26 Nov 2017 Hdax-il Diskors Parlamentari – aktar riformi u hydrogen l-energija tal-futur – Novembru 2009
il-Hdax -il Diskors – 24/11/2009 – Voti taht l-Ufficcju tal-Prim Ministru
Seduta 170 24.11.2009 Onor Franco Debono
Voti taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru
ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, ftit ilu kelli okkażjoni li nindirizza dan il-parlament u tkellimt dwar il-qasam tal-ġustizzja li ovvjament huwa ta’ interess prinċipali tiegħi. Kien hemm xi kummenti f’dan id-diskors fejn kont entużjast u forsi anke wżajt xi aġġettiv irrabjat. Ovvjament ma kontx irrabjat, però kont qed nitkellem b’konvinzjoni fuq suġġett li huwa għal qalbi bl-iskop li nipprova nagħti kontribut u ntejjeb ukoll il-ħafna ġid li sar. Fil-fatt jien kelli kliem ta’ tifħir għall-Ministru tal-Ġustizzja dwar ir-riformi li għamel fil-qasam tal-kummerċ u fil-qasam ċivili. Saru diversi emendi li ssarrfu f’titjib konsiderevoli f’dawk l-oqsma. Però mbagħad ma waqaftx hemm u tkellimt ukoll dwar fejn deherli li wieħed jista’ jagħmel bidliet f’ċerti oqsma tal-kamp kriminali. Kont urejt ukoll ċerta preokkupazzjoni għall-fatt li għaddew diversi snin u ċerta emenda fil-liġi llum għadha ma daħlitx fis-seħħ. Dan qed ngħidu biex forsi wieħed jifhem ukoll it-ton ta’ kif tkellimt dikinhar.
Riċentement il-Viċi Prim Ministru u jidhirli li anke l-Prim Ministru żaru l-qabar ta’ Sir Ugo Mifsud. Ironikament Sir Ugo Mifsud, li kien wieħed mill-ewwel prim ministri ta’ Malta, f’dibattitu fil-kunsill tal-gvern tant tkellem b’mod aġitat li kien tah attakk tal-qalb. Jien ċertament meta tkellimt ma kontx daqshekk aġitat jew almenu ma kellix il-konsegwenzi li sfortunatament kellu Sir Ugo Mifsud li spiċċa miet jumejn wara! Il-punt tiegħi huwa li min qiegħed fil-parlament u jitkellem minn qalbu, jitkellem b’ċertu enerġija u b’ċertu entużjażmu. Xi rrid ngħid, Sur President? Jien għadni kif kont qed nitkellem mal-ħabib tiegħi kollega l-Onor. Francis Zammit Dimech fejn qbilna li hemm bżonn li l-parlament jiġi ravvivat, hemm bżonn li jitqajjem aktar. Meta nitkellem ma’ nies li ilhom f’dan il-parlament juruni t-tħassib tagħhom dwar dan, u huma tal-fehma li huwa importanti li l-parlament jerġa’ jingħata aktar ħajja.
Sur President, il-parlament jaqa’ taħt il-voti li qed niddiskutu llum. Ma ninsewx li din hija l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, hija l-iktar forum ta’ diskussjoni rappreżentattiv, u jien kelli opportunità f’dan il-parlament ukoll li nsemmi l-bżonn li jiġu emendati l-istanding orders. L-istanding orders issa ilhom l-istess għal għexieren ta’ snin, u wasal iż-żmien li dawn jiġu emendati. Hawn ta’ min igħid li anke l-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici kien għamel studju dettaljat dwar kif dawn għandhom jiġu mibdula. Irridu nemendawhom mhux sempliċement biex inkunu biddilna imma biex dawn jippermettu funzjonament ħafna aħjar ta’ dan il-parlament. Illum il-ġurnata naħseb li anke minn fuq dawk is-suġġerimenti reġa’ għadda ż-żmien, u naħseb li hemm bżonn li jsir studju ieħor biex jerġgħu jiġu aġġornati biex il-membri jkunu jistgħu jipparteċipaw u jagħtu kontribut aħjar. Li hu żgur huwa li hemm bżonn jiġu allokati aktar riżorsi għal dan il-parlament. Hemm bżonn li dan ikun parlament aktar awtonomu.
Kelli wkoll opportunità li nuri l-preokkupazzjoni tiegħi li dan il-parlament m’għandux l-aħjar media biex jittrasmetti l-messaġġ tiegħu lejn il-poplu. Fl-aħħar mill-aħħar aħna qegħdin hawnhekk niżvolġu din l-attività tar-rappreżentazzjoni. Jiena nisma’ li Dr. Lawrence Gonzi kien speaker tajjeb ħafna wkoll, u ddistingwa ruħu f’dik il-kariga kif iddistingwa ruħu fil-karigi l-oħra wkoll. Meta kien speaker kien hu li waqqaf ir-radju tal-parlament. Illum il-ġurnata, issa wara li għaddew diversi snin, naħseb li wasal iż-żmien li dan il-parlament ikollu ċerti dibattiti li jkunu televised fuq stazzjon eżistenti, bħal Channel 22. Dan għaliex huwa importanti li n-nies li aħna nirrappreżentaw ikunu jafu x’inhu jiġri, għax fl-aħħar mill-aħħar huwa fl-interess tagħhom li qegħdin nitkellmu u naġixxu. Aħna ngħidu li l-istazzjonijiet tal-partiti għandhom inaqqsu daqsxejn il-polarizzazzjoni, u naħseb li dan jiġri awtomatikament jekk ikun hemm id-dibattiti tal-parlament li jkunu televised live jew b’xi mod in-nies ikunu jistgħu jsegwuhom aħjar.
Ma rridx ninsa wkoll li nifraħ lill-Ministru John Dalli għan-nomina tiegħu. Ċertament anke l-media qablet li hija nomina li tixraq lill-Ministru Dalli li għandu diversi snin ta’ esperjenza u li b’dedikazzjoni kbira wettaq il-funzjonijiet tiegħu b’servizz impekkabbli lill-poplu Malti. Nixtieq ngħid ukoll li wieħed ma jistax ma jinnotax ix-xogħol li sar fi Pjazza San Ġorġ, pjazza sabiħa li ċertament tixraq lill-ġawhra tagħna l-Belt Valletta. Din il-pjazza għandha rilevanza għat-turiżmu li proprju jaqa’ taħt l-Onor. Demarco, pjazza li verament tolqot l-għajn. U dan bix-xieraq, għax din hija waħda mill-pjazez ewlenin tal-Belt Valletta. Verament prosit lill-Ministru Pullicino u n-nies tiegħu tax-xogħol tajjeb ħafna li sar.
Sur President, xtaqt ngħid ukoll xi ħaġa dwar ir-riformi. Xtaqt insemmi r-riforma fil-qasam tal-kunsilli lokali li saret taħt l-Onor. Chris Said. Kulħadd jaqbel dwar il-mod kif mexa l-Onor. Said meta kien għaddej bil-ħidma biex titwettaq ir-riforma fil-kunsilli lokali. Bħalissa f’dan il-pajjiż ninsabu għaddejjin b’diversi riformi. Dan juri li dan il-gvern qatt ma qagħad lura biex idaħħal ir-riformi, u dan anke meta kont qed nagħmel aċċenn dwar il-fatt li hemm bżonn riformi anke fil-qasam tal-ġustizzja. Għaldaqstant, jekk hemm dispożizzjoni tal-liġi li għadha ma daħlitx fis-seħħ, jien għidt f’dan il-parlament diversi drabi, u hekk se nibqa’ nagħmel għax dak hu d-dover tiegħi, li nfakkar li għad hemm din id-dispożizzjoni tal-liġi li għadha ma daħlitx fis-seħħ. Dan hu gvern li għamel ħafna riformi, u ovvjament meta wieħed isemmi l-bżonn li tidħol fis-seħħ riforma ma jfissirx li biex jagħmel dan għandu joqgħod isemmi ruxxmata riformi li għaddejjin minnhom. M’hemmx għalfejn noqgħod insemmi r-riforma fit-trasport pubbliku li se ġġib rivoluzzjoni fil-mentalità f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport, ir-riforma fil-liġi tal-kera u riformi oħrajn.
Niġi għar-riforma ewlenija li xtaqt nagħmel riferenza għaliha, dik tal-MEPA li qed jieħu ħsiebha l-Onor. Mario de Marco b’mod partikolari, imma taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Naf li qed jagħmel biċċa xogħol tajba għax attendejt ukoll għall-konferenza nazzjonali dwar il-MEPA, u ħadt gost. Però jien xtaqt nagħmel żewġ suġġerimenti żgħar lil dan il-parlament. L-ewwel nett jien issuġġerejt proċess ta’ kodifikazzjoni b’mod ġenerali li qed jiġi diskuss quddiem dan il-parlament. Jien nemmen li dan il-proċess ta’ kodifikazzjoni hemm bżonn isir ukoll fil-liġijiet tal-MEPA. Xtaqt nagħmel riferenza għal chapter 3 tal-ktieb ‘Development Planning Legislation’ ta’ Dr Kevin Aquilina, li huwa awtorità fil-qasam – m’għandix dubju li qed jaqbel miegħi l-kollega u ħabib kbir tiegħi Mario de Marco – li jittratta dwar sources of planning law. Hemm 26 faċċata, minn paġna 60 sa paġna 86, li kollha jittrattaw regoli, regolamenti, avvizi legali, manwali u direttivi.
Aħna l-avukati fil-qorti mdorrijin bil-Kodiċi tal-Kummerċ fejn għandek il-liġijiet kodifikati u konsistenti. Jerġa’, fejn ikun hemm inkonsistenzi, l-qrati mbagħad bl-interpretazzjoni ġudizzjarja tagħhom, dawn jeliminawhom. Jien nagħmel dan is-suġġeriment umli, li wieħed mill-proċessi ewlenin li għandhom isiru fir-riforma tal-MEPA – jien m’għandix dubju li l-Onor. de Marco diġà qed jieħu ħsieb ta’ dan, però għandu jkun proċess rigoruż immens fl-opinjoni tiegħi – ikun l-kodifikazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-liġijiet tal-MEPA. Hemm il-ħsieb f’dan il-parlament li jitwaqqaf kumitat proprju għall-konsolidazzjoni u kodifikazzjoni tal-liġijiet kollha ta’ Malta. Però f’dan il-qasam partikolari, ladarba se nkunu qed nagħmlu din ir-riforma, u jien m’għandix dubju li din ir-riforma bħal kull riforma oħra li kien involut fiha l-Prim Ministru se tkun suċċess ukoll, hemm bżonn li nagħmlu dan il-proċess.
Illum is-sitwazzjoni ġenerali tal-ippjanar tinsab kristallizzata u allura nissuġġerixxi l-inkorporazzjoni ta’ dawn l-instrumenti f’liġi. Jiġifieri fejn għandek manwali, direttivi u avviżi legali, fejn nistgħu, nagħmluhom f’liġi. Veru li jekk tkun trid tbiddel trid tiġi quddiem il-parlament, mhux bħal meta għandek avviż legali fejn il-proċedura biex temendah tkun aktar sempliċi, però ċertament li s-sitwazzjoni hija kristallizzata f’ħafna mill-qosma u mill-kapitoli li qed nagħmel riferenza għalihom. Jien għamilt ir-riċerka tiegħi qabel attendejt għall-konferenza nazzjonali dwar il-MEPA u jirriżulta li hemm 26 paġna ta’ planning laws. Naħseb li hawnhekk għandek is-sors ewlieni – apparti ħaġa oħra li jien, li għandi background legali fil-qorti, dejjem emmint fiha – li min se jkun qed jiġġudika mhux se jkun part-time. Din hija waħda mill-elementi ewlenin tar-riforma fil-MEPA, li llum il-ġurnata min se jkun ġudikant mhux se jkun part-time. Jien ikkritikajt din is-sistema wkoll fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar fejn għandek avukati li filgħodu jaħdmu ta’ avukati u wara nofsinhar jiġġudikkaw il-każi. Jiġifieri anke hemmhekk kont daqsxejn xettiku dwar is-sistema. Hawnhekk din se tkun irranġata u jien naqbel perfettament ma’ dan l-aspett tar-riforma.
Jien ġejt maħtur bħala membru fuq il-kumitat permanenti tal-Kamra stabbilit bid-Developement Planning Act. Kif kont tkellimt mal-Prim Ministru, jien naħseb li għandhom jitwessgħu l-funzjonijiet ta’ dan il-kumitat li hu chaired mill-Prim Ministru, bħala ministru responsabbli mill-ambjent, u hemm rappreżentanti miż-żewġ naħat tal-Kamra. Nemmen li għandhom jitwessgħu l-poteri tiegħu għax kif inhu taħt id-Development Planning Act huma ristretti għal każijiet partikolari. Allura nħoss li għandna nwessgħu l-funzjonijiet tiegħu u fl-istess waqt nużawh fit-tfassil tal-policy. Fl-aħħar mill-aħħar għandek l-input u l-kontribut ta’ membri miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Xtaqt nagħlaq b’punt żgħir li napprezza li l-Onor. Leo Brincat semmieh ukoll. Ma kontx rajtu rapportat fil-media, imma forsi ma ndunajtx jien bih. Jien diġà kelli opportunità nitkellem dwar dan, imma nerġa’ nagħmel aċċenn għall-fatt li filwaqt li nesploraw mezzi oħra ta’ enerġija alternattiva bħax-xemx, ir-riħ u sorsi oħra, għandna nżommu għajnejna miftuħin immens għall-hydrogen bħala sors alternattiv u nadif ta’ enerġija. Nemmen li fil-futur se jkun is-sors ewlieni ta’ enerġija nadifa madwar id-dinja. Il-hydrogen huwa element li jinsab fl-univers u qiegħed f’abbundanza mhux ħażin. Din it-teknoloġija qed titħaddem diġà. Infatti hawn anke karozzi jaħdmu bil-hydrogen. Veru li s-sistema għadha ftit għolja, però tajjeb li ma ninqabdux lura fiha. Irridu minn issa nżommu kemm jista’ jkun mal-pass ta’ x’inhu jiġri barra minn Malta biex ma ninqabdux fuq sieq waħda.
Kelli notament żgħir u se nagħlaq bih. Faħħart ix-xogħol tal-Ministru Pullicino fi Pjazza San Ġorġ, però nixtieq infaħħar ukoll ix-xogħol tal-Ministru Pullicino fil-proġett ta’ Marsaxlokk għax jaqa’ fid-distrett li jien nirrappreżenta fil-parlament. Ħadt gost li l-Ministru kien stedinni biex nakkumpanjah meta inawgura x-xogħlijiet, u nittama li ma ddumx biex titkompla t-tieni fażi tal-proġett ta’ Xatt is-Sajjieda. Qabel beda l-proġett jien kelli l-opportunità li nitkellem diversi drabi dwar il-ħtieġa li dan il-proġett jibda. Dan qed ngħidu wkoll fil-kontest tar-rilevanza turistika li għandu Marsaxlokk fil-qasam turistiku Malti. Huwa raħal pittoresk u uniku, u t-turisti jiġġennu għalih. Nirringrazzjak, Sur President.
Sorry, the comment form is closed at this time.