Lezzjonijiet dwar responsabbilta politika – diskors li kien jghodd lbierah, illum u ghada

Lezzjonijiet dwar responsabbilta politika – diskors li kien jghodd lbierah, illum u ghada

Dan huwa diskors li ghamilt fil-Parlament ta’ Malta nhar l-25 ta’ Jannar 2012 – sitt snin ilu. R-ritratt kien ittiehed propju dak n-nhar ezatt ftit wara d-diskors.

L-principji elenkati f’dan d-diskors kienu jghoddu lbierah, jghoddu llum u ghada wkoll – huma principji generali.

F’hafna oqsma mxejna ‘l quddiem. F’dak li ghandu x’jaqsam ma responsabbilta’ politika bqajna fejn konna.

Seduta 439 tal-Hdax-il-Legislatura 25.1.2012 Onor Franco Debono

Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Gvern

ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, xtaqt nibda b’kumment dwar dak li qal il-kollega tiegħi l-Onor. Ċensu Galea – jien ilni fil-partit u għalija kollha huma kollegi u għaldaqstant ipprovajt nagħmel kif qal il-ħabib tiegħi l-Onor. Mario Galea u kważi dejjem stmajt ħafna aktar milli ġejt stmat u bqajt nagħmel sforz biex nistma lil ħaddieħor ħafna aħjar milli jistma lili għax il-partit inħobbu, anke lejn il-Prim Ministru jien kont leali ħafna u kont wieħed mill-aktar nies leali li qatt kellu minkejja li ma kontx stmat kif ħaqqni u fil-fatt dan id-diskors b’għafsa ta’ qalb se jkolli nagħmlu – li f’parti mid-diskors tiegħu qal li għandna nikkundannaw lil min jattakka bl-internet eċċ. Li nikkundannaw huwa tajjeb imma hawnhekk mhux qegħdin fuq iz-zuntier. Hawnhekk m’aħniex f’xi ħanut tat-te. Hawn qegħdin il-Parlament. U jekk dik il-kundanna fil-background ma jkollhiex liġijiet suret in-nies li jipproteġu d-dinjità u r-reputazzjoni tan-nies għax min għandu d-dover li jagħmel liġijiet suret in-nies biex ma nagħmlux ġungla minn dan il-pajjiż m’għamilhomx, mela allura bir-rispett kollu, m’aħniex qegħdin f’pożizzjoni li nagħmlu din it-tip ta’ kundanna. Jien mhux għall-Onor. Ċensu Galea qed ngħid għax m’għandix dubju li l-intenzjonijiet tiegħu huma ġenwini, u lanqas għalina bħala back bench iżda għal-leġiżlaturi. X’jiswa li toqgħod tikkundanna? Jien ma rridx pjaċiri u kundanni. Jien irrid drittijiet biex meta xi ħadd jagħmilli l-ħsara jien immur ninvoka liġi u mmexxi. U dak kien l-ewwel punt li se nerġa’ niġi għalih imma ħadt spunt mal-ewwel minn dak li qal l-Onor. Ċensu Galea.

Kelliem wara l-ieħor semmew ix-xogħol. Ix-xogħol importanti ħafna imma l-bniedem ma jgħix bil-ħobż biss. Hawn min bil-ġuħ joqgħod imma jekk tinsultah jew tipprova teħodlu d-dinjità tiegħu ma joqgħodx. Tul l-istorja l-bniedem ma pprotestax biss għax spiċċa bla xogħol. Ara naħsbu li għax għandna x-xogħol kulħadd se jagħlaq ħalqu u ħadd ma jitkellem xejn. Importanti li jkollna x-xogħol, mela le, dażgur li importanti, imma ma jistax ikun nitkellmu fuq xiex nitkellmu nsemmu x-xogħol. L-islogan tal-elezzjoni storika tal-1987 kien xogħol – għax ix-xogħol importanti dejjem – kif ukoll ġustizzja u libertà. Il-bniedem jipprotesta b’aktar qawwa meta tmisslu l-libertajiet u d-dinjità tiegħu kif ukoll l-istituzzjonijiet demokratiċi. Il-bniedem mhux xi annimal, imur jaħdem biex ikollu x’jiekol, jiekol u jorqod. U allura dan l-argument li qisu għax hawn ix-xogħol kulħadd għandu jagħlaq ħalqu jien ma narahx ireġġi. Ix-xogħol għandu l-importanza tiegħu però fil-kuntest usa ta’ diversi fatturi oħra li pajjiż jew gvern irid jassigura li jkunu f’saħħithom.

Sur President, ma ninsewx ukoll li pajjiżna huwa żgħir. Il-bniedem ilu ħafna jgħix fuq din ir-roqgħa art minkejja li m’hawnx riżorsi u fil-fatt hija one of the oldest free standing structures in the world. Fi żmien il-Kavallieri ma kienx hawn ilma però xorta irnexxielhom jibnu l-meravilji li għandna llum u li tista’ tgħid li huma x-showcase prinċipali għat-turiżmu tagħna. Tajjeb li nkunu romantiċi u nħobbu lil pajjiżna però ejja nkunu wkoll realistiċi u nagħmlu paraguni tali. Forsi pajjiżi b’popolazzjonijiet ta’ miljuni ma setgħux jagħtu r-rimedji lill-fabbriki tagħhom li stajna aħna u allura meta nagħmel xi paragun, anke jekk għamilna sewwa, ejja npoġġuh fil-perspettiva kollha tiegħu. Ovvjament għandna d-diffikultajiet tagħna u ċ-ċokon tagħna kultant huwa vantaġġ u kultant huwa żvantaġġ. Però ejja ma nkunux romantiċi żżejjed u lill-poplu nagħtuh stampa realistika. Il-kollega l-Onor. Dolores Cristina semmiet ix-xogħol, il-benefiċċju soċjali u l-edukazzjoni. Għal darb’oħra hawnhekk jien nistenna mill-Gvern li jkun hemm minimu ta’ affarijiet li jsiru.

Imbagħad issemmiet il-kwestjoni tal-enerġija. Jien irrid nagħmel ukoll riferenza għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma li mhux biss għollejniehom fl-aktar mument – u jien kont tkellimt ukoll fuq dan – li l-prezz taż-żejt kien nieżel, imma jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna fil-verità l-akbar problema li għandna fl-enerġija mhijiex il-prezz taż-żejt, għax dak huwa variable wieħed, iżda li matul is-snin ma nvestejnix fl-enerġija. Jien oġġezzjonajt ħafna, anke f’din il-Kamra, f’isem il-kostitwenti tiegħi tal-ħames distrett, speċjalment ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk, għaliex minkejja li qegħdin fis-sena 2012 fejn għamilna dan l-avvanz kollu, se jkollna power station li taħdem bil-heavy fuel oil. Jien kont ħadt ukoll l-opportunità biex inpoġġi l-aġenda tagħhom fuq l-aġenda nazzjonali għax qisu ħadd ma kien jitkellem fuqhom. Aħna pajjiż żgħir b’ħafna oqsma li kważi mhux jimxu waħedhom imma ma jkollniex il-problemi li jkollu pajjiż b’popolazzjoni ta’ miljuni. Madankollu fl-enerġija waħda mill-problemi kbar li għedna mhuwiex il-prezz taż-żejt iżda t-traskuraġni li ma nvestejnix biżżejjed f’infrastruttura tal-gass pereżempju. Dik hi l-problema. Dik hi l-verità li rridu ngħidu lin-nies mhux billi nsemmu l-prezz taż-żejt għax dak hu biss variable wieħed u mhuwiex il-bidu u t-tmiem. Din hi waħda mill-affarijiet li dejqet lin-nies f’dawn is-snin u li ma setgħux jifhmu.

Sur President, l-Ewropa verament għaddejja minn problemi kbar però l-fatt li teżisti din il-kriżi internazzjonali ma nistgħux nibqgħu nġebduha bħala skuża għal kull ħaġa li nagħmlu jew li ma nagħmlux għax imbagħad din ir-raġuni tiġi qisha skuża. Wara kollox meta wieħed jeżamina l-istorja tal-Ewropa jsib li din mhijiex storja ta’ stabbiltà iżda storja ta’ instabbiltà u konflitti bejn il-ġnus. Jingħad li n-natura tal-problema attwali hija waħda ekonomika però, ippermettuli nazzarda nagħmel avvertiment. Fl-opinjoni tiegħi ma naħsibx li s-soluzzjoni hija purament ekonomika għal din il-problema imma nemmen li s-soluzzjoni ta’ natura politika għandha tkun l-ottika li tista’ twassal għall-eventwali soluzzjoni. Jidher li l-proċess politiku jinstab fi stat ta’ inertia. Sejrin lejn stat federali? Se nibqgħu kif aħna jew il-kurrent se jkaxkarna lura? Din hi l-umbrella li rridu nistkennu taħtha mill-maltemp ekonomiku.

Ovvjament hemm ukoll element ekonomiku fis-soluzzjoni però naħseb li parti sostanzjali mis-soluzzjoni hija waħda politika u se nispjega. L-Unjoni Ewropea hija l-wild ta’ sitwazzjoni xejn feliċi li kienu jinsabu fiha l-pajjiżi Ewropej wara l-aħħar gwerra u allura minkejja li l-ewwel għaqdiet, anke predeċessuri tal-Unjoni Ewropea, mad-daqqa t’għajn jistgħu jagħtu l-impressjoni li kienu ta’ natura ekonomika, l-iskop aħħari u fundamentali warajhom dejjem kien wieħed politiku. L-iskop prinċipalment kien li jkun hemm xi tip ta’ kontroll bejn pajjiżi bħal Franza u l-Ġermanja fost oħrajn sabiex is-sitwazzjoni ma terġax tiddeġenera f’waħda simili għal dak li kien ġara fit-tliet deċennji ta’ qabel. Mingħajr ma nidħol fid-dettall l-istorja tal-Ewropa kienet waħda ta’ unifikazzjoni politika u ekonomika progressiva li wasslet għall-Unjoni Ewropea u għal perjodu ta’ stabbiltà fl-Ewropa li aktarx huwa, kif diġà għedt, eċċezzjoni aktar milli regola. Ovvjament kulħadd jawgura li dan ma jkunx hekk u li l-istabbiltà tkun ir-regola. Allura qegħdin ngħixu f’mument storiku ta’ stabbiltà li għandna nikkultivaw.

Sur President, għaliex qiegħed ngħid dan? Għaliex l-iżvilupp politiku ta’ nazzjon jew ta’ għaqda ta’ stati kif inhi l-Unjoni Ewropea huwa l-aktar proċess fondamentali għal dik is-soċjetà jew għaqda peress li qegħdin nitkellmu fuq soċjetajiet tal-bnedmin bil-valuri, bl-emozzjonijiet u bil-ħteġijiet tagħhom. Is-soċjetajiet umani jagħtu importanza lill-iżvilupp politiku u lill-istituzzjonijiet politiċi qabel l-aspett ekonomiku. U għalhekk qed nagħmel din il-parentesi u din l-anoloġija. L-iżvilup ekonomiku huwa importanti però li jkollok istituzzjonijiet demokratiċi b’saħħithom, li jkollok drittijiet fondamentali u rispettati, li jkollok il-prinċipju tar-rappreżentanza rispettat, li jkollok separazzjoni tal-poteri tal-Istat bejn ġudikatura, gvern u parlament b’saħħithom, li jkollok liġijiet li jirrispettaw id-dinjità tal-persuna fosthom ix-xandir u l-istampa, li jkollok meritokrazija u li jkollok ġustizzja soċjali huma l-ħamrija fertili li minnhom biss imbagħad jimbet il-fjur ekonomiku. Mingħajr din il-ħamrija diffiċli jkollok frott. L-istorja tan-nazzjonijiet tal-Ewropa ewlenin fosthom ir-revoluzzjoni Franċiża hija l-istorja tal-kisbiet tal-libertajiet u d-drittijiet tal-poplu. Hija l-istorja tat-tnaqqis tal-poter tar-rejiet liema poter jiġi mogħti gradwalment u b’ħafna tbatija lill-poplu sovran.

Dak li nkiseb b’tant sagrifiċċju, bid-dmija u bid-dmugħ għandna nieħdu ħsiebu u jekk naraw li qed jinsterqilna għandna nagħmlu minn kollox biex nirreżistu. Għalhekk il-problemi ekonomiċi mhux talli mhumiex skuża biex ma jsirux ir-riformi fil-qasam politiku imma talli għandhom ikunu ta’ katalist biex tissaħħaħ l-istruttura politika, biex b’hekk ukoll potenzjalment toffri s-soluzzjoni għall-problema ekonomika. Nitgħallmu minn pajjiżi oħrajn li jkollhom ekonomija tajba u forsi b’saħħitha mhux neċessarjament ifisser li jkollok demokrazija b’saħħitha. Imbagħad ovvjament dan il-ġudizzju ma jsirx mill-gazzetti imma b’mod spassjonat u distakkat tkun l-istorja li tgħaddi l-verdett tagħha. U kif diġà għedt, dwar il-kriżi finanzjarja tajjeb wieħed jinnota li ċerti rimedji kienu possibbli għalina u għal pajjiżi oħra forsi ma kenux.

Sur President, issa se niġi aktar għax-xena lokali u dik attwali. Forsi xi ħaġa li ftit innotaw hija li fil-bidu ta’ dan id-dibattitu l-Whip tal-Oppożizzjoni talab il-permess tal-Kamra biex tiġi ffilmjatha mill-istampa għal madwar ħames minuti, allura għall-parti żgħira ħafna minn dan id-dibattitu. Din hija sitwazzjoni surreali u biżarra. Il-Whip tal-Oppożizzjoni m’għamel xejn ħażin imma kif issa li qegħdin fis-sena 2012 u li mxejna tant fl-IT, dan il-Parlament m’għandux mezzi suffiċjenti sabiex ikun l-eqreb li jista’ jkun lejn il-poplu u sabiex il-poplu jkun jista’ jsegwi bl-akbar kumdità u jiġi mħajjar isegwi dak li qed jiġri fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż minn dawk il-persuni li fl-aħħar mill-aħħar hu eleġġa u fl-aħħar minn l-aħħar jaġixxu f’ismu? Jekk imxejna fl-IT għaliex f’din l-istituzzjoni bqajna lura? Hemm xi ħadd li għandu xi interess għax din mhix xi ħaġa daqshekk diffiċli? Hemm xi ħadd li qed isibu aktar komdu li jinqeda b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni? Qed inkaxkru saqajna biss jew hemm xi skopijiet oħrajn?

Sur President, f’din l-era diġitali għandna demokrazija li taħdem bir-radju u li ma kontx jien li għamilt mistoqsijiet parlamentari u pressjoni kien ikollna Qorti li għadha taħdem bil-cassette tapes. Parlament jaħdem bir-radju u Qorti taħdem bil-cassette tapes fl-era tal-pen drive u l-iPad eċċ. għax dawn ma tantx nifhem fihom! Kieku kollox mixi fuq ir-rubini u dawn huma dettalji żgħar x’nirranġaw kieku żgur mhux se niġi hawn u noqgħod insemmi il-cassette tapes u l-kwestjoni tar-radju, imma sfortunatament dawn mhumiex dettalji kosmetiċi iżda huma indikazzjoni tal-istat attwali tal-istituzzjonijiet infushom. Wara li għamilt pressjoni biex jinbidlu l-cassette tapes fil-Qorti għal sistema aktar moderna, aktar safe u li fl-aħħar minn l-aħħar tiffaċilita x-xogħol tal-Qorti għall-benefiċċju tal-ġudikant u ta’ kull ċittadin li jista’ jkollu bżonn jirrikorri għall-ġustizzja u jagħmel użu mill-Qorti ma kienx biżżejjed għax il-Ministru lanqas ħa ħsieb jibdel il-liġi relattiva tal-Electro-Magnetic Recording of Proceedings Act. U jien jiddispjaċini għax fil-bidu lill-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici ddefendejtu, anke fuq id-dritt tal-avukat, però mbagħad ta kummenti lill-ġurnal ‘The Times’ li ma tantx għoġbuni għax qal li dak id-dritt ma kienx importanti u li kien ftiehem mal-Oppożizzjoni u x’naf jien, imma ħalli ma noqgħodx nirrepeti. Allura mhux biss kelli nagħmel sforz biex tinbidel is-sistema antikwata tal-cassettes fis-sena 2012 – u xorta sal-ġurnata mqaddsa tal-lum għad hemm awli jaħdmu bis-sistema tal-cassettes – talli bħala avukat imbagħad kelli nqajjem eċċezzjoni legali, kif inhu d-dover tiegħi, li l-liġi ma kenitx tkopri għax biddilna l-mezz u ma biddilniex il-liġi.

Irid nagħmilha ċara li meta qed nitolbu lill-Qorti li tissindika l-operat ta’ Ministru, in vista tad-duttrina tas-separazzjoni tal-poteri, il-Qorti mhux qiegħda hemm biex tidħol xi forċina għall-Gvern kull meta dan isib ruħu fuq sieq waħda, allaħares li kien hekk, iżda l-qrati, anke bħala t-tarka taċ-ċittadin, għandhom l-obbligu kostituzzjonali li jiskrutinaw l-operat tal-Gvern, jiċċensurawh u jikkundannawh fejn hemm bżonn u saħansitra għandhom dritt ukoll jiddikjaraw liġi ta’ dan il-Parlament null and void meta tmur kontra l-Kostituzzjoni. Il-qrati għandhom dritt iħassru anke deċiżjoni ta’ Ministru fejn xieraq u m’għandhomx jidħlulu ta’ forċina. Għalhekk kien importanti li l-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Intern ikunu separati minn xulxin u ninnota wkoll li kont jien li tkellimt u wassalt għal dan l-iżvilupp importanti f’pajjiżna li ġabna in line ma’ ħafna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-portfolios fuq bażi ta’ Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha portfolio tal-ġustizzja u portfolio tal-intern li assolutament ma jmorrux flimkien, anke minħabba r-raġunijiet li qed ngħid. Għalhekk ilni ngħid li huwa importanti li nirrevedu serjament il-mod ta’ kif il-Ministru tal-Ġustizzja, li issa fl-aħħar ġie separat mill-Intern – ikun min ikun li ġie separat – jiġi ġudikat mill-qrati. Hemm bżonn li naraw ukoll kif il-ħatra tal-ġudikanti qed issir mill-Ministru li eventwalment hu u l-Kabinett ta’ sħabu se jiġu ġudikati mill-istess ġudikanti. Hemm bżonn ta’ aktar trasparenza imma mhux f’dan il-qasam biss. Nispera li m’hemmx xi klikka li trid tgħaddi mill-għarbiel tagħha biex issir ġudikant jew biex minn maġistrat issir imħallef.

Sur President, hemm bżonn riformi kbar fl-ammistrazzjoni tal-ġustizzja u kien dan li wassalni biex xi xhur ilu nippreżenta mozzjoni privata dwar riformi estensivi fil-Ġustizzja u l-Intern fosthom dwar il-proċess tal-ħatra tal-ġudikanti, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-età tal-irtirar, is-separazzjoni tar-rwoli bejn maġistrati ġudikanti u maġistrati inkwerenti, it-twaqqif ta’ qorti tat-tielet grad ta’ reviżjoni fuq il-format tal-Kassazzjoni Taljana, ir-riforma fuq il-liġi tad-drogi u tad-drug court, ir-riforma tal-qorti tal-minorenni, riforma fl-Istitut tal-Avukat tal-Għajnuna Legali fejn għandna nassiguraw l-osservanza tal-ispirtu kostituzzjonali, id-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni u mhux biss qabel kif ukoll l-introduzzjoni tar-rule of disclosure, reviżjoni estensiva tar-rwol tal-Avukat Ġenerali fis-sistema legali tagħna u tal-poteri diskrezzjonali tiegħu. Fis-sistema legali tagħna l-Avukat Ġenerali huwa ftit minn kollox kullimkien. Huwa jfassal il-liġijiet, huwa prosekutur, jagħti pariri lill-Gvern, ifassal l-istess liġijiet li mbagħad huwa stess ikun parti fihom quddiem il-qrati u jieħu ħsieb l-inkjesti. Kollox ħallata ballata! Tkellimt ukoll dwar l-awtorizzazzjoni permezz tal-warrant tal-interċezzjonijiet telefoniċi. Dawn is-suġġetti ma tantx huma romantiċi imma naħseb li llum wasal iż-żmien li ma jibqax ikun il-Ministru, allura l-politiku, li joħroġ l-awtorizzazzjoni biex isir tapping ta’ mobile number ta’ xi ħadd iżda tkun awtorità ġudizzjarja indipendenti jew awtorità investigattiva indipendenti li toħroġ dawn il-warrants. Hemmhekk hemm bżonn riforma kbira wkoll. Fil-mozzjoni privata li jien ressaqt għedt ukoll li hemm bżonn ta’ riforma fil-Qorti tal-Familja billi nerġgħu nikkonsidraw il-proċess attwali tal-medjazzjoni, tkellimt dwar it-tisħiħ tal-professjoni legali, dwar il-kors tal-liġi, it-tisħiħ tal-Korp tal-Pulizija kif ukoll semmejt diversi riformi oħra li sfortunatament m’għandix il-ħin li nitkellem dwarhom. Dawn huma kollha materji serji ħafna li qed insemmi.

Sur President, ħattejna s-sistema tal-ġustizzja ordinarja tal-qrati tagħna biex bnejna sistema parallela ta’ tribunali u ta’ arbitraġġi u medjazzjonijiet preseduti minn avukati prattikanti li jagħmluha ta’ ġudikanti part-time wara nofsinhar jew filgħodu. Dan huwa ta’ periklu enormi f’pajjiż żgħir bħal tagħna fejn il-problema prinċipali u l-preokupazzjoni ewlenija hija li kulħadd jaf lil kulħadd. Imbagħad kien hemm persuna li għadha kif irtirat u ġejja toqgħod tikkritikani. Għandha dritt. Tagħmel hi. Però din ma qaletx kemm ilha tieħu karigi ‘l hemm u ‘l hawn u li kienet taħdem fis-segretarjat privat ta’ Ministru! Għaldaqstant qabel ma tikkritika aħjar tiskrutinja l-operat tagħha ta’ meta kienet ġudikanta. Imma msomma, goodluck to her. Tgħaddi mal-oħrajn!

Ħalli nerġa’ mmur lura għas-sistema tal-ġudikanti part-time. Dawn jinħatru ma nafx kif – jien qatt ma tlabt biex jaħtruni għax ma kelliex bżonn u allaħares ġejt bżonn, imma qatt ma tlabt u qatt ma ħatruni – imma mhux tad-daħk li f’pajjiż żgħir bħal tagħna nżarmaw sistema ta’ qrati ordinarji biex nagħmlu sistema parallela ta’ tribunali tat-talbiet iż-żgħar fejn filgħodu jkollok kawża kontra dak li wara nofsinhar irid jiġġudika l-kawżi tiegħek?! Hawn m’għandniex popolazzjoni ta’ xi 70 miljun. Dan huwa inaċċettabbli! Jista’ jkun hawn dawn it-tip ta’ sistemi imma mhux inżarmaw sistema biex noħolqu sistema oħra.

Reċentement ġie deċiż mill-Qorti Kostituzzjonali li l-forced arbitrations jiksru d-drittijiet fondamentali tal-bniedem. Il-konsegwenzi huma gravi bħal dik tan-nuqqas ta’ assistenza legali waqt l-interogazzjoni għax hawn qed nitkellmu fuq sistemi sħaħ ta’ kawżi u/jew nuqqasijiet implimentati mill-Gvern u mhux każijiet individwali. Imbagħad jiġu jistaqsuni għalfejn jien bħala avukat qajjimt din il-kwestjoni tad-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni. Il-mistoqsija mhix dik. Il-mistoqsija hija għaliex l-Istat kaxkar saqajh u ma daħħalx il-leġiżlazzjoni. Mela jiġu jistaqsu għalfejn avukat, hu min hu, qajjem dak il-punt?! Dak huwa l-obbligu tiegħu! L-Istat kellu jara li jdaħħalha u mhux issa nispiċċaw inħarsu bl-ikrah lejn l-avukati għax jagħmlu xogħlhom. Bir-rispett kollu, jien bħala avukat stajt qgħadt nagħmel kawżi kostituzzjonali u ma nitkellem xejn imma tkellimt u għamilt pressjoni biex tidħol.

Fil-ġranet li għaddew fakkarna l-ġrajja tas-Sur Pietru Pawl Busuttil. Però b’dispjaċir ngħid li kieku ma kontx jien li ma ġejtx nivvota f’Diċembru 2009, aktar minn 20 sena wara dak l-avveniment, kieku llum għadna mingħajr id-dritt ta’ aċċess għall-assistenza legali fl-interrogazzjonijiet għalkemm sfortunatament għadna m’aħniex in line. Ma ninsewx ukoll li jekk il-ġrajja ta’ Pietru Pawl Busuttil hija meqjusa waħda reċenti, li ġrat 25 sena ilu, ġrajja ħafna aktar reċenti ta’ għaxar snin ilu wasslet biex il-qrati tagħna jgħaddu minn terremot ħafna akbar minn dak tas-Sur Pietru Pawl Busuttil.

Reċentement fil-ħabs kien hemm sitwazzjoni kompletament inaċċettabbli. Filwaqt li persuna ġiet ikkundannata – għadha taħt appell – ħadd ma refa’ responsabbiltà poltika ta’ dik is-sitwazzjoni allarmanti ferm li addirittura jidhirli li l-persuna ġiet ikkundannata minħabba n-nuqqasijiet u t-traskuraġni grossolana tal-Istat li jamministra ampjament ambjent altament kontrollat bħall-ħabs. Liċ-ċittadin insawwtuh bil-frosta però lill-Ministru bl-ingwanti tal-bellus! Politika! Dan ma kienx każ iżolat, dan kien il-każ li kien u l-persuna miskina ġiet ikkundannata kważi kważi minħabba n-nuqqas tal-Istat li jamministra kif suppost ambjent kontrollat bħalma huwa ħabs u xorta ħadd ma refa’ responsabbiltà.

Sur President, irrid nagħmilha ċara li r-riformi li pproponejt jien mhumiex fuq xi dettalji kosmetiċi. Għax jgħidulek li għandek dritt titkellem. Mela dak id-dritt tawhuli huma? Dak tahuli l-poplu meta eleġġieni. Dażgur li għandi dritt nitkellem! Dak id-dritt huwa l-essenza tad-demokrazija. Imma mbagħad huma għandhom id-dover konsegwenzjali għal dan id-dritt li għandi jien, cioè li jismgħuni u mhux minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ. U mhux biss jismgħuni imma wkoll jagħtu kasi u jeħduni bis-serjetà. Iridu jimplimentaw fejn hemm bżonn u xieraq mingħajr ma jġiegħluk tħossok qisek qed tagħmel xi azzjoni. Għax din oħra; biex tagħmel xogħlok il-Bambin jaf kemm tgħajjir u nsulti. Però li rrid ngħid huwa li mhuwiex biżżejjed li lill-backbencher jgħidulu li għandu dritt jitkellem għax l-infrastruttura għandha tkun f’postha. Hawnhekk il-backbencher mhux qed jitkellem fuq xi affarijiet żgħar bħallikieku qed jgħid: Irranġa daqsxejn it-tieqa jew iżboh il-bieb! Iżda hawn qed jgħid li d-dar kollha qiegħda taqa’. Effettivament lanqas fuq l-irtokki ma jirnexxilek tasal malajr. Biżżejjed wieħed jara kif qlajt fwiedi f’dawn is-sentejn biex daħlet fis-seħħ il-liġi tad-dritt tal-avukat minkejja li din ma kenitx xi ħaġa li vvintajt jien iżda kienet liġi li diġà kienet għaddiet minn dan il-Parlament seba’ snin qabel.

Jien m’iniex xi ġurnalist. Jien deputat elett. Allura jien ma nistax nieqaf billi nikteb l-artikli jew nitkellem internament jew f’dan il-Parlament fejn kultant inkun qisni qed nitkellem mal-ħajt. Lili l-poplu tani s-saħħa tal-vot u dejjem emmint li l-obbligu tiegħi bħala deputat huwa li nieħu dawk il-miżuri li jkunu l-ewwel proporzjonati u t-tieni effettivi. Kieku l-affarijiet li nkun qed ngħid ma jagħmlux sens jew ikunu kapriċċużi nifhem, imma jekk dak li nkun qed ngħid jagħmel sens għalfejn wieħed ma jismanix jew jisma’ biċċa milli nkun qed ngħid u jġiegħlek tħossok qisek you’re holding to ransom jew hostage?

Jien nemmen li l-pożizzjonijiet li jieħu deputat għandhom ikunu proporzjonati mal-materji inkwestjoni kif ukoll effettivi b’tali mod li jassiguraw li dak li qed jingħad, speċjalment jekk ikun hemm kunsens mill-aktar wiesa’ dwar il-validità u l-urġenza tiegħu, jiġi implementat. Allura li tgħidli li għandi dritt nitkellem ma tantx hija xi konsolazzjoni kbira, kont nafha qabel. Il-poplu lili għażilni biex nirrappreżentah, biex nitkellem f’ismu u biex niġi mismugħ u min eleġġini xtaq li l-vot tiegħi jkun stmat. Jien xogħli f’dan il-Parlament għamiltu. Hawnhekk m’aħniex qed ngħixu f’xi parallel universe jew fuq żewġ pjaneti differenti fejn il-Kabinett jeżisti u jipprospera f’dinja għalih filwaqt li l-poplu, il-backbench u l-bqija tad-deputati jilmentaw u jibku xortihom fuq xi pjaneta oħra li torbita madwar dik ċentrali tal-Prim Ministru u l-Kabinett.

Sur President, madankollu s-sistema hekk taħdem u sfortunatament il-poplu inġenerali ftit huwa familjari magħha. Il-poplu f’elezzjoni ġenerali jiddetermina l-kompożizzjoni ta’ dan il-Parlament u jiddeċiedi kemm iġibu voti l-partiti, kemm ikollhom siġġijiet u kemm ikun hemm siġġijiet ta’ maġġornaza. Allaħares nibdew inbagħbsu ma’ din minflok ma nassiguraw li min jonfoq flus il-poplu u jieħu d-deċiżjonijiet ikun aktar accountable. Qed ngħid dan anke għaliex f’dawn il-ġranet smajt lil min jgħid: Imma tgħid inżidulhom siġġu? Allura mbagħad jekk partit iġib 10,000 vot x’nagħmlu? Nagħtuh siġġu? Il-verità hi li hemm bżonn riforma elettorali u mhux li nagħlqu ħalq il-backbench ikun aktar importanti milli nżommu l-Ministri accountable. Ma nafx fejn tiġri ħaġa bħal din ħlief hawn! Il-focus ikun fuq min għandu l-poter, fuq min jeżerċita l-poter, fuq min jieħu d-deċiżjonijiet u fuq min jonfoq flus il-poplu mhux fuq il-backbencher li qed jindika.

Il-President minn dan il-Parlament jaħtar bħala prim ministru lil dik il-persuna li kapaċi tmexxi maġġoranza fil-Parlament. Dak il-Gvern, hekk ifformat, m’għandux garanzija li wara jagħmel it-terminu sħiħ imma jrid jgħix ġurnata b’ġurnata. Huwa l-Parlament li jiġi elett għal ħames snin. Dak il-prim ministru jrid jara li b’deċiżjonijiet għaqlija u responsabbli u mingħajr ma jieħu xejn for granted filwaqt li jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu b’mod konxju tal-fatt li hu jrid ikompli jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza f’dan il-Parlament ġurnata b’ġurnata, irid joqgħod ferm attent li fuq punti ta’ policy u oħrajn bid-deċiżjonijiet li jieħu jkompli jgawdi dik il-maġġoranza. Ovvjament il-party loyalty hija importanti però mhix il-bidu u t-tmiem. Prim ministru li jiġi jaqa’ u jqum jew li jippretendi li d-diskrezzjoni tiegħu tippermettilu jgħaddi bħal romblu minn fuq kulħadd ikun qed jistieden l-inkwiet. Hawnhekk ikun deffes denbu x-xitan u jibda l-għawġ. Bħal missier ta’ familja prim ministru jrid mhux biss imexxi lill-pajjiż però jamministra wkoll il-grupp tiegħu – u hawnhekk għandna l-vantaġġ li għandna grupp żgħir – għax ħafna drabi t-tmexxija tal-pajjiż tkun tirrifletti l-mod kif il-prim ministru jkun qed imexxi l-familja parlamentari tiegħu. Missier ta’ familja jirriżolvi d-differenzi bejn l-aħwa u mhux joħloqhom. Missier ta’ familja jseddaq is-sentiment tal-għaqda u mhux tal-firda.

L-Onor. Francis Zammit Dimech, kollega ieħor tiegħi li għandi rispett kbir lejh, ikkwota heading mill-ġurnal “The Sunday Times” tal-Ingilterra li jaqra “The Politics of Envy is a Dangerous Trap.”. Jien naqbel miegħu u nżid ngħid li the politics of spite – jiġifieri li wieħed bid-deċiżjonijiet tiegħu joqgħod jinki u jnigges – is even more dangerous. Kif diġà għedt aħna pajjiż żgħir fejn il-Gvern illum għandu grupp parlamentari ta’ 35 membru. Hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq mijiet ta’ deputati bħalma jkollhom gruppi parlamentari f’pajjiżi kbar u allura t-tmexxija hija ferm aktar faċli. Għaldaqstant prim ministru flimkien ma’ dawk li jagħtuh il-pariri, bħal kap ta’ familja, m’għandux lil min jiżbalja jinċensah, jelevah jew ilibbislu l-kuruna tar-rand u lil min jaħdem daqs bagħal joqgħod ifittixlu kull difett, iħallih ibati biex joqgħod jheda ma’ dik it-tbatija u jsawwtu għall-inqas tentufa li jsiblu. Li min jiżbalja u ma jħallasx diġà ħażin u li min jimmerita u ma jingħatax li ħaqqu huwa ħażin ukoll, imma jekk min jiżbalja jieħu l-mertu u min ħaqqu jieħu s-swat allura x-xitan mhux biss ikun daħħal denbu imma jkun anke beda jigref.

Jekk il-Prim Ministru għandu xi persuna qrib tiegħu li tagħtih il-pariri u li għalih deputat huwa biċċa deputat u deputat qisu xi ġugarell, effett li jista’ jiġi wara snin ta’ tgawdija ta’ poter, allura ma nafx. Ilbieraħ smajt lill-Ministru Joseph Cassar isemmi l-psychological profiles ma nafx f’liema kontest, però naħseb li jekk jagħmel psychological profile tiegħu nkunu nistgħu nibdew nifhmu fid-detall ammont ta’ problemi li għandu dan il-pajjiż. Dak li jistma deputat bħala biċċa deputat għandu żball kbir għax deputat huwa elett mill-poplu. Deputat mhux ġugarell. Jekk deputat huwa biċċa deputat aħseb u ara lill-poplu kemm jistmah aktar bħala ġugarell.

Sur President, hawnhekk qed noqgħod lura milli nsemmi ismijiet. Ħafna nies jgħidu li jien għandi raġun dwar ir-riformi li qed nipproponi. Awtomatikament dan ifisser li hemm ħaddieħor li kellu l-obbligu li dawn imexxihom ‘il quddiem u jwettaqhom iżda m’għamilx hekk. U dan huwa l-ewwel punt. Is-sistema parlamentari tagħna trid li l-gvern jitmexxa minn kabinett magħżul mill-prim minsitru. Jekk xi ħadd minn dak il-kabinett ikun qed jonqos milli jwettaq dak li għandu jwettaq allura hemm tidħol il-kwestjoni ta’ responsabbiltà politika. Ovvjament prim ministru għandu diskrezzjoni li jagħmel kabinett però jien għandi dritt li ma naqbilx fuq grounds of policy u jien ilni xhur u snin ngħid li ma’ ċerti policies ma naqbilx, kemm apertament kif ukoll internament kif jaf kulħadd. Jien mas-sistema tal-ġustizzja li għadni kemm spjegajt u li m’għandix ħin nispjega aktar fid-dettall ma naqbilx. Kulħadd jaf. Dawn huma affarijiet pubbliċi. Allura jekk ħafna nies, bħalma qal anke l-Onor. Galea, jaqblu ma’ dak li qed ngħid, ifisser li hemm xi ħadd li naqas.

Sur President, min jagħtini raġun fis-sustanza, mingħajr ma jaf, ikun qed jagħtini raġun fuq il-metodu wkoll għax apparti milli huwa ftit diffiċli li l-ilment jinstema’, jekk ikun qed jaqbel li dawn in-nuqqasijiet huma serji u urġenti allura wieħed ma jistax jagħmel inqas milli qed nagħmel jien u bil-mod gradwali u dożat li għamilt dawn ix-xhur u snin. Qed ngħid gradwali u dożat għax ilni snin nitkellem fuq l-istess affarijiet u ngħid li ma naqbilx iżda l-affarijiet inbidlu ftit jew xejn b’mod li jkun jeħtieġ li nżid l-isforzi dwar materji li ħafna minnhom jaqbel fuqhom kulħadd. Hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq xi dettalji żgħar imma fuq il-pedament tas-sistema politika, kostituzzjonali u ġudizzjarja u kulħadd jaqbel li hemm bżonn riforma kostituzzjonali estensiva li ġġib bidla fil-mod ta’ kif nagħmlu l-politika. Poplu li ma jagħrafx jew ma jgħożżx dawn il-valuri għandu problemi kbar. Diġà kelli opportunità naċċenna li filwaqt li l-politika f’Malta qisha passatemp nazzjonali, il-poplu mhuwa familjari kważi xejn mar-regoli bażiċi kostituzzjonali u dan huwa inkwetanti għax qisna qed ngħidu li supporters iffissati fuq tim tal-fubol m’għandhom l-ebda idea fuq ir-regoli tal-logħob.

Sal-lum f’Malta l-partiti politiċi jibqgħu the most unregulated bodies at Maltese law li minħabba nuqqas ta’ trasparenza u regolamentazzjoni għandhom poteri kbar u possibbilment jista’ jkun, nispera li mhux hekk, li qed jużurpaw ċerti poteri u funzjonijiet, forsi anke b’mod okkult, riżervati kostituzzjonalment għall-Istat. Apparti dan hemm ukoll bżonn ta’ riforma fil-liġijiet elettorali, fil-mod tal-ħatra tal-President biex ma tibqax issir b’riżoluzzjoni sempliċi imma ssir biż-żewġ terzi, tisħiħ tal-kumitati parlamentari fosthom il-Public Accounts Committee u tisħiħ ta’ dan il-Parlament b’mezzi ta’ komunikazzjoni u b’awtonomija li ma tippermettix l-iżball gravi tal-mod kif żdidet l-onorarja. L-akbar difett ta’ din iż-żieda fl-onorarja mhuwiex it-timing iżda l-ksur tal-prinċipju tal-awtonomija tal-Parlament fejn minn wara dahar il-Parlament persuni ħadu l-onorarja ta’ deputat u l-prinċipju tal-awtonomija tal-Parlament ma jistax jinkiser aktar minn hekk, apparti li ma tgħinx fit-team spirit imma dik imbagħad niġi għaliha. Parlament aktar b’saħħtu u qrati aktar b’saħħithom neċessarjament iġibu magħhom amministrazzjoni aktar trasparenti u kontabbli, apparti milli huma tajbin fihom infushom.

Sur President, hemm bżonn ukoll li ssir riforma fl-Awtorità tax-Xandir li tassigura xandir pubbliku ħafna aħjar milli għandna llum b’mod li l-partiti politiċi jistgħu jeħilsu mill-istazzjonijiet privati li forsi kienu jagħmlu sens 15-il sena ilu imma mhux aktar illum. Ma jagħmilx sens li tistieden Ministru fuq ix-xandir tal-Istat, tistaqsih mistoqsijiet biss biex tpenġih f’dawl sabiħ u ma tistaqsihx il-mistoqsijiet id-diffiċli filwaqt li mbagħad ikollok ieħor u tipprova tkissru. Ħalliha li forsi jarrallek u ma jirnexxilekx tkissru però l-iskop kollox u aktar ma jkun sottili aktar ikun perikoluż. Dan fuq ix-xandir tal-Istat huwa inaċċettabbli.

Sur President, għandha ssir riforma fil-liġijiet ta’ libell. Filwaqt li nirrispettaw il-libertà tal-espressjoni ma jistax ikun nagħtu valur tant baxx lid-dinjità u r-reputazzjoni tal-individwu li hija meqjusa bħala estensjoni tal-persuna fiżika. Il-libelli għandhom jinstemgħu minn imħallef u mhux minn maġistrat. Ma jistax ikun pereżempju li r-reputazzjoni ta’ persuna tiġi stmata €3,000 tenut ukoll kont tal-blogs fejn illum il-gazzetta ma jaqrahiex wieħed miż-Żurrieq jew mill-Qrendi jew mill-Imqabba – qed insemmi lokalitajiet mid-distrett tiegħi – però bl-internet iddur id-dinja. Irridu nieħdu dan il-fatt inkonsiderazzjoni għall-finijiet ta’ danni li ssir lil dik il-persuna. Kultura għandha tkun kultura ta’ drittijiet u meritokrazija minflok klijenteliżmu u pjaċiri. Din bdiet tinqata’ imma trid taċċellera.

Sur President, ħafna drabi f’soċjetà kollox jirrisolvi ruħu għal min se jerfa’ r-responsabbiltà, it-tort u jbati l-kundanna. Ikun tad-daħk jekk ngħidu li se nagħmlu riformi kostituzzjonali mingħajr ma nibdew il-kultura tal-irfigħ tar-responsabbiltajiet. Ma nistgħux immorru nagħmlu riformi kostituzzjonali fis-sitwazzjoni li qegħdin illum fejn ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà. Kif trid tmur tagħmel riformi kostituzzjonali? Fejn se tmur? Mela riforma kostituzzjonali mhux fuqna u fuq il-Gvern u fuq min għandu l-poter trid issir prinċipalment? Mela r-riformi kostituzzjonali se nagħmluhom biex ngħidu għamilna xi erbat iċfuf jew xi erba’ żigarelli? Inutli ngħidu se mmorru nagħmlu riformi kostituzzjonali jew xi kumitat jew xi affarijiet minn dawn. Mhux il-karta l-importanti iżda l-prattika. Xi darbi, u kultant b’mod sistematiku kif spjegajt diġà, biex ma jeħilx Ċikku jkollu jerfa’ l-piż tiegħu Peppi. Biex ħadd mill-amministrazzjoni ma jerfa’ l-piż tan-nuqqasijiet jispiċċa jbati l-konsegwenzi ċ-ċittadin u biex jingħalaq il-file u l-każ deċiż. F’din is-sitwazzjoni ma tistax tagħmel riformi kostituzzjonali bis-serjetà u b’mod kredibbli. Ir-riformi kostituzzjonali m’għandhomx isiru fuq il-ġrieden jew il-wirdien imma fuq il-politiċi prinċipalment, fuq min għandu l-poter, fuq l-imħallfin u fuq il-maġistrati, fuq il-ministri u fuq il-Parlament. Hawn fuq xiex qed nitkellmu? Fuq xi parallel universe ieħor?

Sur President, irrid insemmi l-kwestjoni tal-power station li se taħdem bil-heavy fuel oil li jħammeġ u jmarrad. Jien tkellimt dwar dan kif ukoll dwar id-depot tas-Shell li hemm f’nofs Birżebbuġa, ironikament quddiem il-monument ta’ Bush u Gorbachev, li ħadd qatt ma jagħti kasu u allaħares jiġri xi ħaġa hemmhekk. Għamilt l-istess argumenti fir-riforma tat-trasport pubbliku u nagħmel l-istess argument dwar il-kwestjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li huma fost l-ogħla fl-Ewropa. Għal darb’oħra rrid ngħid li mhuwiex minnu li l-kontijiet qed jogħlew biss minħabba li qed jogħla l-prezz taż-żejt iżda r-raġuni prinċipali hija li se nagħtu lill-poplu r-rigal ikrah ta’ power station taħdem bil-heavy fuel oil. Fil-fatt il-kontijiet għolew anke meta l-prezz taż-żejt kien nieżel. Sfortunatament dan ilni ngħidu – kulħadd jaf – però se nerġà nieħu l-opportunità biex ngħid ejja mmorru għall-gass. Ma ħsibniex għall-infrastruttura tal-gass u għal kull ħaġa li wieħed jgħid jgħidulek għax hemm ix-xogħol. Dan hu l-pitfall tagħna. Għandna mmexxu ’l quddiem permezz tar-riformi mhux bl-ispin. Spin fil-politika jkun hemm imma ma nistgħux nimxu esklussivament bl-ispin. Dawn huma eżempji li wieħed jista’ jsib ħafna minnhom.

It-tieni punt li rrid nagħmel huwa jekk din ir-responsabbiltà ma tintrefax minħabba ebusija tar-ras, sfida jew inkejja, allura nkunu f’sitwazzjoni assurda fejn in-nuqqasijiet ta’ min għandu l-obbligu jamministra jkunu qed jiġu aktar aċċentwati mill-fatt li jkun hemm min qiegħed jindika dawn in-nuqqasijiet. U lanqas ma jreġi l-argument, li xi kultant nisma’, fejn jingħad li għax jekk jirriżenja wieħed imbagħad hemm mnejn tintalab ir-riżenja ta’ xi ħaddieħor. Mela dan bir-ration?! Min jiżbalja jrid jerfa’ r-responsabbiltà. Jirriżenjaw jew jerfgħu responsabbiltà kemm hemm bżonn.

Argument ieħor inkwetanti u li qatt ma fhimtu huwa dak fejn meta titkellem għax ma jkun sar xejn jgħidulek: Għax issa ma nistgħu nagħmlu xejn għax nkella nidhru li qisna qed nirreaġixxu. Din x’biċċa hi? In-nuqqas ta’ kontabbiltà u ta’ responsabbiltà u kultura ta’ riżenji tant għandhom għeruq fondi f’dan il-pajjiż u tant hi qawwija u ineżistenti li meta sfidata serjament irrespinġiet it-tentattiv li tingħeleb billi addirittura ntalbet ir-riżenja ta’ min ipprova jeħodha kontrieha. Din hija ħaġa oħra li kulħadd jaqbel magħha. Kien hemm min ikkwota l-frażi “MPs should be reluctant to emberass the government” mit-teżi tiegħi – għax jien l-interess fil-politika ma nibetx lbieraħ – imma hawnhekk kont qed nitkellem fuq is-sistema Brittanika fejn hemm kultura ta’ riżenji esaġerata, fejn hemm sistema taħdem kważi perfetta li saħansitra hija l-mudell ta’ ħafna mid-demokraziji u allura ovvjament f’dik iċ-ċirkostanza “MPs should be reluctant to embarrass the government” imma mhux meta l-membri tal-Gvern ikunu qed jagħmlu ħiliethom kollha biex jimbarazzaw lill-Gvern huma stess! Mhux biss f’din il-leġislatura ħadd ma refa’ responsabbiltà politika tan-nuqqasijiet tiegħu – kulħadd jaf li kien hemm f’diversi oqsma u m’għandix għalfejn noqgħod nerġa’ nsemmi – talli b’mod sarkastiku u oxxen intalbet ir-riżenja ta’ xi ħadd għax sempliċiment ma qabilx ma’ din il-kultura. Ara kemm hi kultura soda u qawwija.

Sur President, hawnhekk qed nitkellmu fuq Malta f’Jannar tal-2012. In-nuqqas ta’ dawn ir-riformi kostituzzjonali possibbilment qed jitfgħuna snin lura. Fil-fatt għad għandna demokrazija li xxandar bir-radju u Qorti li taħdem bil-cassette tapes! U din is-sistema politka ħażina qed toħloq ħafna vittmi. Qed toħloq vittma mill-poplu Malti, inkluż jien, u għaldaqstant ma nistgħux nibqgħu sejrin biha mingħajr ma nagħmlu r-riformi kostituzzjonali neċessarji u nibnu stat modern li jassigura tmexxija mill-poplu għall-poplu u mhux minn xi klikka.

Issa niġi għat-temi ta’ party loyalty u teamwork li ssemmew anke hawnhekk waqt dan id-dibattitu. L-ewwel nett il-party loyalty topera fil-kwadru kostituzzjonali. Lealtà lejn il-partit politiku hija differenti minn dik lejn xi każin tal-banda jew tim tal-futbol, speċjalment għal deputat. Meta deputat jiġi elett f’isem partit isir ukoll rappreżentant tal-poplu u allura għandu l-leatà primarja lejn il-kostituzzjoni u l-poplu li eleġġieh. Barra minn hekk Ministru m’għandux juża l-kunċett ta’ party loyalty bħala pretest biex jgħaddi bħal romblu minn fuq kulħadd inkluż dan il-Parlament u jippretendi li l-backbench jagħlqu għajnejhom u jbaxxu rashom għal kulma jiddeċiedi. Il-party loyalty mhux qiegħda hemm għalhekk. Il-backbench fl-aħħar mill-aħħar ukoll jiffaċċjaw l-elettorat u għandhom l-obbligu li jkunu l-vuċi tal-elettorat. U allura anke f’ċirkostanzi normali deputati tal-istess partit m’għandhomx ikunu pupazzi jew spettaturi passivi għal dak li qed jagħmel il-Gvern għax il-lealtà lejn il-partit topera fil-kuntest tas-separazzjoni tal-poteri bejn il-Parlament u l-Gvern. Jekk ikun mod ieħor allura qed inħaddmu perikolożament – u din hija preokupazzjoni oħra kbira – mod ta’ tmexxija presidenzjali fejn il-Prim Ministru u l-Kabinett jiddeċiedu kollox mingħajr is-salvagwardja effikaċi tas-sistema presidenzjali li huma l-President u l-Kungressi eletti separatament f’elezzjonijiet differenti. Jien nemmen li hekk qed jiġri minħabba istituzzjonijiet ta’ kontroll dgħajfa fosthom dan il-Parlament. Id-demokrazija mhix il-party loyalty biss. Il-kostituzzjoni mhijiex il-manwal tal-party loyalty jew tat-tlegħiq. Id-demokrazija hija sistema li teħtieġ ekwilibriju delikat bejn l-organi tal-Istat fejn jekk l-Eżekuttiv ikollu poteri bla kontroll mill-organi l-oħrajn allura nkunu qed nitkaxru ’l barra mid-demokrazija u l-agħar territorju li nistgħu nidħlu fih huwa dak tal-oligarkija fejn xi klikka taħtaf il-poter jew addirittura, sfortunatament, iżżomm lill-Prim Ministru ostaġġ.

Niġi issa għat-team work u hawnhekk partit politiku għandu rwol fondamentali x’jaqdi mhux biss biex jifforma l-policy li l-Gvern għandu jimplimenta imma wkoll biex isaħħaħ l-għaqda bejn il-membri tiegħu. Għaldaqstant għandu wkoll jieħu ħsieb, flimkien mal-Kap, lid-deputati eletti u li jillima xi differenzi li jista’ jkun hemm bejniethom. Jekk wieħed jistaqsi lin-nies hemm barra jista’ jara li sfortunatament il-Partit Nazzjonalista fil-ġurnata tal-lum ma tantx jinsab fi stat feliċi. Partit m’għandux jitgerfex minn xi ossessjoni ta’ xi ħadd li għax ikun ikkontesta ruxmata elezzjonijiet fuq perjodu ta’ snin ikun lest li jagħmel minn kollox biex jimbotta l-kandidatura tiegħu. Ikun lest saħansitra li jġib tgerfixa fil-partit għall-iskopijiet ta’ moħħu bħalma għamel is-Sur Hermann Schiavone li vvinta allegazzjoni kompletament falza, illegali u bla bażi, fejn semma lili u persuna oħra qrib ta’ kandidat ieħor, jidhirli tas-Sur Louis Galea, bħala li possibbilment stajna konna wara xi azzjoni li hu kien irċieva. Jien din l-allegazzjoni smajtha seba’ snin wara u qatt ma kont smajtha qabel u niċħadha kategorikament. Jien ġbidt l-attenzjoni tal-partit ripetutament li dan ma kienx aċċettabbli u li ma kontx se naċċetah għax din hija xi ħaġa ħażina u m’għandhiex tkun tollerata. Jien saħansitra informajt lill-Pulizija u lis-Segretarju Ġenerali tal-partit kemm-il darba matul ix-xhur li għaddew. Aċċertawni, anke s-Segretarju Ġenerali quddiem ommi u missieri, li dan l-aġir kien inaċċettabbli, ma kienx se jkun tollerat, li s-Sur Schiavone mhux se jkun aċċettat bħala kandidat u għaldaqstant ħarġet kundanna pubblika rather belatedly wara li għaddejt martirju.

MR SPEAKER: Onor. Debono, niġbidlek l-attenzjoni li sar il-ħin. Madankollu nifhem li hemm ftehim biex ma jitteħidx l-Aġġornament u allura nitolbok biex tkompli filwaqt li nfakkrek li baqagħlek 12-il minuta.

ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, din qed ninkludiha taħt l-umbrella tat-team work għaliex team work ifisser li jilgħab kulħadd. Ma tistax tippretendi t-team work mingħandi. Minkejja dan, konxju tal-fatt li din l-istess ħaġa kienet qed tikkaġuna tensjoni u ansjetà kbira għaliex kulħadd għandu dritt jipproteġi r-reputazzjoni tiegħu, il-partit dam ikaxkar saqajh xhur, ħareġ stqarrija ta’ kundanna biss meta jien ma flaħtx nissaporti aktar b’din il-ħruxija u krudeltà u wara li lmentajt internament u wara li nformajt lill-Pulizija u l-partit m’għamilx biżżejjed, tkellimt pubblikament. Kont jien li tkellimt pubblikament.

Dan l-atteġġjament tal-partit ikisser it-team spirit u jġib l-inkwiet. Is-Sur Schiavone għandu ħafna x’iwieġeb u responsabbiltà x’iġorr għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-partit. Jgħidu li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu kilba għal poter però s-Sur Schiavone jiftih. Il-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas biss jibda miegħu! Dan mhux kilba għandu imma ossessjoni. Ilu joħroġ għall-elezzjoni mill-1987 u qatt ma ġie elett. Lanqas jara bl-ossessjoni li għandu. Ipprovaw jagħtuh il-ġenb u hu mar jigdeb gidba faħxija fuq deputat. Mar idur id-djar iżda li ma qallhomx kien li gideb gidba faħxija fuq id-deputat li huma kienu għadhom kif eleġġew. Li tħalli deputat ibati b’dan il-mod meta taf li ma jistax jitkellem u li ma jixtieqx jitkellem apertament u tħallih ibati huwa ħażin.

Sur President, jien it-team spirit urejtu fuq medda twila ta’ snin għalkemm m’għandix żmien daqs l-Onor. Debono Grech!

MR SPEAKER: Importanti li nuru rispett lejn xulxin, jekk jogħġbok.

ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, dak rispett għax l-Onor. Debono Grech naħseb ilu f’dan il-Parlament xi 40 sena! Anzi rispett kbir!

Li kont qed ngħid huwa li t-team spirit jien urejtu fuq medda ta’ żmien. Però dan huwa episodju sintomatiku tal-istat tal-Partit Nazzjonalista llum. Staqsi lin-nies fit-triq u 90% jgħidulek l-istat tal-partit illum. Jekk tistaqsi lin-nies jgħidulek dwar eżodu ta’ nies mill-partit. Fl-2009 il-partit sofra dik li naħseb li hija l-akbar telfa elettorali fl-istorja tiegħu fl-elezzjoni tal-MEPs. Jien qatt ma kont ikkritikajt qabel dak ir-riżultat imma dak il-verdett elettorali mbagħad ġiegħelni nirrealizza wkoll li l-partit għaddej minn mument delikat ħafna u l-problemi huma serji. Jien verament nemmen li ħadd mhuwa akbar mill-partit, però aħna ma ngħixux f’pajjiż totalitarju imma f’demokrazija u allura l-poplu u l-Kostituzzjoni huma akbar mill-partit. Inżommu f’moħħna li l-partiti huma fi stat ta’ nuqqas ta’ regolamentazzjoni u ladarba l-leġiżlazzjoni, forsi anke li ppreparajt jien, tkun fis-seħħ, l-istadju li fih qegħdin il-partiti llum inħarsu lura lejh b’ċerta xettiċiżmu u nirrealizzaw li qegħdin fi stat mhux aċċettabbli.

Punt ieħor relevanti dwar it-team spirit huwa li fl-aħħar mill-aħħar il-partiti huma intiżi prinċipalment biex jifformaw il-policy. Mhumiex xi magni taż-żrar intiżi biex ikissru lil dak jew ifarrku lill-ieħor. Dan mhuwiex neċessarju u lanqas aċċettabbli fl-ebda pajjiż, aktar u aktar f’pajjiż żgħir bħal Malta. Punt ieħor dwar dan, u issa fuq il-bażi parlamentari, hija l-kwestjoni tal-onorarja. F’waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-Kabinett kienet din iż-żieda tal-ministri mhux biss bi ksur tal-prinċipju tal-awtonomija tal-Parlament iżda wkoll minn wara dahar il-kollegi backbenchers sħabu, minn wara dahar il-poplu u minn wara dahar il-kollegi tan-naħa l-oħra. Dan żgur ma jgħinx fit-team spirit, anzi jkissru. Lanqas ma jgħin fit-team spirit il-fatt li l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern reċentement ippreżenta Abbozz ta’ Liġi mingħajr ma kkonsulta jew informa lill-grupp parlamentari. Jekk irridu naħdmu bħala tim kulħadd irid jilgħab il-logħba. Wieħed ma jistax ma jilgħabx mat-tim u mbagħad jippretendi li ħaddieħor jilgħab.

Sur President, jien semmejt diversi punti għalfejn ma naqbilx mal-mod kif qed jitmexxa dan il-Gvern, speċjalment fuq ir-riformi kostituzzjonali tal-ġustizzja. Fuq kull punt li semmejt jista’ jsir speech però m’għandix il-ħin nidħol fid-dettall f’dawn l-oqsma. Madankollu rrid ngħid li l-akbar riforma li saret b’suċċess f’din il-leġislatura kienet dik tal-liġi tal-kera. Mill-bqija kien hemm uħud mir-riformi li wieħed jekk jagħsarhom joħroġ ftit sustanza u wħud li l-implimentazzjoni tagħhom marret kompletament żmerċ u mbagħad kellhom jitraqqgħu. Ħadd ma refa’ responsabbiltà. Ċertament li r-riforma prinċipali fil-ġustizzjia kienet mhux biss il-qasma tad-dekasteri iżda wkoll l-introduzzjoni, minkejja li għadha mhix biżżejjed, tal-aċċess tal-avukat.

Sur President, huwa inkwetanti ħafna l-atteġġjament li għandna lejn ir-riformi u f’dan ir-rigward sfortunatament se nagħmel riferenza għad-diskors tal-Onor. Joseph Cassar. Huwa semma diversi żviluppi tajbin li għamel bi flus il-poplu. Tajjeb. Però d-diskors tiegħu stħajjiltu qisek mort għand il-grocer, xtrajt xirja u tak il-kont. Faċli li tixtri magna, tħallasha, tħarreġ lin-nies u ġġib il-magna iżda jiddispjaċini ngħid li meta ġejna għar-riformi l-kbar fallejna. Politiku jiddistingwi ruħu billi jagħmel tibdiliet fis-sistema, fil-kultura u fil-metodu. Il-qasam tas-saħħa huwa qasam fondamentali u riforma waħda kien hemm bżonn, dik tal-kura primarja. Din ir-riforma ġiet deskritta bħala bidla fil-kultura u fil-mentalità. Imma skużi, dawk huma r-riformi mhux li tixtri magna. Imbagħad il-Ministru qal li dak li ma ndirizzawx kienu l-waiting lists u d-Dipartiment tal-Emerġenza.

Mhux ovvja jekk dawn kellna nsolvuhom bir-riforma tal-kura primarja! Sinċerament fl-aspett tas-saħħa ma tantx nifhem però ċċekkjajt u staqsejt u qaluli li r-riforma tal-kura primarja kellha tkun iċ-ċavetta għas-soluzzjonijiet tal-emerġenza u tal-waiting lists. Għaldaqstant jidher li l-kollega l-Onor. Jean Pierre Farrugia, backbencher ukoll, kellu raġun fir-riservi tiegħu għax ma smajna xejn aktar dwar din ir-riforma safejn naf jien. Li sar kien biss farming out tal-operazzjonijiet lill-isptarijiet privati. Pereżempju nies li kienu ilhom jistennew snin biex jagħmlu l-operazzjoni tal-katarretti u mbagħad f’ħakka t’għajn ingħataw lill-privat u b’hekk il-problema tal-waiting list bdiet tissolva. Wieħed ma tantx irid ikun għaref biex jagħmilha din u għaldaqstant il-mistoqsija tqum waħedha: Allura din il-biċċa tax-xogħol ma setgħetx issir qabel? Is-shift fis-sistema tal-kura primarja huwa wkoll sintomatiku tal-mod kif qed isiru r-riformi u dan huwa punt ieħor għalfejn ma naqbilx mal-mod kif qed jitmexxa l-Gvern.

Sur President, kif għedt ukoll diversi drabi f’dawn il-jiem, ma nistgħux nippermettu li xi klikka tieħu over u ma nistgħux nibdew proċess ta’ riformi kostituzzjonali jekk min hu responsabbli ta’ nuqqasijiet ma jerfax ir-responsabbiltà. Din hi waħda mill-preokkupazzjoniet maġġuri li għandi. Inutli ngħidu x-xogħol. Ix-xogħol qiegħed hemm imma x-xogħol mhuwiex it-tweġiba għal kull mistoqsija li jagħmlulna. L-istess għall-edukazzjoni. U l-istess għal meta nqabblu mas-sena 1987. Issa għaddiet ma nafx kemm il-sena u ma rridux nibqgħu nqabblu mal-1987 kull darba. Imxejna ’l quddiem. Anke fir-rigward tal-ġrajja tas-Sur Pietru Pawl Busuttil. Din infakkruha, mela le, imma għandna nfakkru wkoll dak li ġara għaxar snin ilu fil-qrati.

U jien ma nafx taħt ir-renju ta’ Dr de Gaetano x’solvejna. Dan kellu sistema ta’ breach of fundamental human rights għaliex ma kienx hawn id-dritt tal-avukat. Huwa kellu l-prattika li darba fis-sena jagħti intervista u jien jidhirli li qatt ma semmih dan id-dritt. Hawnhekk qed nitkellem fuq ex-Prim Imħallef li issa spiċċa imħallef fil-Qorti Ewropea fejn jiddefendu dawn id-drittijiet!

Sur President, il-Prim Ministru jrid juri kemm hu b’saħħtu ma’ min għandu s-saħħa u allura mal-Ministru u mhux mal-backbencher. Jekk il-Prim Ministru mal-Ministru ma jurix is-saħħa dak jarah hu, mhux se nindaħallu, però l-Prim Ministru m’għandux joħloq sistema ta’ parallel universe fejn il-ministri u xi tnejn li jagħtuh il-pariri, wara li jkunu ilhom fil-poter mill-annu mai u forsi jibdew jaraw lin-nies bħala ġugarelli u lid-deputati biċċa deputati, ikunu qegħdin f’dinja għalihom u l-backbenchers, id-deputati u l-bqija tal-poplu qegħdin fuq pjaneta oħra jorbitaw magħha għax imbagħad we would be crawling out of democracy u mhux noqogħdu nsemmu x-xogħol.

B’rabta ma’ dan insemmi l-kwestjoni tad-divorzju. Kif diġà għedt kemm-il darba jien ivvotajt kontra d-divorzju fir-referendum però x’ħin il-poplu ta l-verdett tiegħu jien ħassejt li għandi nirrispetta d-deċiżjoni tiegħu. Għalhekk, sinċerament, jien sibt ftit riżervi fil-mod ta’ kif ivvota l-Prim Ministru fil-mozzjoni tad-divorzju. Naħseb dik kienet xi ħaġa serja u kont semmejtha anke meta tkellimt fuq id-divorzju. Ir-raġunament tal-Prim Ministru li rridu nassiguraw li l-vot jgħaddi, qisu qed ipoġġi lilu nnfisu ‘l fuq mill-Kostituzzjoni, jinkwetani ħafna. Il-fatt li l-vot kellu jgħaddi huwa parti mil-liġijiet ta’ dan il-pajjiż. Ma jistax xi ħadd jgħid li l-vot irid jgħaddi bħallikieku l-Parlament huwa tiegħu. At the end of the day huwa vot għandu u ladarba kien ta free vote iżjed u iżjed vot kien baqagħlu. Ir-raġunament kien iżjed assurd meta qal li ladarba assigurajna li l-vot jgħaddi allura hu se jivvota le. B’kull rispett imma fl-opinjoni tiegħi dan imur kontra l-ispirtu tad-demokrazija. Jekk il-vot xorta se jgħaddi għalfejn ħalla lili nġorr dan il-piż meta jien xtaqt nivvota le għax fir-referendum ivvotajt le?

MR SPEAKER: Onor. Debono, skadielek il-ħin.

ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, ftit baqagħli ftit, forsi 10 minuti.

MR SPEAKER: L-Onor. David Agius.

ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, m’għandix diffikultà li l-Onor. Debono jieħu għaxar minuti oħra però llejla jridu jitkellmu wkoll l-Onor. Edwin Vassallo, l-Onor. Karl Gouder u l-Onor. Peter Micallef. Kien hawn qbil mal-Oppożizzjoni li ma jitteħidx il-ħin tal-Aġġornament u peress li fil-bidu kellna 20 minuta kommemorazzjoni tal-Holocaust forsi dan jista’ jsir.

MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Joe Mizzi.

ONOR. JOE MIZZI: Sur President, iva u għada s-seduta kif ftiehmna fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra se tieqaf f’nofsinhar u jittieħed il-vot.

MR SPEAKER: Grazzi. Onor. Debono, jidher li hawn kunsens fil-Kamra sabiex titkellem għal għaxar minuti oħra.

ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, il-kwestjoni tal-vot tad-divorzju kienet xi ħaġa inkwetanti ħafna u fl-opinjoni tiegħi anke hawnhekk hawn responsabbiltà x’tinġarr. Kien hemm min għamel l-argument li jekk ma tgħaddix din il-mozzjoni kien se jirriżenja. Awtomatikament dan qed jgħid li bil-mod kif ivvota kellu aktar u aktar jirriżenja għax hu straħ u rikeb fuq il-vot ta’ ħaddieħor. Din hija ħaġa inkwetanti apparti li biex inkun onest qatt ma bsart li b’dak li għamlu l-Knisja, il-Gvern u ċerti sezzjonijiet tal-media dan il-vot kien se jgħaddi. Għaldaqstant naħseb li Alla l-Imbierek hawnhekk bagħat messaġġ – għalkemm jiddejjaq jintuża fin-nofs – ta’ min jixtarru, speċjalment dawk in-nies li għax imorru l-Knisja jaħsbu li mbagħad jistgħu jmorru jagħmlu d-deni lil ħaddieħor. Hawnhekk qed ngħid b’mod ġenerali għax huwa tajjeb li wieħed ikun spiritwali u li jgħix il-Kattoliċiżmu tiegħu.

Kif għedt fil-bidu jien nemmen li s-soluzzjoni għal kriżi ekonomika, anke dik Ewropea, mhijiex waħda purament ekonomika u allura fix-xenarju lokali ma kellhiex tkun skuża li jgħidu li hemm il-kriżi Ewropea biex ma sarux ir-riformi kostituzzjonali u politiċi li hemm bżonn. Naħseb li ma nkunux korretti li nagħtu din ir-raġuni li mbagħad meta ġġebbidha tispiċċa bħala skuża.

Sur President, mal-ġurnal ‘The Times’ online fis-6 ta’ Jannar kont għamilt din id-dikjarazzjoni:

“I am speaking about reforms which everyone is in agreement with and which the country urgently needs. So why all this personal sacrifice for reason to prevail?”.

Għal dan kienu qaluli li jien irrid li jsiru dawn ir-riformi to appease me. To appease reason mhux lili! Jekk dawn ir-riformi ma jagħmlux sens kollox sew jgħiduli li ma jagħmlux sens imma jekk jagħmlu sens mhux jgħidu li qed nagħmilhom to appease me iżda għax jagħmlu sens. Diversi drabi waqt din l-intervista staqsewni jekk hux qed inżomm lill-Prim Ministru ostaġġ sempliċement because I pin pointed out nuqqasijiet li seta’ kien hemm. Għal din jien weġibt hekk:

“If someone is holding the prime minister hostage, that is surely not me. I really hope the prime minister is not being held hostage by a clique close to him, by individuals who think they can bully others, or by people who are offering protection by operating some network of terror, nurtured by inadequate press laws. If this ever proves to be the case, it would be the real problem, and not an MP doing his duty according to the Constitution. I really hope this is not the case.”.

Din id-dikjarazzjoni kont għamiltha qabel ir-reshuffle u mhux wara. Jien ġejt elett f’demokrazija u l-mod ta’ ħsieb tiegħi huwa dak ta’ demokrazija. Jien ninsab inkwetat b’dawn l-affarijiet li semmejt. U kif diġà għedt, l-aktar ħaġa importanti mhijiex kif nagħlqu ħalq backbencher iżda kif inżommu ministru accountable. Dik hi l-kwestjoni kollha. Jekk jiġri x’jiġri ħadd ma jerfa’ responsabbiltà b’mod li addirittura tispiċċa tintalab ir-riżenja ta’ xi ħadd għax ma jaqbilx ma’ dik il-kultura allura verament ikollna issue ta’ żewġ pjaneti differenti fejn qisu japplikaw żewġ settijiet differenti ta’ liġijiet.

Id-diskrezzjoni li għandu l-Prim Ministru hija differenti mid-diskrezzjoni tar-rejiet medjevali li bażikament setgħu jagħmlu li jridu. L-istorja tal-Ewropa hija storja ta’ kisbiet tad-drittijiet lil hinn minn dik id-diskrezzjoni assoluta. Allura rrid nikkonkludi billi għal darb’oħra ngħid li l-Prim Ministru għandu dritt jagħżel il-Kabinett li jrid però jien bħala backbencher għandi dritt li ma naqbilx mal-policy, mhux mal-Kabinett. U jien ma’ ċerti policies u mat-tħaddim tagħhom kif ukoll ma’ ċertu atteġġjament ma naqbilx u dan għedtu kemm f’din il-Kamra kif ukoll barra minn din il-Kamra. Ma nistax naqbel. Jekk wieħed se jkellimni fuq xogħol kollox sew ngħidlu: Prosit, żomm f’moħħok li dan huwa pajjiż żgħir u ċ-ċokon tiegħu jġib xi diffikultajiet iżda wkoll ċerti benefiċċji u għalhekk pajjiżna ikun jista’ jagħti xi rimedji li pajjiżi oħra ma jistgħux. Però kif għedt ma jfissirx li għax għandna x-xogħol il-poplu ma jipprotestax ukoll minħabba ċirkostanzi u nuqqasijiet oħra. Nirringrazzjak.

2 Comments
  • Kevin
    Posted at 21:38h, 26 September

    Lanqas jitwemmen li dak iz zmien ma kontx tista ssegwi seduta plenarja fuq it TV jew bl internet.
    B insistenza tieghek illum ingawdu din il kumdita.

  • No comment
    Posted at 21:34h, 26 September

    M hemmx iktar xi nzid ma li ghidt int. Prosit dott