It-Tieni Diskors Parlamentari – Twelid ta’ Riformi fil-Gustizzja – Aggornament Gunju 2008

It-Tieni Diskors Parlamentari – Twelid ta’ Riformi fil-Gustizzja – Aggornament Gunju 2008

Franco DebonoKont ilni biss xahrejn fil-Parlament. Kont hdimt b’mod assidwu fil-Qorti ghal tmien snin u kelli esperjenza bizzejjed biex naghmel proposti konkreti dwar nuqqasisjiet fis-sistema.
Dan huwa t-tieni diskors li ghamilt fil-Parlament. Minnufih hadt opportunita’ nwassal l-preokkupazzjonijiet tieghi dwar sistema gudizzjara li kienet qed tigi traskurata. B’ton meqjus hafna heggigt biex tigi imlimentata ligi li kienet ghaddiet mil-Parlament sitt snin qabel u qatt ma ddahhlet fis-sehh. Dritt fundamentali li kellu jibqa’ sinonimu ma’ ismi, wahda mill-Akbar battalji li ghamiltbiex jidhol id-dritt ghall-assitenza legali ghal persuni arrestati u r-rule of disclosure. Sa Dicembru 2009 din l-ligi kienet ghadha ma dahlitx fis-sehh b’mod li kelli nastjeni minn vot Parlamentari minuri bhala sinjal ta’ protesta biex imbaghad din l-ligi dahlet fis-sehh ftit gimghat wara fl-10 ta’ Frar 2010.
R-rule of disclosure dahlet fis-sehh ftit xhur ilu u bhala parir lil gvern prezenti ftit li kelli xi nzid ma’ dak li kont ghidt fil-Parlament f’hafna diskorsi wara dan.  S-separazzjoni bejn l-rwoli inkwirenti u gudikanti tal-magistrati ghadha sal-llum tigi diskussa u giet ikkupjata wkoll fir-Rapport Bonello pero’ ghadha ma gietx implimentata sal-llum. L-pariri tieghi lil gvern huma l-istess li hawn f’dan d-diskors u diskorsi ohra sussegwenti. Wara dan ghamilt hafna diskorsi ohra dwar r-Riforma fil-Gustizzja bil-kulminu jkun l-mozzjoni privata teghi dwar Riformi Magguri fil-Gustizzja u Intern li prezentajt fil-Parlmanet fit-8 ta’ Novembru 2011.
Dan juri l-konvinzjoni tieghi dwar s-suggett, l-konsistenza, l-perseveranza u l-originalita’ ta’ dawn l-proposti li sussegwentement gew ikkupjati f’Rapporti ohrajn.

Aġġornament tal-Onorevoli Franco Debono MP

Estratt mis-Seduta Nru. 23 tal-Erbgħa, 25 ta’ Ġunju, 2008

ONOR. FRANCO DEBONO:                  Sur President, jekk hemm qasam li dan il-gvern għandu biex ikun kburi bih, dan hu l-qasam tal-ġustizzja u l-intern fejn fih il-poplu tagħna għamel kisbiet kbar, u b’riżultat ta’ dan illum is-sistema legali tagħna hija waħda mill-aktar avvanzati. F’dan l-aġġornament xtaqt nitkellem dwar dispożizzjoni li minkejja li tinsab fil-liġi tagħna għadha ma daħlitx fis-seħħ u nemmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien sabiex isiru l-preparamenti neċessarji sabiex din tiġi in vigore.

          Hawnhekk qed nirreferi għad-dispożizzjoni fejn persuna li tkun suspettata ta’ reat u tkun qed tiġi investigata mill-pulizija jkollha d-dritt ta’ assistenza ta’ avukat. Kif inhi l-pożizzjoni llum, persuna li tkun arrestata mill-pulizija m’għandha l-ebda dritt li tikkonsulta ma’ avukat matul il-ħin ta’ l-interrogazzjoni. Dik hija l-pożizzjoni legali sal-lum, Sur President. Issa fil-kodiċi kriminali hemm dispożizzjoni li  temenda din is-sitwazzjoni, pero’ kif għedt diġa’ din għadha ma daħlitx fis-seħħ peress li għadu ma sarx l-avviż legali relattiv.

               Sur President, jien inħeġġeġ lil min hu responsabbli sabiex ilesti l-preparamenti neċessarji u joħroġ dan l-avviż legali ħalli pajjiżna, anke f’dan ir-rigward, ikun in line ma’ dak li jiġri f’pajjiżi demokratiċi avvanzati oħra, fejn bniedem taħt interrogazzjoni jew li jkun qed jgħin lill-pulizija fix-xogħol tagħhom ikun jista’ jiġi assistit minn avukat tal-fiduċja tiegħu. Nemmen li kemm il-prosekuzzjoni u l-awtoritajiet li jkunu qed jinvestigaw u kemm il-konsulent legali għandhom rwol fundamentali x’jaqdu u nemmen ukoll li din id-dispożizzjoni tkun ukoll ta’ assistenza għall-Korp tal-Pulizija.

          Illum aħna għandna Korp tal-Pulizija li ċertament jagħmel ġieħ lil dan il-pajjiż u jgawdi r-rispett taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Għalhekk jekk kemm-il darba din id-dispożizzjoni tidħol fis-seħħ, din se tkompli żżid mhux biss il-garanziji għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja iżda wkoll l-assistenza għall-korp.

             Qed ngħid dan għax sal-lum x’jiġri fil-kamra ta’ l-interrogazzjoni bejn il-persuna suspettata, li tkun waħedha bla avukat, u l-membri tal-korp hu mdawwar b’arja ftit jew wisq misterjuża. Issa jekk jinfetħu l-bibien skond kif titlob din id-dispożizzjoni jkun hemm aktar serenita’ u aktar garanziji għaċ-ċittadin li, skond is-sistema tagħna, hu preżunt innoċenti sa l-aħħar tal-proċeduri, aħseb u ara fl-istadju bikri ta’ l-investigazzjoni fejn il-pulizija jkollha ftit indizji. Għalhekk hu aktar importanti li jkollna s-salvagwardji neċessarji li żviluppajna u mmodernizzajna matul l-iter proċesswali tal-proċess kriminali kollu. Fil-fehma umli tiegħi, il-proċess kriminali huwa intiż sabiex jassigura li l-persuna li tkun preżunta innoċenti jkollha smigħ xieraq.

            Għaldaqstant huwa importanti li dawn is-salvagwardji u garanziji ma jibdewx minn dak il-mument li persuna titressaq il-qorti, imma jkunu preżenti wkoll – u hawnhekk qed nagħmel riferenza partikolari għal din id-dispożizzjoni – anke qabel ma l-persuna titressaq il-qorti u waqt li tkun qed tiġi investigata. Sur President, wasal iż-żmien li naħsbu serjament f’dan u jekk hemm bżonn ta’ kmamar u affarijiet oħra fejn l-avukati jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-persuni suspettati, li jitolbu li jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni, dawn il-preparamenti għandhom isiru sabiex din id-dispożizzjoni tidħol fis-seħħ.

           Ngħaddi issa biex nitkellem fuq punt ieħor, Sur President. Jiena nemmen li wasal iż-żmien li jkun hemm distinzjoni fundamentali bejn il-kariga ta’ maġistrat inkwirenti u maġistrat ġudikanti. Filwaqt li nemmen li għandna ġudikatura soda – din irnexxielha toħroġ b’mod tajjeb minn żminijiet diffiċli fil-passat riċenti u li llum qed tgawdi rispett, kredibilita’ u fiduċja mill-poplu – nemmen ukoll li wasal iż-żmien li jkollna distinzjoni bejn ir-rwol ġudikanti ta’ maġistrat u r-rwol inkwirenti ta’ l-istess maġistrat.

            Kif inhi s-sistema llum għandek maġistrat li fir-rwol tiegħu ta’ inkwirenti, jikkonduċi l-inkjesta, jaħtar l-esperti u jkun f’kuntatt dirett mal-pulizija u mbagħad għandek l-istess maġistrat li jilbes il-kappell l-ieħor ta’ maġistrat ġudikanti, u hemm jidħlu l-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalita’ garantiti kemm mill-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea.

           Fil-fehma umli tiegħi, dawn iż-żewġ karigi huma inkompatibbli u nemmen li qed nitolbu wisq mill-ġudikanti tagħna. Aħna qed nitolbu li l-istess persuna tilbes żewġt ikpiepel fl-istess ħin. Dawn għandhom sistema fejn kull maġistrat ikun ta’ l-għassa b’sistema ta’ rotazzjoni u r-reati li jiġu rappurtati meta maġistrat ikun ta’ l-għassa joħodhom taħtu biex jagħmel inkjesta u wara li dan l-istadju jispiċċa, dan irid jaqdi il-funzjoni ta’ maġistrat ġudikanti fejn hemmhekk, bħala istituzzjoni tal-qorti li hi indipendenti u imparzjali, irid jiġġudika bejn il-każ tal-prosekuzzjoni u l-każ tad-difiża.

Apparti dan, Sur President, jiena ngħid li ċerti maġistrati jaf għandhom work load akbar milli jifilħu jerfgħu. Pero’ minkejja dan,  jiena li ilni għal dawn l-aħħar tmien snin naħdem fil-qorti, nista’ ngħid li l-ġudikanti kollha jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod eżemplari, anke dawk li forsi għandhom work load kbira.

             Għalhekk hu importanti li nistudjaw il-possibilita’ li jkollna,  bħal pajjiżi oħra wara kollox, maġistrati li jkollhom ir-rwol ta’ inkwirenti u maġistrati oħra li jkollhom ir-rwol ta’ ġudikanti, u dan għax bis-sistema preżenti jaf ikollok sitwazzjoni fejn maġistrat ikollu rwol ġudikanti f’każ u fl-istess ħin l-istess maġistrat ikollu rwol inkwirenti. Is-sistema preżenti qed taħdem anke għax għandna ġudikanti ta’ ċerta serjeta’, pero’ nemmen li din is-sistema nistgħu ntejbuha kemm fl-aħjar interess taċ-ċittadini kif ukoll fl-interess tal-ġustizzja sabiex ma nitolbux iżżejjed minn dawn il-ġudikanti u nippretendu li jilbsu żewġt ikpiepel, li jkolli ngħid huma kontrastanti.

             Sur President, nagħlaq billi nfaħħar l-isforzi li saru mill-gvernijiet nazzjonalisti preċedenti sabiex il-kodiċi kriminali ġie emendat b’mod estensiv. Forsi fil-kodiċi kriminali konna waqajna ftit lura, pero’ minn meta ġie promulgat dan il-kodiċi qatt ma saru l-emendi estensivi li saru riċentement fejn ġew introdotti reati ġodda u ġew emendati xi pieni. Dan ġie emendat biex iżomm il-pass maż-żmien u biex ikollna kodiċi kriminali li jixraq lill-pajjiż modern. Ma nistax ma nfaħħarx ukoll it-tibdil li sar fil-Korp tal-Pulizija u li wassal biex illum għandna korp li huwa rispettat u li huwa garanzija għaż-żamma ta’ l-ordni, pero’ importanti wkoll li nkunu viġilanti fuq il-libertajiet taċ-ċittadini sabiex dawn ikunu salvagwardati.

            Dawn iż-żewġ punti li semmejt f’dan l-aġġornament – waħda d-dispożizzjoni li diġa’ qiegħda fil-liġi imma għadha mhux fis-seħħ u l-oħra li nemmen li għandu jkun hemm dibattitu fuqha – għandhom ikomplu fit-triq li diġa’ qabad dan il-gvern sabiex il-libertajiet ta’ l-individwu jkunu dejjem rispettati u l-istat ikun viġilanti biex jipproteġihom.  Grazzi.

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.