03 Dec 2015 L-Ghaxar Diskors Parlamentari – Riforma tal-Gustizzja kwazi kompluta – Novembru 2009
Seduta numru 162 19.11.2009 Onorevoli Franco Debono
Voti tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern
ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, ara naħsbu li fil-qasam tal-ġustizzja l-aktar ħaġa li għandha timpenjana u għandna ninkwetaw u nallokaw l-enerġija tagħna fuqha hija l-pensjonijiet tal-ġudikanti. Ara ma ningħatawx xi impressjoni li tant għandna kollox ileqq u f’postu li nistgħu noqogħdu ninkwetaw fuq din il-biċċa xogħol u l-enerġiji u l-attenzjoni tagħna ma niddedikawhomx lill-materji u kwestjonijiet ħafna iktar importanti u li jolqtu direttament il-libertajiet fundamentali tal-bniedem f’pajjiżna.
Il-pensjonijiet tal-ġudikanti huma importanti wkoll, id-drittijiet tal-ġudikanti u l-istaff li jkollhom biex jagħmlu x-xogħolhom suret in-nies u b’diċenza huwa importanti ukoll però f’pajjiżna, sfortunatament, għandna sitwazzjoni fejn dritt li qorti Ewropea dddikjarat li huwa dritt fundamentali, għadna qed inkaxkru saqajna biex indaħħluħ fis-seħħ permezz ta’ legal notice. Qed ngħid legal notice għax din il-liġi għaddiet minn dan il-parlament tmien snin ilu. Qed nirriferi għad-dritt tal-avukat waqt li dak li jkun ikun qed jiġi interrogat mill-pulizija. Dan għadu ma daħalx minkejja li ili nħambaq ħafna u kilt griżmejja f’dan il-parlament.
Sur President, ħadt gost nisma’ lill-ħabib tiegħi l-Onor. Edwin Vassallo jitkellem u xtaqt nagħmel xi kjarifiki fuq dak li kien qed jgħid. Din is-sena għalaqt għaxar snin avukat, għext fil-kurituri tal-qorti u ovvjament f’dan iż-żmien tibda tifforma viżjoni ta’ dak li hu tajjeb u tal-ħafna ġid li jkun sar. Hawnhekk nixtieq nifraħ lill-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici tal-ħafna miżuri li saru bis-saħħa tiegħu speċjalment fil-qasam ċivili u fil-qasam kummerċjali. Dawn ma sarux f’din il-leġislatura biss u huma miżuri tajbin ħafna u kien hemm bżonnhom. Kulma jista’ jkolli huwa kliem ta’ tifħir però naħseb li ħadd mhu qiegħed fil-politika jekk m’għandux xi jgħid. Ma nistax nifhem kif xi ħadd jidħol fil-politika u ma jkollux xi jgħid, ma jkollux messaġġ x’iwassal jew ma jkollux viżjoni ta’ xi ħaġa li jrid jibdel. Politiku ma jispiċċax mill-parlament għax irid hu. Politiku jintbagħat fil-parlament mill-poplu li jkun eleġġieh u l-politiku tal-affari tiegħu jipprotesta fejn ikun hemm bżonn u meta jsabbat saqajh ħadd m’għandu jagħlaqlu ħalqu. B’hekk ikun qed jagħmel xogħlu sew u jkun qed jagħmel id-dover tiegħu.
Dritt tal Avukat waqt l interrogazzjoni
Sur President, kont qed insemmi d-dritt tal-avukat. Dan semmejtu mill-inqas tmien darbiet fis-sena u nofs li ilni fil-parlament imma ma waqaftx hemm. Semmejt dan id-dritt fil-kontest ta’ kif isiru l-investigazzjonijiet fil-ġurnata tal-lum. Spettur bravu li jrid jagħmel xogħlu sew ma joqgħodx jistenna l-istatement. Spettur bravu li jagħmel l-investigazzjoni fid-dettall lanqas jiġi bżonn l-istatement. Jingħad li jekk se jibda jkollok l-avukat miegħek, dawn ma jitkellmux u ma nsolvu xejn. Dan mhu veru xejn. L-ewwel nett min ma jridx jitkellem m’għandux għalfejn jgħidlu l-avukat biex ma jitkellimx għax uħud minnhom ikunu diġà jafu u ma jitkellmux. B’kull rispett, m’għandniex noqogħdu nagħtu impressjonijiet żbaljati u ħafna popoliżmu u sensazzjonaliżmu fil-vojt u bla sens li meta tagħsru ma ssib xejn.
Sur President, xtaqt ngħid ukoll li l-pulizija jrid ikollha laboratorju forensiku suret in-nies biex taħdem. Nixba’ nirċievi lmenti li l-laboratorju forensiku huwa ineżistenti. Biex nippretendu li jaħdmu l-pulizija? Bir-riżorsi li għandhom il-pulizija jagħmlu l-mirakli.
Hawnhekk għandna bżonn tibdiliet radikali u għandna bżonn urġentement viżjoni għall-ġustizzja kriminali. Irridu nibdlu wkoll is-sistema li għandna llum li tkellimt fuqha wkoll diversi drabi biex ikollna distinzjoni bejn il-maġistrat ġudikanti u l-maġistrat inkwerenti. Qed nippretendu wisq mill-ġudikanti tagħna. Ma jistax ikun li issa qiegħed mal-ispettur tagħmel inkjesta fuq bniedem u dak l-istess bniedem ikollu każ quddiemek għal sentenza. Kif tista’? Mela int mhux uman? Kif nistgħu nippretendu dawn l-affarijiet mill-ġudikanti tagħna? Għalhekk kif diġà għedt għandu jkun hemm distinzjoni.
U f’dan l-isfond, kif diġà semmejt, il-pulizija għandu jkollha l-għodda forensiċi biex taħdem. Il-Korp tal-Pulizija llum għall-grazzja t’Alla jgawdi r-rispett tal-poplu Malti u għamel avvanzi kbar ‘il quddiem imma ejja ma noqogħdux ngħidu li għax fis-snin tmenin kienu jsiru affarijiet li ma kenux sewwa u llum avvanzajna mela norbtu idejna, inċiċċu bilqiegħda, kollox lest, ara ma mmissu xejn u m’hemmx bżonn nirriformaw. Għandna bżonn urġenti viżjoni għall-ġustizzja kriminali.
Irid ikollna laboratorju forensiku state of the art biex lill-pulizija nagħtuhom biex jaħdmu. L-implimentazzjoni tad-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni norbtu mat-tisħiħ tar-riżorsi tal-pulizija biex ikunu jistgħu jwettqu aħjar il-funzjonijiet tagħhom taż-żamma tal-ordni imma wkoll tal-investigazzjoni tar-reati, li hija l-funzjoni primarja tagħhom.
Fis-sitwazzjoni li għandna llum, m’għandix diffikultà nistqarr li l-Korp tal-Pulizija jgawdi r-rispett taċ-ċittadin Malti imma dan ma jfissirx li nistgħu norbtu jdejna u nserrħu rasna li ma jistgħux isiru abbużi minn individwi li sfortunatament jixħtu dell ikrah fuq il-korp. Il-fatt li jkollok avukati li jattendu f’għases, li jattendu wkoll fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija hija importanti sabiex dan ma jkunx xi territorju li fih l-avukat ma jidħolx. Jien hawnhekk ma naqbilx mal-Onor. Edwin Vassallo. Ir-rwol tal-avukat huwa li fil-proċeduri fil-qorti u anke barra l-qorti jiddefendi l-każ tal-klijent tiegħu. L-avukat huwa persuna li studjat il-liġi u allaħares nipprovaw nagħtu xi impressjoni differenti. Din tas-separazzjonijiet jiddispjaċini li m’għoġbitni xejn. Forsi l-Onor. Vassallo jaf b’każi ta’ separazzjonijiet individwali li jiġu rranġati però jien nista’ nsemmilu mijiet ta’ separazzjonijiet li kienu l-avukati stess, għax huma responsabbli – u naf ħafna avukati responsabbli – li għamlu sforz u sewwew żwieġ. Personalment naf b’ħafna minn dawn il-każi.
Sur President, jekk fhimt tajjeb l-Onor. Vassallo qed jgħid li għandu jkun hemm il-kura primarja fl-għases. Dak jgħidulu community policing jiġifieri l-pulizija għandha l-funzjoni u r-rwol li tagħmel din it-tip ta’ attività. Semma wkoll il-liġi tal-familja u l-qorti tal-familja. Hawnhekk għandi preokkupazzjoni wkoll u wasal iż-żmien li jkollna viżjoni u naraw is-sistema tal-medjaturi. Jien dehert quddiem medjaturi u taf kemm idumu jipprovaw jimmedjaw żwieġ dawn? Taf kemm idumu jipprovaw isewwuh żwieġ? Għaxar minuti! Jien inkun għamilt tnejn jew tliet meetings l-uffiċċju nipprova nirranġahom imbagħad immur quddiem il-medjatur u f’għaxar minuti jiddeċiedi li m tistax tirranġa dan iż-żwieġ.
Lill-ministru hawnhekk ngħidlu li l-affarijiet fil-qorti tal-familja ma naħsibx li huma feliċi. Inutli noqogħdu niddikjaraw li rridu nsaħħu l-familja. Inutli noqogħdu niddikjaraw valuri u mhux valuri. Irridu naraw fil-verità on the ground x’inhu jiġri. Tajjeb li noqogħdu niddikjaraw, kulħadd jaqbel li għandna nemmnu fil-valuri imma bir-rispett kollu, nerġa’ ngħid, tisma’ każi fejn avukati jagħmlu ħafna sforz biex jirranġaw il-koppja. Ikun hemm każi fejn verament il-problema tkun żgħira.
Ġieli jkun hemm problemi ta’ komunikazzjoni, il-koppja bejniethom ma jkunux qed jiftiehmu sew u t-tensjoni tikber. Issemmiet iż-żerriegħa taż-żebbuġ u tal-ħarrub, fejn tibda b’żerriegħa u tispiċċa b’siġra daqsxiex. Però meta wieħed jagħmel sforz, jista’ jerġa’ jiżborha din is-siġra u terġa’ tiġi għax-xejn u allura fortunatament wieħed isib tarf dik il-problema li tkun iffjorixxiet.
Il-ħabib tiegħi, l-Onor. Edwin Vassallo semma fejn it-tfal jiltaqgħu fl-għases. Iva, sfortunatament dan huwa veru, u hawnhekk għandha tkun intiża sistema biex tevita dawn il-każi. Ikollok każi fejn it-tfal jintużaw bħala arma mill-ġenituri li jkunu qegħdin jisseparaw biex jimpikaw bihom. Din hija l-agħar ħaġa li tista’ tiġri fis-separazzjonijiet għax id-drittijiet partimonjali, b’xi mod, wieħed forsi jsib rimedju għalihom però fejn jidħlu t-tfal il-ħsara li tkun qed issirilhom hija xi ħaġa irrimedjabbli, hija xi ħaġa li verament tweġġgħek.
Din tal-għases ma nafx jekk għadhiex tiġri ħafna għax jidhirli li l-qrati ħafna drabi jipprovaw jevitaw li jiġi eżerċitat l-aċċess fl-għases tal-pulizija. Naħseb li forsi wieħed għandu jirridimensjona dik ukoll però jista’ jkun hemm kwestjoni ta’ sigurtà fejn il-qorti tħoss li l-aċċess għandu jiġi eżerċitat fl-għases tal-pulizija. Sur President, hemm bżonn li nagħmlu analiżi bir-reqqa dettaljata fiex aħna fil-qorti tal-familja. Nisma’ ħafna tgergir minn ħafna avukati dwar kif sejrin l-affarijiet fil-qorti tal-familja. Naħseb li rridu nerġgħu neżaminaw ir-riformi li saru hemmhekk għax dan huwa qasam sensittiv.
Qorti tal-Minorenni
L-Onor. Edwin Vassallo semma wkoll, u naqbel miegħu, tfal li llum huma mqarbin biss imma erbat ijiem oħra dawn se jispiċċaw il-ħabs. Dawn huma tfal li kieku r-riżorsi tal-pajjiż inħlew biex ikkurajnihom meta kellhom 13-il sena ma jkollniex għalfejn nitfgħuhom il-ħabs ta’ 17-il sena jew 16-il sena. Dik hija waħda mill-problemi kbar li għandna. F’għaxar snin rajt tfal ta’ 14-il sena fil-qorti tal-minorenni. Din il-qorti wkoll, bir-riżorsi li għandha, tagħmel il-mirakli. Il-qorti tal-minorenni għandha tingħata ħafna aktar faċilitajiet u riżorsi għax hemmhekk jibdew il-problemi. Ħafna drabi jekk bniedem jinġieb quddiem il-qorti tal-minorenni u hemmhekk jiġi kultivat u supervised allura nkunu qegħdin nevitaw li jiggradwa kriminal ta’ 16-il sena jew 17-il sena. Huwa importanti ħafna li jkun hemm żieda ta’ riżorsi fil-qorti tal-minorenni.
Xtaqt insemmi wkoll l-età tal-irtirar tal-ġudikanti. Għandna numru ta’ ġudikanti tajbin li akkumulaw snin twal ta’ esperjenza u naħseb li wasal iż-żmien li nirrivedu l-età ta’ irtirar tagħhom u ngħolluhielhom. Sena ilu kont tkellimt fil-parlament dwar dan is-suġġett u għedt li għandna ngħollu wkoll l-età tal-ħatra tal-ġudikanti. Naħseb li għandna nimponu aktar snin ta’ esperjenza sabiex persuna tikkwalifika u tinħatar bħala ġudikant, kemm fil-każ ta’ maġistrati kif ukoll fil-każ ta’ imħallfin.
Irrid insemmi ukoll it-termini tar-rinviji tal-avukat ġenerali. Hawnhekk nixtieq infaħħar ħafna x-xogħol li jagħmel l-avukat ġenerali, li nemmen ukoll li għandu jingħata aktar riżorsi. F’dawn l-għaxar snin kemm ili naħdem ta’ avukat, kelli ħafna x’naqsam mal-uffiċċju tal-avukat ġenerali, speċjalment fil-qasam kriminali. Nemmen li Dr Silvio Camilleri, li jaf il-liġi inside out, għamel mirakli bil-mezzi u r-riżorsi li għandu u nieħu l-opportunità biex infaħħar mhux biss il-ħidma tiegħu imma anke tal-istaff kollu tiegħu għax naf li għandhom ammont kbir ta’ xogħol. Naħseb li l-ministru jaqbel miegħi li jekk hu possibbli, inżidu l-istaff f’dan l-uffiċċju fejn illum jidħlu ħafna atti ta’ akkuża u r-rinviji ġejjin u sejrin. Fil-fatt naf li l-ministru qiegħed jaħdem fuq din il-ħaġa.
Sur President, kif nafu riċentement fil-parlament qiegħda tiġi diskussa mozzjoni biex jinħatru żewġ kumitati; wieħed fuq l-IVF u l-ieħor fuq ir-reviżjoni tal-liġijiet. Kif qal il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg stess din kienet idea tiegħi li jinħatar kumitat. Jien kont smajt lill-Onor. Herrera jitkellem dwarha fid-diskors tal-budget ta’ sena ilu u bħala backbencher u l-iżgħar deputat min-naħa tal-gvern, ma rridx niġi f’dan il-parlament biex sempliċement noqgħod insaħħan is-siġġu. Jiena nemmen li l-membri kollha ta’ dan il-parlament, miż-żewġ naħat tal-Kamra, jixtiequ l-ġid lil dan il-pajjiż, għalkemm forsi b’modi differenti. Ir-rikkezza tad-demokrazija hi li jkollok opinjonijiet differenti. Fl-opinjoni umli tiegħi jidhirli li sħabi d-deputati kollha għandhom messaġġ x’jagħtu u kollha jixtiequ li jagħtu kontribut biex jaraw lil dan il-pajjiż miexi ’l quddiem biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Ftit ilu smajt lill-Onor. David Agius jitkellem dwar dan il-kumitat u ħadt gost li hu għamel ir-riċerka tiegħu fejn fost affarijiet oħra semma ċerti kapitli tal-liġi li jitkellmu fuq il-ħamiem tal-ittri u fuq il-bejgħ taċ-ċereali. Is-suġġeriment li għamilt jien u li ġie diskuss xhur ilu kien qed isir xogħol fuqu u l-ministru jista’ jikkonfermah dan, però ovvjament wieħed ried jara xi tkun l-aħjar formula li għandu jieħu dan il-kumitat. Jien ħadt gost insegwi d-dibattitu miż-żewġ naħat tal-Kamra – għalkemm nerġa’ ngħid li hemm opinjonijiet differenti imma kulħadd joħroġ b’ideat tajbin – fejn jidher li hemm qbil dwar il-proċess ta’ reviżjoni ta’ liġijiet. Fost dawn issemmiet il-liġi taż-żwieġ. Din għandha tidħol fil-Kodiċi Ċivili, per eżempju? Hemm bżonn li tidħol f’att waħdu u ma ndaħluhiex fil-Kodiċi Ċivili? Irridu naraw ukoll il-Kodiċi tal-Kummerċ.
Sur President, dan il-parlament kien attiv ħafna. Biżżejjed naraw li l-aħħar kapitlu huwa 499. Imbagħad għandek liġijiet tal-Unjoni Ewropea li jiġu transposed il-ħin kollu fil-liġi Maltija. Naħseb li wasal iż-żmien li nagħmlu stocktaking tas-sitwazzjoni u nissimplifikaw l-istruttura tal-liġijiet. Dan il-proċess sar anke fl-Unjoni Ewropea u naf li jieħu numru ta’ snin għax tkun trid teżamina l-liġijiet kollha u tara x’konċetti antikwati hemm. Każ klassiku huwa l-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, per eżempju. Nemmen li hemmhekk hemm minjiera fejn wieħed jagħmel aġġornament, kodifikazzjoni u konsolidazzjoni.
Nixtieq ngħid xi ħaġa dwar il-proċess ta’ kodifikazzjoni li se jkolli l-opportunità li namplifika ħafna iktar fuqu meta nkun qed nitkellem fil-vot tal-prim ministru. Nemmen li fir-riforma tal-MEPA, ir-radd tas-salib għandu jkun proċess ta’ kodifikazzjoni tar-regolamenti, tal-manuals u tar-recommendations. Jien qrajt il-ktieb “Development Planning Legislation in Malta” ta’ Dr Kevin Aquilina, li huwa espert fil-qasam tal-planning. Hemm 25 faċċata li titkellem dwar is-sources of planning law.
Hemm direttivi, manuals u regolamenti li wħud minnhom bilfors ikunu konfliġġenti u għalhekk nemmen li dan il-kumitat se jkun qed jagħmel dan il-proċess ta’ kodifikazzjoni meta jinħatar. Fil-liġijiet tal-planning għandna Babilonja sħiħa u naħseb li r-radd tas-salib fir-riforma tal-planning għandu jkun li nikkodifikaw, naraw x’hemm outdated, x’mhuwiex tajjeb, x’inhu konfliġġenti u x’ma jagħmilx sens biex ikollna daqsxejn koerenza, biex jagħmel daqsxejn sens u biex wieħed ikollu ordni razzjonali ta’ dawn ir-regolamenti u l-liġijiet. B’dan il-mod dawn imbagħad jiġu applikati mill-bordijiet varji tal-MEPA.
Sur President, nispera li jkolli l-opportunità li nitkellem iżjed dwar dan imma naf li sieħbi l-Onor. David Agius irid jitkellem ukoll. Nirringrazzjak.
Sorry, the comment form is closed at this time.