-qorti kellha tgħaddik minn test ieħor meta ikun hemm ksur ta’ dawn il-kondizzjonijiet. Mela l-ewwel il-qorti trid tasal għad-deċiżjoni li hemm ksur tal-kondizzjoni tal-ħelsien mill-arrest, imbagħad daħal il-konċett fil-liġi li l-qorti trid tara jekk dak il-ksur kienx ta’ konsegwenza serja. Dan għaliex kemm il-maġistrati, kemm l-imħallfin, kemm l-ispetturi, aħna kollha umani, kollha bil-karattru partikolari tagħna. Allura kultant ikollok spettur li jekk inti tmur tiffirma kwarta, nofs siegħa tard jifhem li għax inqbadt ix-xogħol u mhix xi ħaġa daqshekk serja u ma joqgħodx jagħmel ħafna fuss, forsi jagħtik twiddiba u ma terġax tagħmilha. Kultant ikollok spettur ieħor li kif tmur tiffirma ħames minuti tard, jaqbad ifaqqagħlek rikors u jieħdok il-qorti b’arrest. Jiġifieri naħseb li għandu jirrenja s-sens komun u tinsab it-triq tan-nofs.
Bażikament jien nemmen li din tifforma ħolqa oħra fil-katina twila ta’ emendi validissimi u importanti li jrendu l-Kodiċi Kriminali tagħna aktar modern u aktar iżomm il-pass taż-żmenijiet li qed ngħixu fihom illum. Però xtaqt nissuggerixxi, kif għamel il-kollega l-Onor. Herrera, li din l-emenda tkun waħda mhux trattattiva imma fakultattivà. Jiġifieri llum qed ngħidu li jekk il-qorti tiddeċiedi li persuna kisret il-kondizzjoni ta’ ħelsien mill-arrest tista’ twaħħalha priġunerija jew multa, imbagħad jekk ma jkunx hemm it-talba li titlef l-ammont tal-garanzija, jista’ mbagħad isir il-kors ad hoc fil-proċeduri tal-każ oriġinali li fih ikunu ġew imposti dawn il-kondizzjonjiet. Hawnhekk fi klawsola 10 qed ngħidu li “l-ammont stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija għandu jiġi konfiskat favur il-Gvern ta’ Malta.” Hawnhekk qed nitkellmu fuq l-użu tal-kelma “għandu” jew “jista’”, imma l-portata u l-konsegwenza tagħha fil-liġi hija kbira ħafna. Fejn il-liġi titkellem fuq “jista’” tkun qed titħalla diskrezzjonarja, fakultattivà, allura l-ġudikant ikun f’pożizzjoni li jeżamina l-każ partikolari u jiżen fejn għandu jordna li l-ammont taħt garanzija stabbilit fil-ħelsien mill-arrest jiġi konfiskat favur il-Gvern ta’ Malta jew fil-każ l-ieħor ma jiġix konfiskat.
L-argument tiegħi hu li fl-istadju ta’ kumitat wieħed għandu jiddiskutu li minflok il-kelma “għandu” nagħmlu l-kelma “jista’”. Kif qed tikkontempla l-liġi hawnhekk hija tassattiva li dan l-ammont għandu jintilef f’kull każ, dejjem. Il-ġudikant qed titneħħielu kull diskrezzjoni, m’għandux għażla, ma jistax jiddeċiedi mod ieħor. Il-liġi qed timponi li dan l-ammont ta’ garanzija jintilef kemm f’każijiet li jkunu gravi, fejn dak li jkun kellem lix-xhud li hija xi ħaġa gravi, u kemm f’każijiet li ma jkunux gravi, fejn ikun iffirma għaxar minuti tard, ksur ta’ dan it-tip, deminimis. Għalhekk jien naħseb li fl-istadju ta’ kumitat għandna niddiskutu jekk flok il-kliem “għandu jiġi konfiskat” għandux jidħol il-kliem “jista’ jiġi konfiskat”. B’dan il-mod inħalluha fid-diskrezzjoni tal-ġudikant li jkun qed jisma’ l-każ partikolari biex jara jekk ikunx jimmerita li l-ammont ta’ garanzija jiġi konfiskat favur il-gvern jew le għax l-iktar każijiet li jidhru l-istess wara li teżaminahom tinduna kemm ikunu differenti. Jien nemmen li għandha titħalla fid-diskrezzjoni tal-ġudikant. Dak li xtaqt ngħid b’mod partikolari fuq din l-emenda imma b’mod ġenerali naqbel magħha wkoll.
Sorry, the comment form is closed at this time.