Tlettax-il diskors Parlamentari – riformi kostituzzjonali fil-Presidenza – Jannar 2010

Tlettax-il diskors Parlamentari – riformi kostituzzjonali fil-Presidenza – Jannar 2010

 

Aġġornamenti tal-Onor Franco Debono, MP

Estratt mis-Seduta Nru 186 tal-Erbgħa, 27 ta’ Jannar, 2010

ONOR. FRANCO DEBONO:  Mr Speaker, jien kelli nitkellem qabel għax kont in possession, fejn kont se nkompli d-diskors tiegħi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-estimi tal-budget dwar il-ġustizzja, però llejla se nitkellem dwar xi punti li jikkonċernaw forsi, anke b’mod ġenerali, il-Kostituzzjoni.  Ftit ilu fil-kontest tal-ħatra tal-President ittieħdet waħda mill-aktar deċiżjonijiet storiċi, waħda mill-ikbar deċiżjonijiet, fl-opinjoni tiegħi, li ttieħdu f’din il-leġislatura mill-Prim Ministru.  Kif kelli opportunità nikteb f’ġurnal lokali din kienet deċiżjoni li ċertament elevat il-konċett tal-Istat Malti.  Jekk il-presidenza jkollhiex suċċess jew le tiddependi ħafna minn fattur psikoloġiku, mill-mod kif il-poplu jħares lejn il-persuna li tkun tokkupa dik il-kariga.  Nemmen li s-suċċess tal-presidenza ma jiddependix minn kemm iżur irħula jew jagħmel attivitajiet – dak huwa importanti wkoll – imma mill-mod kif il-poplu, kull individwu singolarment iħoss ġo fih li ’l fuq mil-logħba politika jħares lejn dik il-persuna u jidentifika ruħu magħha bħala simbolu tal-għaqda nazzjonali.

Il-politika minnha nnifisha fiha ċertu djalettika, hemm opinjonijiet varji u huwa tajjeb li jkun hekk, u Allaħares ma jkunx hekk għax, kif kelli opportunità ngħid, ninkwieta jekk fuq materja waħda f’pajjiż ma jkunx hawn aktar minn opinjoni waħda għax allura hemmhekk veru nkunu xxottajna mill-ideat, inkunu staġnajna.  Mhuwiex sinjal tajjeb li ma jkunx hawn ideat differenti.  Huwa healthy, huwa tajjeb għad-demokrazija li jkun hawn ideat differenti.  Però mbagħad il-President għandu rwol fundamentali x’jaqdi u meta tagħsar kollox ir-rwol tal-President huwa dak li jinkarna l-għaqda nazzjonali.  Kif diġà għedt, kull wieħed u waħda mill-persuni li jifformaw poplu jidentifikaw ruħhom ma’ dik il-persuna bħala li tmur oltre mid-diviżjonijiet politiċi u tgħaqqad lil kulħadd. Persuni ta’ twemmin differenti, persuni li saħansitra ma jemmnux, li ma tinteressahomx il-politika, persuni li jżommu ma’ dan il-partit u mal-partit l-ieħor jew li darba żammew ma’ dan u darba mal-ieħor, kulħadd jew kemm jista’ jkun ammont kbir ikun jidentifika ruħu ma’ dik il-persuna.

Sur President, kif diġà kelli opportunità ngħid, naħseb li wasal iż-żmien li jsir tibdil fil-Kostituzzjoni għall-mod kif jinħatar il-President.  Jidhirli bl-aktar mod skjett u bl-aktar mod ċar li d-disposizzjoni tal-Kostituzzjoni tagħna li tikkonċerna l-ħatra tal-President, tenut kont il-funzjoni, ir-rwol u s-sinifikat tal-presidenza f’kostituzzjoni repubblikana kif inhi tagħna, hija inadegwata.  Il-mod tal-ħatra tal-President issir b’riżoluzzjoni li għaliha lanqas għandek bżonn quorum.  Allura jien nistaqsi jekk huwiex għaqli, jekk huwiex ġust, jekk jirriflettix l-importanza tal-kariga dan ir-rekwiżit daqshekk baxx rikjest mill-Kostituzzjoni. Ftit taż-żmien ilu, wara li rriflettejt dwar dan l-aspett tal-Kostituzzjoni, kont ħsibt li nesprimi ruħi fis-sens li minn tal-inqas għandha tkun maġġoranza assoluta ta’ din il-Kamra li taħtar il-President.  Naħseb li hemmhekk inkunu żgur f’sitwazzjoni aħjar milli għandna llum u żgur li dik il-votazzjoni, dak ir-rekwiżit, ikun jirrifletti aktar mil-lum is-sentiment li jħossu jew li għandhom iħossu l-Maltin lejn il-presidenza.

Però wara li rajt xi aspetti mill-Kostituzzjoni Taljana u mill-Kostituzzjoni Ġermaniża ħassejt li għandi nirfina fuq dik l-idea li kont qed naħseb dwarha.  Issa ħalli nagħmilha ċara. Idealment għandu jkun hemm rikjest tad-due terzi fil-Kostituzzjoni sabiex din tkun tirrifletti r-rwol tal-President, jiġifieri jkollok rekwiżit fil-Kostituzzjoni li biex taħtar President irid ikollok it-two-thirds majority.  B’hekk f’każ ta’ żewġ partiti kif inhu kompost il-parlament illum, inti jrid ikollok bażikament it-two-thirds.  Hemmhekk għandek – kif del resto ġara f’din il-ħatra ta’ George Abela li bażikament kellek iż-żewġ partiti qegħdin jaqblu – verament garanzija qawwija li dik il-persuna tgawdi dak is-sentiment psikoloġiku tal-parlament li għamilt diġà riferenza għaliha.  Ma jfissirx li l-Presidenti l-oħra, fejn ma kienx hemm qbil bejn il-partijiet, ma kenux ta’ suċċess, m’għamlux ħafna ġid, ma wettqux il-funzjonijiet tagħhom b’ħafna għaqal u ma kenux maħbubin mill-poplu.  Però wieħed jara kif qed tiffjorixxi din il-presidenza, wieħed jara xi żvolta qed tieħu, wieħed jara kif qed tkompli tikber wara d-deċiżjoni storika tal-Prim Ministru li jaħtar lil George Abela bħala President tar-Repubblika.  Naħseb li nkun qed nesprimi s-sentiment tal-Maltin kollha, ħlief forsi ta’ xi ħadd li għandu interessi ulterjuri, meta ngħid li l-Eċċellenza Tiegħu l-President George Abela qiegħed ikompli jkabbar l-istatura tal-presidenza.  Allura naħseb li bid-deċiżjoni tiegħu dan il-parlament kompla kabbar il-presidenza u min-naħa tiegħu, il-persuna magħżula wkoll qed tkompli tkabbar il-kariga nnifisha u tkompli timmatura s-sens ta’ nazzjon tagħna u tkompli ġġib għaqda fost il-poplu.

Fil-ġranet li għaddew rajna s-suċċess kbir li kellhom ċerti attivitajiet li involva ruħu fihom il-President.  Ħadt gost riċentement nisma’ wkoll diskussjoni dwar il-familja fejn ipparteċipa fiha wkoll il-President, u jidher li dan kollu qed imur biex il-konċett tal-Istat Malti jkompli jikber. Kif diġà għedt f’dan il-parlament, u din ngħidha b’ċerta responsabbiltà, m’hemmx għalfejn f’kull ħaġa li ngħidu rridu nagħmlu riferenza għas-snin tmenin jew għas-snin sebgħin.  Aħna qed ngħixu llum.  Hemm karba hemm barra mill-poplu li qed jgħid li jrid jimxi ’l quddiem.  Rajna anke bidliet fil-ħsieb tal-mod kif inħarsu lejn il-partiti politiċi tagħna.  Illum il-partiti nfetħu, illum anke l-kwartieri tagħhom m’għadhomx fortizzi.  Illum fil-kunsill ġenerali tal-Partit Nazzjonalista nistiednu rappreżentanti tal-Partit Laburista u hekk jiġri fil-partit oppost, jistiednu rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.

Għaldaqstant qed naraw u naħseb li rridu nifhmu li qed ngħixu żmenijiet eċitanti ħafna, żmenijiet li fihom sfidi kbar, sfidi internazzjonali, imma wkoll sfidi li ninqalgħu minn metodi ta’ ħsieb li forsi ffossilizzaw wisq dan il-parlament.  Naf li fil-kumitat qed jiġu diskussi ħafna affarijiet, imma hemm bżonn inkunu aktar ċeleri.  M’hemmx għalfejn indumu ammont kbir ta’ żmien biex dan il-parlament ikollu mezzi ta’ komunikazzjoni.  Min qed jismagħni fuq ir-radju nfakkru li r-radju għamlu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta kien Speaker.  Però minn dak iż-żmien ’l hawn staġnajna.  Safejn naf jien ma żdedux metodi aħjar ta’ komunikazzjoni għal dan il-parlament.  Bħalissa waqt li qed nitkellem m’hawn ħadd fil-parlament, ħlief ovvjament Mr Speaker u xi impjegati li jaħdmu hawnhekk.  Mr Speaker, għall-grazzja ta’ Alla, illum pajjiżna huwa ċentru ta’ eċċellenza fl-IT grazzi għall-ħila u għall-bżulija tal-poplu Malti, però dan il-parlament imbagħad għadu staġnat bir-radju.  U llum tant avvanzajna, tant hawn mezzi sofistikati ta’ teknoloġija, videos, eċċ., li n-nies lanqas id-diski ma jisimgħu fuq ir-radju, aħseb u ara kemm se joqogħdu jisimgħu lili jew lil sħabi fil-parlament. Però jekk ikollna mezzi ta’ komunikazzjoni aħjar, hemmhekk iva.

Nerġa’ niġi għall-presidenza, Sur President.  Jien naħseb li l-metodu ideali kif għandna naħtru President f’dan il-parlament huwa dak ta’ maġġoranza ta’ due terzi biex id-deċiżjoni storika li ħa l-Prim Ministru ma tkunx deċiżjoni ta’ darba.  Jien nawgura u nemmen li l-maturità li qed juri dan il-poplu tfisser li mexjin f’direzzjoni fejn din mhux se tkun deċiżjoni ta’ darba, imma l-partiti rappreżentati f’dan il-parlament, u d-deputati tal-poplu rappreżentati f’dan il-parlament se jieħdu dan bħala xi ħaġa li tikkristallizza ruħha bħala l-prassi u d-deċiżjonijiet jibqgħu jittieħdu b’dan il-mod f’dak li jikkonċerna l-presidenza.  Allura ż-żewġ partiti jew aktar li jkunu rappreżentati f’dan il-parlament għandhom jagħmlu ħilithom kollha sabiex verament jinjettaw fil-kariga tal-President dak is-simbolu ta’ għaqda nazzjonali tant mixtieqa f’pajjiż fejn sfortunatament illum qed tonqos.

Jien nemmen li jien u sħabi qed nikkontribwixxu biex din il-polarizzazzjoni tonqos, però aħna pajjiż li forsi għadna polarizzati aktar milli hemm bżonn.  Riċentement waqt li kont qed nitkellem dwar il-liġi tax-xandir semmejt il-fatt li nemmen li m’għadx baqa’ rwol għall-istazzjonijiet tal-partiti.  Dawk kienu prodott ta’ ċerti ċirkostanzi, imma llum imxejna ’l quddiem u naħseb li ġew outdated.  Jiġifieri jekk dan il-parlament ikollu mezzi aħjar ta’ komunikazzjoni l-importanza tax-xandir tal-partiti awtomatikament tonqos.  Però ħalli nerġa’ niġi għall-presidenza.  Idealment għandna nibdlu l-Kostituzzjoni fis-sens li l-presidenza tinħatar b’maġġoranza tad-due terzi però – u hawnhekk se nagħmel suġġeriment – jien kont irrikkmandajt li l-presidenza tinħatar bil-maġġoranza assoluta.  Iżda dan jista’ jagħti lok li jkollok xi constitutional deadlock, jiġifieri x’jiġri jekk ma jkunx hawn qbil.  Allura jien nixtieq nissuġġerixxi li l-Kostituzzjoni tinbidel fis-sens li jkollok ir-rekwiżit tad-due terzi però jekk fi żmien stipulat fil-Kostituzzjoni ma jintlaħaqx dak il-qbil, biex tiġi evitata constitutional deadlock tkun suffiċjenti l-maġġoranza assoluta.

Qed ngħid dan kollu għax qed naraw xi jfisser meta jkollok presidenza li ġejja bi qbil bejn żewġ naħat, għalkemm nerġa’ ngħid li bl-ebda mod ma rrid ngħid li l-presidenti l-oħra ma kenux suċċess.  Fost oħrajn insemmi presidenza li kienet suċċess kbir, dik tal-Professur Guido de Marco, mingħajr ma nnaqqas mill-mertu tal-presidenti l-oħrajn li ovvjament ikkontribwixxew ħafna għat-tkabbir tal-Istat Malti. Qed insemmi lill-Professur Guido de Marco għax kien ukoll lecturer tiegħi fl-università meta kont qed nistudja l-liġi.  Li qed ngħid huwa li għandna nkomplu nelevaw il-kariga tal-presidenza ’l fuq kemm nistgħu, hemm fuq fejn jixirqilha, però fl-istess ħin inkunu prattiċi, nifhmu li jistgħu jinqalgħu ċirkostanzi fejn dan il-grad ta’ approvazzjoni ma jintlaħaqx f’dan il-parlament.  F’dak il-każ, biex tiġi evitata xi constitutional deadlock, għandna nirrikorru għallinqas għall-maġġoranza assoluta.  Allura inti qed tagħti żewġ gradi ta’ votazzjoni f’dan il-parlament, idealment jintlaħaq iż-żewġ terzi, imma jekk ma jintlaħaqx iż-żewġ terzi, fit-tieni round ta’ votazzjoni tkun suffiċjenti l-maġġoranza assoluta.  Żgur li dawn huma ħafna aħjar mis-sitwazzjoni li għandna llum fil-Kostituzzjoni għax mhijiex votazzjoni li tixraq lill-kariga ta’ President u ma tirrifletti bl-ebda mod l-importanza ta’ din il-kariga.

Jien nixtieq nieħu l-opportunità biex insellem lill-presidenti kollha tar-repubblika li, kif diġà għedt ukoll, għamlu ġieħ kbir lil dan il-pajjiż.  Però jidher li anke fid-dettall hemm din ix-xewqa li issa nibdlu dak li bnejna.  Hawnhekk nixtieq insemmi l-MEPA.  Meta saret il-MEPA kienet tajba, però llum m’għandniex niefqu hemm, nistaġnaw u ngħidu li la fis-snin tmenin jew fil-bidu tas-snin disgħin għamilna xi ħaġa tajba, ejja noqogħdu nħarsu lejha, noqogħdu ngħidu kemm kienet tajba u nħalluha hemm, ma mmissuhiex.  Mhux hekk l-affarijiet.  Għandna nirrispettaw lil min ġie qabilna, però aħna għandna l-obbligu llum li nkomplu nibnu u li nibdlu.  Dik hi r-responsabbiltà li għandna aħna lllum u r-responsabbiltà u l-isfidi li għandna quddiemna llum huma eċċezzjonali, huma formidabbli daqs dawk li kellhom ta’ qabilna.  Ejjew naffrontawhom b’dan is-sens ta’ responsabbiltà.

Sur President, jien kemm-il darba semmejt il-liġi fuq il-finanzjament tal-partiti u se nibqa’ nsemmiha.  Qegħdin tard ħafna ħdejn pajjiżi oħrajn.  Naf li qed tiġi diskussa però we are very late.  Jien m’iniex konsolat.  Għalija l-fatt li qed tiġi diskussa mhuwiex konsolazzjoni meta tqis li f’pajjiżi oħrajn fosthom l-Italja – kif kelli opportunità, ngħid jien, insegwi ħafna l-politika tal-Italja – din il-liġi għamluha xi 20, 25 sena ilu, jiġifieri fl-aħħar tas-snin tmenin u fil-bidu tas-snin disgħin, u l-Italja kienu tard!   Fil-bidu tas-snin disgħin fl-Italja kienu qed jagħmlu din it-tip ta’ leġislazzjoni u Illum qegħdin fl-2010.  Bir-responsabbiltà kollha ngħid li dawn l-affarijiet misshom saru fil-bidu tas-snin disgħin f’dan il-pajjiż.  L-Italja kienu diġà tard fis-snin disgħin.  Jekk ikollna liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, il-partiti se jidhru aktar trasparenti u se jġibu aktar il-fiduċja tan-nies.  Huwa importanti li l-partiti politiċi ma nħarsux lejhom bħala xi ħaġa f’xi rokna moħbija imma għandhom ikunu miftuħin.  Il-partiti huma tal-poplu, il-partiti huma dik il-bejta fejn għandha tiġi kkultivata politika li mbagħad tiġi ppreżentata lill-poplu.  Imbagħad dak il-partit li bil-politika tal-persważjoni, kif iħobb jgħid il-Professur Guido de Marco, jirnexxielu jikkonvinċi l-akbar ammont ta’ nies u jirbaħ l-elezzjoni ikun jista’ jimplimenta dik il-politika li fassal il-partit.

Naħseb li llum kulħadd jaf għax kelli opportunità li ngħidha, li t-teżi tiegħi għamiltha fuq il-partiti politiċi.  Hemm ħafna xettiċiżmu fuq il-partiti politiċi però mingħajrhom id-demokrazija ma tistax titħaddem, ma nstabet ebda sistema aħjar minn dik tal-partiti politiċi.  M’hemmx sistema aħjar.  Il-partiti politiċi għandhom ħafna nuqqasijiet però m’hemmx sistema aħjar minn din tal-partiti politiċi.  Meta partit politiku jitla’ fil-gvern ma jitlax il-partit kollu, imma jitilgħu l-membri eletti.  Is-segretarju ġenerali ta’ partit u l-president ta’ partit ma jitilgħux fil-parlament.  Dawk iwieġbu lid-delegati tal-partit, lill-kunsilliera tal-partit, lill-eżekuttiv tal-partit.  Però d-deputati li jitilgħu fil-parlament għandhom żewġ lealtajiet, il-lealtà lejn il-partit li jkunu qegħdin fih għax jemmnu fil-kredu politiku ta’ dak il-partit għax iħossuhom parti minn dak il-partit, imma mbagħad għandhom il-lealtà wkoll lejn il-kostitwenza, lejn in-nies li jkunu tellgħuhom.  Dik hija lealtà oħra li ma tridx tiġi traskurata.

Sur President, bl-akbar umiltà ngħid li llum, li m’għadx għandek dik il-polarizzazzjoni qawwija, aktar qed tassumi rwol importanti, aktar qed tiġi aċċentwata din il-funzjoni tal-membru parlamentari bħala rappreżentant tal-poplu.  Il-membru parlamentari mhuwiex delegat tal-partit però f’ċertu sens ovvjament jirrappreżenta lill-partit, tela’ fil-parlament għax jirrappreżenta lil dak il-partit.  Min ivvotalu aktarx ikun ivvotalu l-ewwel nett għax jifforma parti minn dak il-partit, imbagħad ikun għażel il-kandidat partikolari.  Jidhirli li qed jiġi aċċentwat ukoll dan ir-rwol tad-deputat parlamentari, li huwa jirrappreżenta lill-poplu, li huwa jkun il-vuċi tal-kostitwenza tiegħu u tal-poplu in ġenerali.

Matul dawn l-aħħar 20 sena Gvernijiet Nazzjonalisti suċċessivi għamlu ħafna, biddlu b’mod radikali l-wiċċ ta’ Malta.  Irridu nifhmu fejn qegħdin illum, għaddejjin minn diversi riformi u għandna quddiemna sfidi formidabbli.  Kif kelli opportunità ngħid diġà, ejja nkunu l-arkitetti tal-partiti politiċi moderni billi nagħmlu liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.  Jien bir-rispett kollu ngħid li m’iniex kuntent mingħajr liġi tal-finanzjament tal-partiti, u jien se nibqa’ nsemmi dan il-punt.  Nerġa’ ngħid li naf li dan qed jiġi diskuss fis-select committee però jien xorta nħoss li għandi nsemma’ l-preokkupazzjoni tiegħi.  Jekk m’iniex sejjer żball madwar għaxar snin ilu kien hemm il-Kummissjoni Galdes li wkoll kienet ħarġet b’xi proposti dwar il-finanzjament tal-partiti.  Però minkejja dan, illum aħna hawnhekk u għad lanqas għandna l-iċken ħjiel, l-iċken rudimentary structure dwar dak li jikkonċerna l-finanzjament tal-partiti.

Sur President, nikkonkludi billi ngħid dan.  Ejja nħarsu ’l quddiem, ara ma nagħmlux l-iżball li nistaġnaw fil-passat.  Ejja nirrispettawh il-passat imma nkunu qed nirrispettawh biss jekk inkomplu nibnu fuqu, jekk naraw xi rridu ntejbu fih.  Bħalma semmejt diġà, issa se nibdew niddiskutu l-liġi tal-MEPA.  Il-MEPA kienet tajba meta saret, kienet tikkostitwixxi novità, ħalliet ħafna ġid, però aħna għandna noqogħdu nħarsu lejn il-MEPA u ngħidu:  Le, le, ma mmissu xejn!  Le, wasal iż-żmien li nibdluha, wasal iż-żmien li ntejbuha u jien fiduċjuż li r-riforma fil-MEPA se tkun riforma tajba.  Persważ li ż-żewġ naħat tal-Kamra se jagħtu l-kontribut tagħhom biex dak l-abbozz li hemm inkomplu ntejbu fuqu.  Jien qiegħed fuq din in-naħa tal-Kamra f’isem il-Partit Nazzjonalista però l-ewwel u qabel kollox ilkoll aħna Maltin.  Nixtieq nara jisseddaq is-sens ta’ nazzjon, li aħna lkoll Maltin.  Għandna opinjonijiet differenti però l-ewwel u qabel kollox aħna Maltin.

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.