29 Nov Is-Sitt Diskors Parlamentari – Dritt tal-avukat ghal-persuni arrestati – Dritt fundamentali – Dicembru 2008
Jekk fl-Istorja ta’ Malta ismi huwa sinonimu ma’ xi haga zgur li huwa d-dritt t’assistenza legali ghal persuni arrestati, apparti ovvjament l-qasma bejn l-ministeri tal-Gustizzja u Intern, l-Ligi dwar l-Finanzjament tal-Partiti, r-Riforma Kostituzzjonali, u s-sejhiet tieghi fl-interess t’ ambjent ahjar f’B’Bugia u MXlokk.
Wahda mill-akbar kampanji li jiena kburi li ghamilt bhala deputat kienet biex jigi introdott d-dritt t’assistenza legali ghal persuni arrestati. Fl-2008 Malta kien l-uniku pajjiz fl-Ewropa kollha li ma kien jippermetti l-ebda dritt t’assitenza legali ghal persuni arrestati. Mhux biss ligi li kienet ghaddiet mil-Parlament SITT snin qabel kienet baqghet qatt ma ddahhlet fis-sehh, talli biex aktar jikkumplikaw ruhom l-affarijiet l-Qorti Ewropea tat landmark ruling fil-kaz ta’ Salduz fejn irritjeniet li dan huwa dritt fundamentali.
Fi spazju ta’ ftit xhur din kienet t-tielet darba li tkellimt dwar dan d-dritt fundamentali pero’ baqa ma sar xejn. Mur ghidli li kein baqali aktar minn sena nikkumbatti bla heda u inkluz billi nastjeni minn vot Parlamentari bhala sinjal ta’ protesta qabel dan d-dritt jiddahhal fis-sehh aktar minn sena wara fl-10 ta’ Frar 2010. L-battalja tieghi biex jigi stabbilit dan d-dritt komplejtha fil-Qrati fejn kont l-ewwel avukat li tlabt riferenza kostituzzjonali biex l-Qrati Maltin jiddikjaraw dan n-nuqqas bhala ksur ta’ dritt fundamentali, l-kaz ntrebah u l-persuna giet liberata mill-akkuz wara battalja ta’ kwazi erba’ snin.
Diga’ pero sa minn dawn l-ewwel xhur temergi stampa ta’ dak li kellu jigri wara. Sitwazzjoni li diga kienet cara u thalliet aktar tiggrava aktar ma beda ghaddej z-zmien.
Diga’ wiehed jinnota sitwazzjoni ta’ letargija. Ministru li jonqos li jimplimenta sahansitra drittijiet fundamentali u jiena mill-backbench naghmel hilti kollha biex naghmel proposti. Dicembru 2008, l-ewwel xhur tal-Legislatura u diga wiehed seta jinnota li s-sitwazzjoni kienet infelici ta’ that fuq. Backbencher jipproponi dak li qed jonqis li jwettaq l-ministru. Dan l-istat ta’ fatt wassal ghad-dizastru li kellu jghaddi minnu l-gvern ftit snin wara u ghar-rizultat elettorali katastrofiku.
Jiddispjacini nghid kienet l-arroganza, letargija u inkompetenza ta’ ministri li kienu qed jinjoraw s-sejhiet ta’ deputati Parlamentari shabhom stess u li minghajr l-vot Parlamentari taghhom l-Gvern seta jitlef l-maggoranza fil-Parlament izda b’arroganza kbira, pero’ bi tbissima kontinwa baqghu jinjoraw dan s-entiment t’ frustrazzjoni li huma stess kienu qed jikkultivaw sakemm fl-ahhar sbroffa lejn l-ahhar tal-Legislatura.Ma jistax xi had jikkummenta dwar x’gara fl-2012 jekk ma janalizzax x’kien qed jigri tliet snin qabel u jekk jaghmel hekk ikun qed jaghzel li jitmejjel bih nnifsu.
Meta nhares lura nistaqsi lili nnifsi jekk stajtx naghmel bhal xi uhud noqghod nsahhan s-siggu jew addirittura ma nersaqx len l-Parlament? U r-risposta tieghi hija le. Jiena kburi li ghamilt hilti kollha biex nkun ta’ servizz lejn pajjizi u l-poplu Malti.
Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta Miżuri ta’ l-Estimi – Abbozz Nru 12
Seduta 64 3 ta’ Dicembru 2008 Onorevoli Franco Debono
ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, kelli opportunità nitkellem fid-dibattitu tal-budget li jikkonċerna l-ministeru tal-ġustizzja u semmejt diversi punti. Fosthom għamilt riferenza għal dak li huwa msejjaħ bħala d-dritt għall-parir legali waqt li persuna tkun qiegħda tinżamm arrestata. F’dan il-Parlament diġà semmejt dan id-dritt tliet darbiet oħra u din hija r-raba’ darba f’temp ta’ sitt xhur li qed inħoss il-bżonn li nsemmih. Nibda biex nippreċiża li hawnhekk qed nitkellmu dwar id-dritt li persuna jkollha aċċess għall-parir legali hekk kif tkun għadha kif ġiet arrestata. Jiġifieri qed nitkellmu dwar l-istadju inizjali meta l-Pulizija jibagħtu għal persuna jew inkella din tiġi arrestata. Kif qegħdin l-affarijiet illum, din m’għandhiex dritt li tikkonsulta avukat f’dak l-istadju, Sur President.
Jekk wieħed iħares lejn is-sub-artiklu “AT” tal-artiklu 355 tal-Kodiċi Kriminali – li għadu ma daħalx fis-seħħ – dan jikkontempla l-introduzzjoni ta’ dan id-dritt legali. Il-pożizzjoni legali llum hija li jekk inti jkollok klijent arrestat u jċempillek xi ħadd jiġi minnu biex itik il-każ, inti ċċempel lill-ispettur u tara tasalx sa hemm. Ħafna drabi tispiċċa trid tagħti spjegazzjoni lil min iċempillek għaliex inti għad m’għandekx il-jedd li titkellem ma’ l-arrestat. Jibdew jistaqsuk għaliex ma mortx tkellem l-arrestat u trid tispjegalhom kif s’issa dan m’għandux dritt jikkomunika ma’ avukat. Għandu d-dritt li jkun jaf x’inhuma d-drittijiet tiegħu, fuq xiex qed ikun arrestat u x’inhuma s-suspetti li wasslu għall-arrest tiegħu, pero` d-dritt li jikkonsulta mal-persuna legali tal-fiduċja tiegħu m’għandux, minkejja li dan id-dritt jinsab fil-Kodiċi Kriminali u kien wieħed mill-emendi estensivi li saru fil-Kodiċi Kriminali fis-sena 2002. Dwar dan id-dritt diġà tkellimt tliet darbiet oħra, fit-18 ta’ Novembru fl-estimi tal-budget u fl-Aġġornament tas-seduti tal-25 ta’ Ġunju u tas-7 ta’ Lulju ta’ din is-sena.
Jien nemmen li s-sistema ġudizzjarja u penali tagħna, speċjalment bl-emendi estensivi li għamel il-gvern Nazzjonalista u li daħlu fis-seħħ fis-sena 2002, ġibnieha in line ma’ sistemi f’pajjiżi demokratiċi avvanzati. Ma rridux ninsew li sfortunatament fl-imgħoddi smajna ċerti avvenimenti u episodji li xejn ma kienu jagħmlu ġieħ lill-korp tal-pulizija u lis-sistema ġudizzjarja. Għall-grazzja t’Alla dawk l-affarijiet tfajniehom warajna u konna sodi u serji biżżejjed biex ħloqna strutturi u emendajna l-liġi sabiex dawk l-affarijiet ma jerġgħux iseħħu. Ma rridux ninsew li waħda mill-ewwel liġijiet li għadda gvern Nazzjonalista fl-1987 kienet il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.
Għalhekk wieħed irid ifakkar il-passi kbar li għamilna f’dan il-pajjiż biex akkwistajna l-libertà u biex illum il-poplu jinsab moħħu mistrieħ mis-sistema ta’ ġustizzja f’dan il-pajjiż. Għalhekk hu importanti li dispożizzjoni bħal din nimplimentawha. Jeħtieġ biss li jsir l-avviż legali biex din titpoġġa fis-seħħ. Ta’ min isemmi wkoll li abbinata ma’ din id-dispożizzjoni hemm l-artiklu 355AU li jikkonċerna l-inferenza minn dan in-nuqqas. Fil-fatt il-liġi tikkontempla li l-arrestat jikkonsulta għal mhux aktar minn siegħa żmien ma’ avukat tal-fiduċja tiegħu. Dan il-prinċipju ġenerali jsofri minn xi eċċezzjonijiet ikkontemplati fis-subartiklu 5 tal-istess artiklu.
Sur President, ma rridx nidħol fid-dettall u ma rridx inkun tekniku żżejjed, imma l-punt tiegħi huwa dan. Deċiżjoni reċenti li ħadet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem kienet dik kontra t-Turkija fuq punt simili, jiġifieri fuq il-punt li persuna li kienet arrestata fit-Turkija fuq ċerti reati ma kellhiex dritt tikkonsulta avukat tal-fiduċja tagħha. Minn dak li fhimt, fit-Turkija l-arrestati għandhom diġà d-dritt tal-avukat waqt li jkunu qed jiġu interrogati, imma dan id-dritt ma jingħatax f’ċerti każi, u din il-qorti proprju fuq dan iddeċiedet kontra. Din apparti li ordnat li jingħata kumpens finanzjarju, u ordnat ukoll li jingħataw rimedji oħrajn. Għaldaqstant, in vista ta’ din is-sentenza hekk importanti għal dak li jikkonċerna dan il-punt, jiena nemmen li rridu niċċaqalqu sabiex din il-liġi tidħol fis-seħħ anke għax dan jkun ta’ benefiċċju għall-Pulizija stess.
Ma ninsewx li f’kuntest ta’ arrest, għandek ambjent fejn l-arrestat ma jista’ jmur ikellmu ħadd u tiddependi biss mill-informazzjoni li jagħtik l-ispettur. Inti tispiċċa f’sitwazzjoni fejn il-familjari jċemplulek il-ħin kollu u inti ma’ tista’ tagħmel xejn għax ma tistax tkellmu. Importanti għalhekk li dan id-dritt jidħol fis-seħħ, dritt li daħħlu gvern Nazzjonalista u kulma jrid isir issa hu biss avviż legali biex dan jidħol fis-seħħ, għax sa fejn jiena nformat, dan għadu ma seħħx. Kif kont qed ngħid, Sur President, dan huwa ta’ benefiċċju għall-istess awtoritajiet li jkunu qegħdin jinvestigaw sabiex inneħħu s-suspetti u l-allegazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien f’kuntest fejn l-arrestat ikun waħdu ma’ l-ispettur u pulizija ieħor u jkun hemm, per eżempju, allegazzjonijiet ta’ għajjat, fost affarijiet oħra.
Jiena nħoss li bid-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda tant importanti jibbenefikaw mhux biss l-arrestati imma s-sistema kollha kemm hi għax fl-aħħar mill-aħħar l-għan aħħari hu dak li tinstab il-verità u ssir ġustizzja. Il-partijiet kollha involuti, kemm min-naħa tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni u kemm min-naħa tad-difiża, għandu jkollhom għan wieħed, is-sejbien tal-verità u li ssir ġustizzja. Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, persuna arrestata ma tistax tkellem avukat tal-fiduċja tagħha u l-qraba jkollhom diffikulta` jifhmu – mhux jiena biss niltaqa’ ma’ każi hekk, u naf oħrajn fl-istess pożizzjoni – għaliex dan ma jistax isir u għaliex wieħed irid iserraħ biss fuq x’qed jgħidulu l-Pulizija.
Illum il-ġurnata, għall-grazzja t’Alla, għandna Korp tal-Pulizija li jgawdi l-fiduċja f’dan il-pajjiż. Tlaqna mill-bogħod imma wasalna, Sur President. Pero` ma rridu nieħdu xejn for granted u nkomplu nibnu fuq dak li diġà għandna. Hu ta’ benefiċċju li l-arrestat ikollu d-dritt jikkonsulta ma’ avukat sabiex dan jispjegalu x’inhuma d-drittijiet tiegħu. Għandek ħafna persuni li jiġu arrestati u ma jkunux jafu x’inhu d-dritt tas-silenzju u drittijiet oħra u għalhekk ikun tajjeb li persuna tikkonsulta privatament ma’ avukat jew prokuratur legali wiċċ imb’wiċċ jew bit-telephone għal mhux aktar minn siegħa żmien. L-istess liġi tikkontempla wkoll li qabel ma tibda tiġi interrogata l-persuna taħt kustodja, din għandha titgħarraf mill-pulizija bid-drittijiet li għandha taħt dan is-subartiklu. Biex persuna jkollha smigħ xieraq u jkollna s-serenità f’dan l-istadju, nemmen li ż-żewġ artikli, 355AT” u 355AU, għandhom jidħlu fis-seħħ permezz ta’ avviż legali.
Dan hu importanti ferm meta naslu fl-istadju tal-qorti fejn spettur u xi uffiċjali oħra tal-Korp tal-Pulizija jixhdu – ħafna drabi jkollhom bil-miktub – xi stqarr magħhom l-akkużat u jkollok tistrieħ fuq li jgħidu huma bla ma taf jekk l-akkuzat ingħatax il-caution, x’diskors sar, u jekk dan kienx fehem id-dritt tiegħu tas-silenzju, li huwa sagrosant. Dritt fundamentali li għandna fis-sistema ġudizzjarja tagħna huwa dak li persuna ma tinkriminax ruħha bid-dritt tas-silenzju. Huwa importanti li l-akkużat anke fl-istadju inizjali jkollu l-fakultà, li wara kollox tinsab f’ħafna pajjiżi ċivilizzati, li jikkonsulta ma’ avukat u li jassigura li l-Pulizija jkunu fehmuh id-drittijiet tiegħu u dawn jiġu rispettati.
Sur President, nagħlaq billi ngħid li in vista tas-sentenza reċenti kontra t-Turkija li semmejt aktar kmieni, jiena nħoss li sabiex il-gvern Nazzjonalista jkompli bil-passi t-tajba f’dan il-qasam, dan għandu jdaħħal fis-seħħ din id-dispożizzjoni li qed nitkellem dwarha. Fl-2002 kien hemm emendi estensivi li bħala pajjiż jagħmlulna ġieħ, għax il-Kodiċi Kriminali aġġornajnieh u żammejna l-pass taż-żmien ma’ demokraziji moderni, però dwar dan għad irid joħroġ avviż legali. Jiena nifhem li l-gvern hu mpenjat u dejjem għaddej bil-ħidma tiegħu, però nappella għal sforz sabiex joħroġ dan l-avviz legali. Dan hu wieħed mill-ftit emendi tal-2002 li għadhom ma daħlux fis-seħħ u jkun ta’ benefiċċju kemm għall-akkużat u kemm għall-Pulizija li dan jidħol fis-seħħ. Grazzi, Sur President.
Sorry, the comment form is closed at this time.