It-Tmien Diskors Parlamentari – Nsejjah ghal tishih fil-Korp tal-Pulizija u biex l-Qorti ma jibqax juza l-cassette tapes – Aggornament April 2009

It-Tmien Diskors Parlamentari – Nsejjah ghal tishih fil-Korp tal-Pulizija u biex l-Qorti ma jibqax juza l-cassette tapes – Aggornament April 2009

Jekk dan d-diskors ma juri xejn juri l-pacenzja ta’ Gob li kelli. Ghal darb’ohra nerga nsemmi l-bzonn li jidhol fis-sehh d-dritt al-avukat ghal persuni arrestati, ligi li kienet ghaddiet  mil-Parlament sitt snin qabel u liema dritt gie dikjarat bhala dritt fundamentali.

F’April 2009, meta ghamilt dan l-Aggornament l-Partit Nazzjonalista, li kien rebah l-elezzjoni ta’ sena qabel bi sbrixx bil-weghda tal-ucuh godda, kien qieghed ftit gimghat ‘l boghod minn telfa kolossali fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Gunju 2009. Dan huwa t-tmien diskors tieghi fil-Parlament. Ovvjament stajt nitkellem b’certa awtorita’ minhabba d-disa’ snin xoghol ta’ kuljum fil-Qorti li kont diga’ ghamilt minkejja li kont zghir fl-eta, 34 sena.

F’din l-ewwel sena fi tmien diskorsi tista’ tghid li diga’ kont fassalt l-outline generali tar-Riforma tal-Gustizzja li pero’ komplejt nirfina sakemm prezentajt l-Mozzjoni Privata dwar Riformi Magguri fil-Gustizzja u Intern f’Novembru 2011, u liema proposti ttiehdu on board mir-Rapport Bonello snin wara. F’dan d-diskors niffoka fuq l-forensika, fuq tishih fil-Korp tal-Pulizija filwaqt li fid-diskorsi ta’ qabel iffukajt fuq d-drittijiet tas-suspettat u riformi ohra fil-qasam tal-gustizzja. Qed nfassal Sistema, bilancjata, nibni diskors wara iehor.

Pero’ din s-sekwenza ta’ diskorsi titfa’ dawl ukoll li jmur oltre mill-qasam tal-gustizzja u intern, titfa dawl fuq marda li kienet qeghda bil-mod l-mod tnawwar l-partit minn gewwa – l-arroganza. Backbencher jaghmel numru kbir ta’ proposti, jfassal sistema, filwaqt li l-ministru responsabbli mhux biex ma kienx qed jaghmel il-proposti hu, izda talli kien qed jinjorahom meta jsirulu. Diga’ stramba kif l-proposti gejjin mil-backbench izda stramba ferm aktar kif l-ministru xorta ma jwettaqhomx! Dan l-attegjament li wassal ghat-telfa kolossali fl-2009 MEPs imbaghad hafna aktar gravi fl-elezzjoni generali 2013. L-arroganza u nuqqas ta’ meritokrazija.

Illum huwa tajjeb li nsegwu ahbarijiet dwar l-uzu tat-teknologija fil-Qrati, pero’ f’dan d-diskors hemm l-fulcrum ta’ din l-bidla fl-atteggjament – sejha mqanqla biex l-Qrati juzaw teknologija ahjar, aktar moderna  u jabbandunaw l-uzu tal-cassette tapes. teknologija antikwata anke dak z-zmien, sitt snin ilu. Dan kien t-turning point. Ovvjament imbaghad wiehed ikompli jibni.

Fl-2012 meta l-frustrazzjoni akkumulat konsiderevolment, kont uzajt l-espressjoni Parlament jahdem bir-radju u Qorti jahdem bil-cassette tapes biex nispjega l-istat infelici li kienu jinstabu l-istituzzjonijiet ewlenin f’pajjizna f’dak z-zmien. Nsomma minn din s-sekwenza tal-ewwel tmien diskorsi tieghi fil-Parlament f’anqas minn sena mhux biss kont fassalt r-Riforma tal-Gustizzja u Intern, talli wkoll sfortunatament l-atteggjament tal-ministru fil-konfront ta’ dawn l-proposti u ta’ deputat stess, jikkostitwixxi the story of a tragedy foretold – t-telfa fl-elezzjoni MEPs u fl-elezzjoni generali, b’attegjament arroganti bhal dan kienet wahda garantita!

 Aġġornament tal-Onor Franco Debono, MP

Estratt mis-Seduta Nru 105 tat-Tlieta, 28 ta’ April, 2009

ONOR. FRANCO DEBONO:                              Sur President, se nitkellem dwar id-diversi aspetti tal-investigazzjonijiet li jsiru mill-Pulizija għax inħoss li jeżisti lok fejn jistgħu jkunu mtejba. Il-Pulizija f’pajjiż modern kif inhu Malta għandha r-rwol, il-funzjoni u d-dover li żżomm u tħares l-ordni pubblika kif ukoll li tinvestiga u tressaq lil dawk il-persuni li jidhrilha u li jkollha suspett raġjonevoli li jkunu wettqu reati. Naħseb li l-Korp tal-Pulizija f’Malta matul l-aħħar snin għamel passi kbar ’il quddiem.  Inħoss li l-Korp tal-pulizija llum akkwista l-kredibbiltà u l-poplu jħares lejn il-Korp tal-Pulizija bħala forza dixxiplinata u serja.

                            Il-poplu jħoss illi jista’ jkollu moħħu mistrieħ li l-Pulizija qiegħda hemmhekk sabiex tipproteġih. Il-poplu Malti llum iħares lejn il-Korp tal-Pulizija bħala organu u bħala entità li jixirqilha tkun fdata biż-żamma tal-ordni f’dan il-pajjiż. Mhux dejjem kien hekk. Sfortunatament niftakru f’episodji fil-passat li forsi tellfu xi ftit mir-reputazzjoni tajba tal-Korp tal-Pulizija. Dawn l-avvenimenti llum ikkonsenjajniehom lill-istorja u kif diġa’ għedt, il-Korp tal-Pulizija llum igawdi r-rispett u l-fiduċja sħiħa tal-poplu kollu kemm hu.

              Mr Speaker, jiena nħoss li fi stat modern għandna nagħmlu kull sforz sabiex il-Korp tal-Pulizija jkun f’pożizzjoni li jwettaq id-doveri tiegħu. Il-fatt li l-Korp tal-Pulizija jkollu riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħu, ikun mgħammar, il-membri tiegħu jkollhom taħriġ u jkunu esposti għall-aħħar żviluppi madwar id-dinja f’dak li hu l-qasam tal-investigazzjoni, iwassal sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-individwu, imma tkun imħarsa wkoll il-bon ordni u l-ordni pubblika. Inħoss għalhekk li hemm bżonn li l-aspett forensiku tal-Pulizija jkun imsaħħaħ. Nemmen illi għandna lok għal ħafna titjib f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett forensiku. Min hu midħla, bħali, minħabba n-natura tax-xogħol tiegħi, fil-mod kif isiru l-investigazzjonijiet mill-Pulizija, jaf li fil-ġurnata tal-lum il-Pulizija madwar id-dinja tistrieħ ħafna fuq l-element ta’ forensika. Biex nagħti eżempju konkret, nista’ nsemmi l-fingerprints li jkunu dak l-element ta’ prova li proprju jgħaqqdu lill-persuna ma’ reat li jkun ġie mwettaq. Id-DNA ukoll tgħaqqad lil persuna partikolari ma’ reat li jkun ġie mwettaq.

                        Jiena naħseb li minn dan l-aspett għandna bżonn nagħtu direzzjoni lill-istruttura u l-mod kif qed jitħaddem l-laboratorju nazzjonali kif inhu llum. Il-laboratorju nazzjonali twaqqaf madwar seba’ snin ilu u llum għandu staff ta’ madwar għaxra min-nies.  Inħoss li huwa understaffed.  Nemmen – dan huwa l-ewwel punt ta’ proposta li nixtieq nagħmel – li l-laboratorju nazzjonali, li jwettaq funzjoni daqshekk importanti, għandu jkun mgħammar b’aktar nies. Hemmhekk hemm nies imħarrġa u dedikati, però nemmen li l-laboratorju huwa understaffed u għandhom isiru sforzi konkreti sabiex ikun hemm aktar staff.

                             Ġejt informat ukoll li se jerġa’ jitbiddel il-post. Forsi f’perspettiva daqsxejn storika nista’ ngħid li xi ftit tas-snin ilu, minħabba każijiet kostituzzjonali li kien hemm, dan il-laboratorju nqata’ minn mal-Korp tal-Pulizija u sar awtorità awtonoma, u allura tbiddel il-post. Jiena informat li l-post fejn illum qed isiru dawn l-eżamijiet ma tantx huwa addattat. Jiena tal-fehma li hemm bżonn li tittieħed deċizjoni u hemm bżonn ta’ direzzjoni sabiex jiġi stabbilit il-post minn fejn se jkun qed jopera.

Ninsab informat ukoll li fil-laboratorju nazzjonali m’hemmx post fejn jinżammu l-esebiti. Hawnhekk qed nitkellmu fuq provi li jkunu sensittivi u li huwa mportanti li jiġu konservati. Aħna firmatarji tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem. Meta wieħed jara dawn id-drittijiet isib li dawn mhumiex qegħdin hemmhekk sabiex jipproteġu lill-ħatjin, sabiex jgħinu lin-nies iwettqu r-reati!  Allaħares kien hekk!  U huwa għalhekk li l-proċedura kriminali tosserva salvagwardji kbar. L-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa proprju li kull bniedem għandu drittijiet minimi li għandhom ikunu mħarsa u ntiżi sabiex ma jiġux kommessi nġustizzji.

Ġieli nisimgħu b’każi fejn persuni – u dawn iqajmu reazzjoni kważi ta’ stmerrija – li minħabba evidenza li forsi tkun misleading jew evidenza li tqarraq jiġu kkundannati bla ħtija. Kieku kelli niġbed prinċipju bażiku u raġuni ewlenija għal dawn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa biex jiġu evitati każi bħal dawn.  Dawn id-drittijiet fundamentali mhux qegħdin hemm biex jipproteġu lil min jagħmel xi reat imma qegħdin hemm biex jassiguraw li jinstab ħati biss min għandu jinstab ħati. Dan huwa r-raġunament, din hija l-funzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali li aħna tant ngħożżu u li huma magħġuna fis-sistema legali tagħna.

                               Mr Speaker, fil-laboratorju nazzjonali ma jeżistux lanqas drying chambers. Dawn huma chambers fejn esibiti, ċerti ħwejjeġ bid-dmija li jkunu qed jiġu analizzati jiġu mnixxfa taħt ambjent kontrollat. Għall-inqas mill-informazzjoni li għandi, jidher li dawn ma jeżistux. Jista’ jagħti l-każ li minħabba dawn iċ-ċirkostanzi jkollok staff li ma jħossx dik ili-motivazzjoni biex jagħti l-kontribut tiegħu f’dawn l-investigazzjonijiet u fil-ħidma u fix-xogħol ordinarju li jwettaq. Huwa importanti ħafna li lil dan l-istaff nimmotivawh. Sentenza reċenti tikkonċerna sentenza li ngħatat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem fl-4 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra.

                             Din kienet dwar Michael Marper – u ċerti minuri – li ismu ma jissemmiex imma jiġi indikat bħala “S”. Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li ż-żamma ta’ kampjuni ta’ DNA ta’ persuni li ma jkunux instabu ħatja kienet tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fl-Ingilterra kellek sistema fejn persuna li kienet tiġi arrestata u forsi lanqas biss titressaq il-qorti kienu jitteħdulha samples tad-DNA li mbagħad jinżammu f’databases. Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li dan ma kienx joħloq bilanċ suffiċjenti bejn id-dritt tas-soċjetà li tipproteġi lilha nnifisha u d-drittijiet privati tal-persuna u allura l-qorti ddeċidiet li dawn ma jistgħux jinżammu u ż-żamma tagħhom ma kienx ġustifikat raġjonevolment f’soċjetà demokratika.

                                     Mr Speaker, għaliex qed ngħid dan kollu? Illum bl-avvanzi li saru fix-xjenza forensika u avvanzi oħrajn l-investigazzjoni tal-pulizija ħadet żvolta differenti minn kif kienet tiġi kondotta għaxra, għoxrin jew tletin sena ilu. Sfortutnatament, ħafna drabi żviluppi li jseħħu f’pajjiżi oħrajn aħna indumu daqsxejn biex nintroduċuhom.  Fid-disa’ snin li ili naħdem ta’ avukat esklussivament fil-kamp kriminali kelli opportunità li ta’ kuljum inħabbat wiċċi ma’ każi kriminali fejn ikunu involuti pulizija, u rrid ngħid li għandi l-pjaċir li ħdimt ma’ uffiċjali prosekuturi u ma’ spetturi tal-pulizija li jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni u b’ħeġġa kbira, motivati ħafna, u jagħtu ħafna mill-ħin tagħhom. Dawn jissagrifikaw anke l-ħin tal-familja tagħhom sabiex jagħmlu xogħol tant tajjeb. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-kummissarju tal-puliizja tax-xogħol tajjeb li jagħmel u tal-mod serju li bih qed imexxi l-Korp.

                                   Huwa veru li dejjem jista’ jkollok każi ta’ individwi fil-Korp tal-Pulizija li forsi jiżbaljaw jew ikollhom xi nuqqasijiet, imma b’mod ġenerali nemmen li l-Korp tal-Pulizija llum għandu ħafna rispett mill-pubbliku inġenerali. Biex inkompli ma’ dak li kont qed ngħid ikollok l-ispettur li l-ewwel jinvestiga l-każ, imbagħad jekk ikollu provi biżżejjed li jħoss li għandu jmur il-qorti, mbagħad fil-qorti jkun uffiċjal prosekutur li jkompli jmexxi. Jiena ngħid li hemm spetturi bravi, spetturi li jagħmlu xogħolhom tajjeb u li jikkonduċu l-investigazzjonijiet b’ħafna dedikazzjoni, u dan bl-għodda limitata li l-Pulizija għandha llum għad-dispożizzjoni tagħha.

                                    Hawn nappella biex inkomplu nżidu l-għodda għad-dispożizzjoni tal-Pulizija biex tkun tista’ twettaq xogħolha aħjar. Per eżempju element li l-Pulizija tuża huwa l-istqarrija. Spettur bravu li jagħmel xogħlu b’dedikazzjoni u li ma jridx joqgħod isaħħan is-siġġu kważi kważi l-istqarrija lanqas jiġi bżonnha, għax tant ikun investiga l-każ tajjeb, tant ikun għamel osservazzjonijiet fit-tul, li lanqas jiġi bżonnn l-istqarrija!

Mr Speaker, kelli opportunità nitkellem fuq dan il-punt tal-istqarrija u d-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni ta’ każ li qiegħed il-qorti li tiegħu jien inzertajt l-avukat difensur. F’dan il-parlament ukoll kont qajjimt dan il-punt tad-dritt tal-avukat li, kif kont għedt diġà, qiegħed fil-liġi għax dan il-parlament kien għadda din il-leġislazzjoni b’mod unanimu iktar minn seba’ snin ilu. Dakinhar fil-parlament jiena ħeġġiġt sabiex din il-leġislazzjoni li diġà tinstab fil-Kodiċi Kriminali tiġi implimentata u tiġi reża effettiva. Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ, imma qed ninkwadra dan kollu għax tisma’ kummenti b’mod ġenerali li huma misleading u li ma jagħmlux sens. L-ewwel nett dan huwa dritt li jeżisti fid-dinja kollha, jiġifieri ma noqogħdux insemmu Hollywood u mhux Hollywood u ‘l hemm u ‘l hawn! Jiena ngħid ejja nirrispettaw il-poplu. Fuq kollox, jiena diġà għedt li spettur tal-pulizija dedikat li jagħmel xogħlu sew lanqas jiġi bżonnha l-istqarrija. Ninkwieta nara każi li forsi bi ftit iktar attenzjoni jkunu setgħu ġew evitati.

Mr Speaker, jiena faħħart ix-xogħol tajjeb li jagħmlu l-membri tal-Korp tal-Pulizija u ma nistax ma nfaħħarx ukoll ix-xogħol kbir li jagħmel u jwettaq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Nemmen li hemmhekk ukoll hemm bżonn inkomplu nagħtu input. Irridu nkomplu nżidu l-istaff fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u wieħed jirrealizza dan meta jara l-varjetà kbira u l-ammont ta’ xogħol li jgħaddi minn taħt idejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Minkejja li, kif diġà għedt, dan l-uffiċċju kompla ngħata spinta u jwettaq ħafna xogħol tajjeb, però nemmen li għandna nkomplu nagħtuh spinta iktar.

Mr Speaker, xi xhur ilu kelli opportunità ukoll li f’dan il-parlament inqajjem punt dwar id-distinzjoni li għandu jkun hemm bejn maġistrat ġudikanti u maġistrat inkwirenti. Nemmen li s-sistema tagħna għandha bżonn bidla radikali. Irridu niddeċiedu x’sistema se nużaw, jekk hux se tkun sistema bbażata fuq dik Ingliża jew fuq is-sistema Taljana. Bis-sistema tagħna llum għandek l-istess maġistrat li jiġġudika l-kawżi, però mbagħad ukoll ikun jagħmel l-inkjesti u xogħol tista’ tgħid ta’ investigazzjoni. Nemmen li ż-żewġ rwoli għandhom ikunu diviżi. Inħoss li għandu jkollok ammont ta’ maġistrati li jwettqu l-inkjesti u mbagħad ikollok numru ta’ maġistrati oħra li jkollhom l-inkarigu li  jisimgħu l-provi u jiddeċiedu u jaqtgħu l-kawżi.

Ladarba qed insemmi dan l-aspett nixtieq nagħmel żewġ suġġerimenti oħrajn.  L-ewwel nett naħseb li llum diffiċli tara tapes minn dawk li konna naraw meta jiena kont għadni daqsxejn iżgħar. Illum fl-2009 fil-qrati tal-ġustizzja għandna sistema fejn għadna niġru bit-tapes. Illum is-seduti, l-udjenzi, ix-xhieda jiġu rrekordjati fuq tapes. Kważi kważi lanqas għadek tara minnhom dawn it-tapes għax illum CDs jintużaw! Illum it-teknoloġija avvanzat u nemmen li biex il-maġistrati u l-imħallfin ikollhom l-aħjar teknoloġija għad-disposizzjoni tagħhom – ma naħsibx li għandha tkun xi ħaġa ta’ barra minn hawn din – għandna nibdlu din is-sistema wkoll għal sistema iktar avvanzata. Din m’hemmx għalfejn tkun xi sistema sofistikata, xi state of the art, imma għall-inqas tkun aħjar milli hi llum bis-sistema tat-tapes.

Ħaġa oħra li ninnota u nemmen li għandu jsir xi ħaġa dwarha hija l-fatt illi llum il-bini tal-qorti kiber. Meta titkellem ma’ avukati anzjani jgħidulek illi l-qorti bażikament kien kuridur, jiġifieri l-awli kollha kienu jokkupaw kuridur. Dak iż-żmien kien joħroġ xi ħadd fil-bieb tal-awla u jsejjaħ l-isem ta’ xi ħadd tliet darbiet u din is-sejħa kienet tinstema’. Is-sistema li joħroġ xi ħadd jgħajjatlek fil-bieb tal-awla tliet darbiet illum ma tagħmilx sens. Per eżempju l-qorti tal-familja huwa bini separat mill-bini tal-qorti prinċipali, u ħadd ma jista’ jippretendi li minn hemmhekk se jinstema’ xi ħadd li joħroġ jgħajjatlek mill-bieb tal-awla. Dan jgħodd kemm għall-avukat kif ukoll għan-nies li jkunu msejħa. Fl-opinjoni tiegħi din is-sistema arkajka u outdated għandna nibdluha mill-aktar fis, u mhux biss għall-avukati jew għall-ispetturi.

Jekk tkun spettur, per eżempju, li tiġi l-qorti b’kawża waħda kollox sew, għax tintefa’ fl-awla u toqgħod tistenna li jgħajtulek, però jekk tkun spettur u jkollok tlieta, erba’ jew ħames kawżi, ikollok toqgħod tiġri minn awla għall-oħra biex tlaħħaq ix-xogħol tiegħek. Bir-rispett kollu, din is-sistema m’għadhiex tagħmel sens u m’għadhiex treġi. Jiena forsi nissuġġerixxi li jkun hemm xi tip ta’ PA system u l-ismijiet jissejħu minn fuqha. B’dan il-mod bniedem ikun jaf li jriduh fit-tali awla jew fl-awla l-oħra.

Nerġa’ ngħid bir-responsabbiltà kollha li s-sistema kif inhi mħaddma llum ma tagħmilx sens, u kemm bħala spettur u kemm bħala avukat ġieli jiġri – u ġieli tkellimt anke ma’ sħabi – li inti tkun qed tagħmel kawża f’awla, ikunu qegħdin jgħajtulek f’awla oħra, u l-maġistrat, forsi għax tkun prova tal-prosekuzzjoni, jaqbad u jipproċedi mingħajrek. B’dan il-mod il-klijent jaħseb li inti forsi ma dhertlux, mentri inti lanqas biss tkun taf li qegħdin jgħajtulek fl-awla l-oħra u tkun qiegħed tagħmel kawżi oħrajn.

Nemmen illi b’daqsxejn aktar sens komun dawn l-affarijiet għandhom jinbidlu għall-ġid ta’ kulħadd. Fl-aħħar mill-aħħar wieħed irid japprezza u jirrealizza li kulmin irid jipparteċipa fis-sistema tal-ġustizzja qiegħed hemmhekk għal għan wieħed, li ssir ġustizzja. Sew jekk inti avukat, sew jekk inti spettur, sew jekk inti maġistrat, l-għan hu wieħed. Li tkun avukat ma jfissirx li int skrivan, li toqgħod hemmhekk qisek babbu! Meta inti tkun fdat bir-responsabbiltà tal-libertà ta’ bniedem trid tagħmel l-almu tiegħek kollu biex tara li dik il-persuna jkollha smigħ xieraq. Li tkun avukat qed tkun fdat minn dik il-persuna li titkellem f’isimha u, nerġa’ ngħid, li tara li ma jsirux inġustizzji ma’ dik il-persuna u tmexxi ‘il quddiem il-każ tagħha biex, kif qed ngħid, naslu għall-ġustizzja.

F’dan il-pajjiż, kif diġa’ għedt, is-sistema tal-ġustizzja għamlet passi kbar ‘il quddiem u l-Korp tal-Pulizija għamel passi ta’ ġgant ‘il quddiem, però għandna fejn nirfinaw, għandna fejn intejbu. Kif tieqaf taqdef, faċli li jġorrok il-kurrent, u nemmen li hemm ċerti interventi li jistgħu jsiru biex jiġi evitat dan. Jiena ħadt gost nisma’ li l-Ministru tal-Ġustizzja nieda l-white paper fuq il-liġi tal-parole, u nieħu gost li se jkolli opportunità li nagħti l-veduti tiegħi dwar din il-liġi, però hemm punti aktar kruċjali, aktar importanti, u hemm miżuri aktar fundamentali li s-sistema tagħna ta’ ġustizzja teħtieġ mill-aktar fis u b’urġenza. Allaħares naslu f’punt f’dan il-pajjiż – u ma nħossx li hu hekk – fejn biex inti tieħu dritt trid toqgħod tispiċċa tiftaħ kawża kostituzzjonali, mbagħad isir appell u tmur quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, imbagħad tispiċċa jkollok tmur Strasbourg!

Allaħares naslu s’hemm! Għandna ngawdu l-istess drittijiet li pajjiżi oħra jgawdu u li popli demokratiċi, moderni, ċivilizzati jgawdu. Illum aħna dħalna fl-Unjoni Ewropea, u nemmen li l-Istat għandu jagħtihulek dan id-dritt. Dritt min-natura tiegħu huwa dritt, u allura nemmen illi allaħares naslu f’sitwazzjoni fejn biex tieħu d-drittijiet ikollok toqgħod tiftaħ il-kawżi. Iktar kmieni jiena semmejt x’inhi l-funzjoni u x’qegħdin jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Dawn mhumiex qegħdin hemmhekk biex jipproteġu l-kriminali, biex jiddefendu r-reati jew biex jgħattu lill-kriminali, imma qegħdin hemmhekk biex jassiguraw li ma jsirux inġustizzji. Dawn huma d-drittijiet fundamentali li jgawdu l-bnedmin. Jekk inti bniedem, għandek dawn id-drittijiet, indipendentement mis-sistemi xi jkunu, għax dawn jitgawdew bħala bnedmin, u għalhekk ngħidulhom drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Grazzi.

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.