29 Nov 2015 Il-Hames Diskors Parlamentari – Ammont kbir ta’ Proposti fil-Gustizzja u Intern – Novembru 2008
Wiehed ma jistax jifhem dak li gara fis-sena 2012 fil-Parlament u r-Riformi li qed jigu implimentati llum, jekk ma jkunx jaf b’dawn d-diskorsi li huma propju l-ewwel sejhiet konkreti fil-Parlament Malti ghal Riforma Holistika fil-Gustizzja. Wiehed ma jistax jifhem kif akkumulat l-frsutrazzjoni matul s-snin fi hdan l-grupp Parlamentari Nazzjonalista fil-Hdax l-Legislatura, jekk ma japprezzax li dawn l-proposti li mhux biss kellu jkun l-Ministru koncernat li jipproponihom, izda talli anke meta gew proposti minni baqghu ma gewx implimentati.
Is-sena hija 2008. Mimli energija biex nahdem fi hdan il-Partit Nazzjonalista u naghti sehmi fil-Parlament. Leali lejn l-Partit u t-tmexxija b’mod assolut. Kont ghad ilni fil-Parlament biss ftit xhur. Kien ghad baqa’ madwar hames snin qabel xi hadd jghaddilu min-mohhu li jahtar xi Kummissjoni dwar r-Riforma fil-Gustizzja izda dik r-Riforma bdiet tissawwar mhux fl-2013 izda lura fl-2008, hames snin qabel.
Kif jista wkoll wiehed jikkummenta fuq posizzjonijiet li hadt jien fil-Parlament fis-snin ta’ wara, u grajjiet ohra, jekk ma jifhimx s-sekwenza tal-fatti ?Illum kulhadd sar champion tar-Riforma tal-Gustizzja u niehu gost. Pero meta lura fl-2008 bdejt nitkellem dwar dawn s-suggeti – hatriet tal-gudikanti, riforma fil-guri u l-gurati, diskrezzjoni tal-Avukat Generali, avukat tal-Ghajnuna Legali, drug court u hafna riformi ohra – mhux talli hadd ma kien jaghti kaz, talli kont qisek qed titkellem fuq xi haga astratta, kwazi surreali.
L-Istorja ta’ poplu mhux biss wahda mill-elementi ta’ ghaqda nazzjonali izda huwa essenzjali li poplu jkun jaf l-verita’ dwar l-Istorja tieghu. U jekk hu importanti nkunu nafu l-verita’ dwar zmien l-Kavallieri u zmien l-Francizi, kemm hu aktar importanti nkunu nafu dawr l-Passat hafna aktar ricenti u dwar dak li qed jigri llum.
R-Riforma tal-Gustizzja ma bdietx mar-Rapport Bonello izda hafna snin qabel. U dan hu dak li se jitnizzel fil-kotba tal-Istorja. R-Rapport Bonello gabar dawk l-hafna proposti li kien ilhom isiru ghal snin fil-Parlament u jekk dan ma jigix rikonoxxut inkunu qed ninsultaw mhux biss l-intelligenza ta’ ppoplu shih izda wkoll nqarrqu bil-poplu taghna u bina nfusna. Ftit hem ingustizzja akbar milli poplu jaghzel li bi traskuragni jkun hu stess li jqarraq bih innifsu.
Ovvjament ghalija ma taghmel ebda differenza ghax dawn d-diskorsi jinsabu registrati ghal dejjem fil-Parlament pero’ huwa importanti ghal kull poplu, kull nazzjon li jghid il-verita lilu nnifsu, bla qerq u bla tghawwig
Is-sena kienet l-2008 . . . . . .fil-Parlament Malti. . . . . hames snin qabel r-Rapport Bonello. . .L-Legislatrua kienet ghadha fil-bidu taghha u kelli tama kbira li dawn l-proposti jitwettqu. Wahda mill-aktar affarijiet importanti f’kull demokrazija hija li Poplu jghid l-verita’ lilu nnifsu.
Voti tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern
Seduta numru 56 18 ta’ Novembru 2008 Onorevoli Franco Debono
ONOR. FRANCO DEBONO: Sur President, ħadt gost nisma’ d-diskors tal-Onor. Herrera u qabel ma ngħaddi għad-diskors tiegħi, xtaqt nagħmel xi osservazzjonijiet u kummenti dwar dak li ntqal minnu. Kien hemm punti fejn qbilt miegħu u punti oħrajn fejn ma qbiltx kemm fil-prinċipju kif ukoll f’ċertu dettall.
L-Onor. Herrera semma forom alternattivi ta’ dispute resolution u jekk fhimtu tajjeb qabel li għandu jkun hawn forom oħra fejn jiġu resolved disputi bejn individwi, jiġifieri apparti mis-sistema ġudizzjarja tal-qrati. Nemmen li dan huwa żvilupp pożittiv. Illum għandna sistema stabbilita ta’ medjazzjoni biex min ikun irid, ikun jista’ jsib soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ftehim li jkun hemm mingħajr ma joqgħod jirrikorri għal formalitajiet stretti tal-qorti. Issemmiet ukoll il-kwestjoni tas-seniority u naqbel mal-Onor. Herrera meta qal li din m’għandhiex tkun kriterju esklussiv, però lanqas għandha tiġi skartata b’mod komplet.
Issemmiet l-età tal-irtirar tal-ġudikanti. Meta persuna tkun ilha f’ċerta kariga, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se takkumula esperjenza. Allura wieħed irid jikkonsidra jekk huwiex għaqli li dik il-persuna tkompli tagħti s-servizz tagħha lill-istat anke jekk ikollha aktar minn 65 sena. Wieħed irid joqgħod attent ukoll l-età ta’ meta jingħataw ċerti karigi għax huwa importanti li qabel ma tinħatar persuna f’ċerta kariga, bħal dik ta’ maġistrat u ta’ mħallef, per eżempju, ikollha mhux biss il-kapaċitajiet akkademiċi, imma tkun laħqet ukoll il-grad ta’ maturità li jagħmluha addatta biex tokkupa kariga ta’ responsabbiltà daqshekk kbira.
Għax kif qal l-Onor. Herrera, lil din il-persuna tkun qed tagħtiha l-poter li tieħu deċiżjonijiet illi jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu tagħna. Għaldaqstant nemmen li meta niġu biex nagħtu dawn it-tip ta’ karigi m’għandniex inħarsu biss lejn l-età tal-irtirar – mhux qed ngħid li għandu jkun hemm xi età partikolari stabbilita fil-liġi – imma għandna naraw ukoll li dan l-aspett jiġi rispettat.
Issemmiet il-kariga ta’ prim imħallef. Nemmen li l-indipendenza tal-ġudikatura hija waħda mid-dutrini fundamentali li fuqha hija bbażata s-sistema legali tagħna, u din għandha tiġi rispettata. M’iniex qed nirriferi għall-persuna li llum qed tokkupa din il-kariga għax nemmen li hija waħda mill-aktar persuni serji u abbli li qatt okkupaw din il-kariga. Nemmen li qed insaħħu din l-indipendenza billi l-prim imħallef ikollu l-poter li jassenja d-drittijiet tal-maġistrati. Li wieħed irid jara hu li ħadd ma jabbuża minn dawn il-poteri.
Dawn il-poteri fihom infushom huma tajbin. Huwa tajjeb li ma jkunx hemm indħil mill-eżekuttiv fil-ġudikatura u dawn il-poteri ta’ assenjazzjoni tad-doveri tal-ġudikanti jitħallew esklużivament f’idejn il-ġudikatura nnfisha, però jekk hemm bżonn għandu jinħoloq mekkaniżmu biex jara li ħadd ma jabbuża minn dawn il-poteri.
Niġi għall-frustrazzjoni ta’ ċerti ġudikanti. Nemmen li meta maġistrat ikun ilu jaqdi l-funzjonijiet tiegħu b’ċerta serjetà u abilità, dan m’għandux jinqabeż f’każ li jkunu se jiġu maħtura mħallfin ġodda. Issemmiet ukoll il-kwestjoni tal-għajnuna legali. Jien niftakar li kien hemm żmien meta l-avukati kollha setgħu jinħatru bħala avukati tal-għajnuna legali. Allura l-avukati kienu jippruvaw imorru l-qorti u jagħmlu l-almu tagħhom biex jibdew jagħmlu xi ftit xogħol. Fil-fatt anke l-istess maġistrati kienu jqabduhom jagħmlu xogħol ta’ għajnuna legali meta jarawhom se jibdew il-karriera tagħhom bħala avukati. Kif ġejt biex insir avukat jien, din is-sistema spiċċat u allura jien kont żvantaġġjat ulterjorment. Però wieħed irid jifhem ukoll il-perspettiva storika għax dik is-sistema kienet ġiet imneħħija u ġiet introdotta sistema ġdida.
Dak iż-żmien kont għadni nibda u meta kont immur il-qorti kont nitgħallem ħafna mill-avukati li kien hemm qabli, inkluż l-Onor. Herrera, li minn hawnhekk insellmilhom u nirringrazzjahom. Però kif kont qed ngħid, is-sistema tal-għajnuna legali kif kienet dak iż-żmien kienet ġiet mibdula mill-Ministru Austin Gatt. Jien ningħaqad mal-kollega tiegħi biex minn hawnhekk infaħħru għax għamel riformi importanti ħafna f’dik li hija amministrazzjoni tal-ġustizzja, però din kienet qed tiġi abbużata. Naħseb li l-Onor. Herrera jiftakar dak iż-żmien meta kien isir ċertu abbuż u allura kien tajjeb li sar xi ħaġa biex dan jitwaqqaf. Jiena nemmen li issa reġà wasal iż-żmien li naraw huwiex il-każ li nirrevedu l-pożizzjoni tagħna f’dak li jikkonċerna l-avukat tal-għajnuna legali.
Issemmew ukoll l-inkjesti. Jien se mmur pass oltrè minn hekk. Diġà kelli l-opportunità li f’dan il-parlament għal darba, darbtejn, nitkellem dwar il-ħsieb illi maġistrat li jkun inkwerenti ma jilbisx il-kappell ukoll tal-maġistrat li jkun ġudikanti. Ladarba inti tkun qed tagħmel inkjesta u tkun qed taqdi funzjonijiet investigattivi spalla ma’ spalla mal-awtoritajiet tal-pulizija nemmen li wasal iż-żmien li nibdew neżaminaw u anke noħolqu dibattitu biex nistudjaw il-possibbiltà li jkollok numru ta’ maġistrati li jkollhom il-funzjoni investigattiva u l-funzjoni inkwerenti. L-Italja għandhom saħanistra il-Giudice della Libertà li jiddeċiedi dwar il-bail.
Nemmen li mbagħad għandu jkollna maġistrati oħrajn li l-funzjoni tagħhom tkun dik li jiġġudikaw. Għax jista’ jkollok maġistrat li se jagħti sentenza fuq individwu u mbagħad fl-istess ħin, meta dan suppost huwa indipendenti u imparzjali miż-żewġ partijiet, mill-prosekuzzjoni u mid-difiża, forsi jkun qiegħed jikkonduċi xi inkjesta mal-pulizija fuq l-istess persuna.
Jiena nemmen li fl-istadju li fiha waslet is-sistema ġudizzjarja tagħna hemm bżonn li nibdew niddiskutu li l-maġistrat jew ikun ġudikanti jew ikun inkwerenti. Għax nafu li hemm ċertu backlog u li skont l-istatistika ċerti maġistrati huma mgħobbijin b’numru ta’ inkjesti. Hawnhekk irrid nirriferi għall-kliem tal-prim imħallef fil-ftuħ tas-sena forensi – għax meta nkun nista’ nattendi għall-ftuħ tas-sena forensi nisma’ b’attenzjoni kbira d-diskorsi li jsiru – meta qal li jekk inhu possibbli f’pajjiżna għandna nżidu l-ġudikanti biex ix-xogħol iseħħ, u semma diversi pajjiżi li għamlu dan, fosthom Ċipru li mhuwiex daqstant pajjiż kbir. Jien li qattajt l-aħħar disa’ snin ta’ ħajti fil-bini tal-qorti nfaħħar l-isforzi tal-ġudikanti li hemm preżenti llum illi bir-riżorsi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom – ta’ dan infaħħar ukoll l-isforzi tal-Ministru Austin Gatt, tal-Viċi Prim Ministru Tonio Borg kif ukoll tal-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici – għamlu ħafna xogħol f’dan il-qasam biex stajna navvanzaw daqshekk ’il quddiem.
Il-kollega tiegħi l-Onor. Herrera semma wkoll l-esperti, u nemmen li wasal ukoll iż-żmien li jkollna esperti ex parte. Kif qiegħda s-sistema llum, l-esperti jinħatru biss mill-qorti. M’għandniex sistema fejn parti fil-kawża tista’ ġġib l-espert tagħha hi. Nemmen li llum wasal iż-żmien li din nibdew nikkonsidrawha u forsi wieħed għandu, frott tad-diskussjoni, jifformola l-aħjar sistema bil-għan li possibbilment din is-sistema tiġi introdotta. Issemma wkoll l-uffiċċju tal-avukat ġenerali. Kien hemm verament xi avukati li telqu mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali u nemmen li dawn kienu ta’ ċertu valur, għax nafhom kif jafhom il-kollega tiegħi.
Però nemmen ukoll li l-avukat ġenerali llum irrekluta team li qiegħed jitħarreġ tajjeb għax dan l-uffiċċju għandu ħafna pressjonijiet u huwa mgħobbi b’ħafna xogħol. Nemmen ukoll, mingħajr retorika, li bir-riżorsi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, inklużi r-riżorsi umani, jagħmel ħafna xogħol. Naturalment anke jiena bħala difensur ġieli ma naqbilx mal-avukat ġenerali dwar ċerti deċiżjonijiet, però naħseb li bir-riżorsi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu u d-diversi mansjonijiet li jaqgħu taħtu, għandna nkomplu nsaħħuh. Jiena informat li riċentement kien hemm reklutaġġ ta’ diversi avukati ġodda u naturalment wieħed irid jagħtihom ftit żmien sakemm dawn jambjentaw ruħhom, pero’ naħseb li f’dan il-qasam mexjin lejn id-direzzjoni t-tajba.
Naqbel fuq punt żgħir. Wieħed mill-aspetti fejn tidħol id-diskrezzjoni f’sistema ta’ demokrazija tavvanza, fejn kemm jista’ jkun trid titnaqqas id-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u kulmin jieħu deċiżjoni, huwa li wieħed jagħti raġunijiet għaliha. Nemmen li wasal iż-żmien li dwar il-liġi tad-droga għandu jsir daqsxejn ta’ fine tuning. Naf li ħadt ħafna mill-ħin li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi biex inwieġeb ħafna mill-punti interessantissimi illi qajjem il-kollega tiegħi, però dwar il-liġi tad-droga xtaqt ngħid xi ħaġa żgħira. Fejn insibu li l-avukat ġenerali għandu diskrezzjoni – jien nemmen li din tiġi eżerċitata b’responsabbiltà – illi jista’ jibgħat fuq jew jibgħat isfel, id-differenza hija biss waħda drastika u kbira fil-piena.
Nemmen li wieħed għandu jibda jikkonsidra, kif għandhom fl-Ingilterra, li din id-diskrezzjoni tibqa’ f’idejn l-avukat ġenerali, imma fl-istess ħin dan jagħti r-raġunijiet għaliex qed jagħmel hekk. B’hekk ikun hemm stabbilita wkoll ċerta uniformità li l-prinċipju u r-rekwiżit tagħhom hija waħda mill-elementi li tagħmel sistema ta’ ġustizzja aċċettabbli, avvanzata u fl-aħjar interess tas-soċjetà u tad-demokrazija. Ħallli niġi għall-kwestjoni tal-appelli min-naħa tal-avukat ġenerali. Huwa veru, riċentement żdiedu l-appelli min-naħa tal-avukat ġenerali għax twessgħu wkoll il-grounds li fuqhom seta’ jappella. Forsi sakemm kien hemm dak il-perijodu ta’ tranżizzjoni u sakemm wieħed ġie fuq saqajh seta’ kien hemm xi problemi, però naħseb li llum is-sitwazzjoni stabbilizzat ruħha. Kien hemm ukoll intervent mill-prim imħallef fejn qal li hawn dritt ġdid u naħseb li llum nħoloq ukoll bilanċ.
Issemmiet il-kwestjoni tal-inizjattiva li jkollna l-professjoni tagħna, li l-Onor. Herrera fissirha bħala inizjattiva pożittiva, li għalija hija l-isbaħ professjoni u hija wkoll arti u allura tajjeb li tkun ukoll regolata. Hemm punti fejn naqbel u hemm punti fejn ma naqbilx. Ma rridux ninsew li għad m’hemm xejn definit u li dan huwa dokument li jistimola d-diskussjoni. B’mod ġenerali nemmen – mingħajr ma nidħol f’ċertu dettall fuq il-punti partikolari – li hija xi ħaġa pożittiva li jkollok il-kamra tal-avukati li qed tistimola din id-diskussjoni. Ċertament mhuwiex desiderabbli li professjoni ta’ avukat tibqa’ b’ċerti aspetti li lanqas biss ikunu regolati mil-liġi u għaldaqstant huwa importanti li jsir dan l-intervent. Dawk kienu il-punti li xtaqt inwieġeb lill-kollega tiegħi.
Sur President, tiskanta kif jinbidlu ż-żmenijiet. Tosta’ tgħid li 20 sena fil-ħajja ta’ pajjiż huma tebqa t’għajn. Fl-istorja ta’ poplu 20 sena mhumiex xi perijodu twil. Fl-1987, is-slogan elettorali tal-Partit Nazzjonalista kien “Xogħol, Ġustizzja u Libertà”. Naraw li minn tliet elementi, tnejn kienu jikkonċernaw il-ġustizzja u l-libertà. Għaliex? Għax dawk kienu l-affarijiet li kienu jinkwetaw lill-poplu tagħna dak iż-żmien. Għall-grazzja t’Alla llum, bil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista fil-gvern u bil-koperazzjoni ta’ kulħadd, anke tal-Partit Laburista meta għal perijodu qasir kien fil-gvern, dawn l-aspetti bażiċi illi fuqhom hija bbażata s-soċjetà tfajniehom warajna u mxejna ‘l quddiem. Fil-fatt is-slogan tal-aħħar elezzjoni kien “Xogħol, Edukazzjoni, Ambjent”. Għaliex? Għax illum għandna l-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħna qegħdin fuq pedament sod.
Illum il-poplu tagħna għandu rasu mistrieħa mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji għalkemm rridu noqogħdu attenti li nkomplu nsostnu dawn l-istituzzjonijiet ġudizzjarji. Illum għandna d-drittijiet ċivili li huma protetti mil-liġijiet. Fil-fatt waħda mill-ewwel liġijiet li kien daħħal gvern Nazzjonalista dak iż-żmien kienet il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamental tal-Bniedem. Però rridu noqogħdu attenti li f’qasam tant sensittiv, f’qasam tant delikat, li jikkonċerna d-drittijiet tal-individwu u l-libertajiet ċivili tiegħu nkunu dejjem mhux biss b’saqajna mal-art imma saħansitra fuq ponot subgħajna biex naraw illi s-sitwazzjoni ma taħrabilniex minn taħt il-kontroll.
Filwaqt li qabel kellna qorti żgħir illum il-ġurnata qed ngħixu realtà fejn għandek l-awli tal-maġistrati, għandek il-qorti taċ-ċivil u għandek il-qorti tal-famija li b’deċiżjoni għaqlija ferm jinsab f’bini separat mill-qorti. U hawn infaħħar l-isforz li kien għamel il-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici biex fejn għandek kwestjonijiet familjari, dawn jinstemgħu f’bini separat. Barra minn hekk imbagħad għandek ukoll arbitraġġi, medjazzjonijiet u impenji fit-tribunali lokali biex ma nsemmux ix-xogħol ta’ natura ġudizzjarja. Jiġifieri l-attività ġudizzjarja llum qiegħda mifruxa fuq diversi oqsma.
Fil-qosor xtaqt insemmi min huma l-partijiet ewlenin li japparteċipaw fil-proċess ġudizzjarju għax huwa importanti li naraw li kull wieħed minn dawn jaqdi l-funzjonijiet tiegħu b’responsabbiltà għax kull wieħed għandu l-importanza tiegħu. Hawn mhux qed nirriferi għall-ġudikant biss. Għax għalkemm tista’ tgħid li l-ġudikanti jaqdu l-iktar funzjonijiet importanti, għax fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjonijiet huma jeħduhom, dawn ma jiġġudikawx f’vacuum. It-tħaddim tal-istrutturi ġudizzjarji jiddependi wkoll mis-serjetà tal-avukati, mill-effiċjenza amminstrattiva taċ-ċivil u mill-kompetenza tal-assistenti ġudizzjarji li jaħdmu fil-qrib mal-ġudikant. Il-kamp penali jiddependi wkoll mill-uffiċjali investigattivi u dawk prosekuturi tal-korp tal-pulizija jew tal-avukat ġenerali. Dawn huma l-atturi ewlenin fil-qasam tal-ġustizzja. Kull kategorija għandha r-responsabbiltà li taġixxi u tikkomporta ruħha b’mod denju u li jixraq għall-attività tant nobbli li hija l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Wieħed jista’ jsemmi wkoll il-ġurati, per eżempju, l-esperti maħtura mill-qorti, l-interpreti u l-fotografi li jagħtu kontribut importanti u jipparteċipaw fil-proċess ta’ ġuri. Wieħed ma jistax jinsa wkoll is-social workers, il-probation officers, kif ukoll l-uffiċjali korrettivi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Meta nitkellem fuq is-sistema ġudizzjarja inkun qed nirriferi għal dawn il-kategoriji ta’ persuni kollha illi jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Xtaqt insemmi wkoll ix-xhieda, li ħafna drabi jiġu msejħa biex imorru l-qorti.
Għandna naraw – kien hemm anke diversi appelli mill-prim imħallef u rajt ir-rules of court li aċċenna għalihom il-kollega tiegħi li wkoll huma importanti – li kemm jista’ jkun ix-xhieda ma joqogħdux jitilfu ħin. Wieħed irid iqis li dawn jiġu hemmhekk senza interessi u ħafna drabi lanqas ikollhom x’jaqsmu assolutament mal-kawża u allura għandna nittrattawhom b’rispett u li ma jkollhomx għalfejn iqattgħu ħin żejjed fl-edifiċju tal-qorti u li l-esperjenza li jgħaddu minnha ma tkunx kemm jista’ jkun trawmatika.
U issa nerġa’ niġi għall-kategoriji li semmejt wieħed wieħed fil-qosor. Ħalli nibda bl-avukati. Issemma l-att biex jirregola l-avukati, u kif diġà għedt dan huwa pass pożittiv, ta’ min iħeġġu u ta’ min jipparteċipa wkoll fid-diskussjoni. Insemmi wkoll il-kors tal-liġi. Meta kont student tal-liġi jien, li m’ilux snin twal ħafna, kienu stabbiliti l-credits li wieħed kien irid jieħu. Illum fl-ewwel tliet snin tal-kors għandek il-parti ġenerali, u nemmen li kull avukat għandu jkun midħla ta’ ċerti kunċetti legali u ġenerali, imma mbagħad fit-tieni tliet snin, inti tista’ tagħżel il-credits li trid, dawk l-aktar li jogħġbuk. Jien nemmen bis-sħiħ li fid-dinja tal-lum huwa importanti li jkollok speċjalizzazzjoni. Għaldaqstant nemmen li fit-tieni parti tal-kors tal-liġi, inti tista’ tispeċjalizza f’dawk il-credits li jkunu l-aktar jogħġbuk u fil-qasam li jkun beħsiebek taħdem fih.
Issemmew id-diversi partijiet li pparteċipaw fil-proċess ġudizzjarju. Nemmen li l-proċess ġudizzjarju ma jistax ikun seren u ma jistax jilħaq l-għan tiegħu, li ssir ġustizzja, jekk il-partijiet kollha involuti ma jirrispettawx lil xulxin. U allura l-avukat irid jirrispetta lill-maġistrat, pero’ mill-banda l-oħra, kif hemm miktub ukoll fir-regola 4 tal-kodiċi ta’ etika tal-ġudikanti, il-ġudikanti għandhom jaqdu d-doveri ġudizzjarji tagħhom b’dinjità, b’korteżija u b’umanità. Irid ikun hemm ukoll ripsett lejn il-pulizija.
Il-president tal-kamra tal-avukati f’diskors li għamel kien qal li nistenna illi l-membri tal-korp tal-pulizija juru ċertu rispett ukoll lejn l-avukati. Allura l-avukati għandhom juru rispett lejn il-korp tal-pulizija. Sfortunatament ikolli ngħid li ġieli tidħol f’awla fejn ikollok spettur tal-pulizija li qed jitlob id-differimenti lill-maġistrat meta għandek ruxxmata avukati qegħdin jistennew u jkunu qegħdin isejħulhom f’awli oħra. Bi ftit prattiċità, bi ftit sens komun u b’rispett bejn il-partijiet kollha involuti nemmen illi nistgħu nimxu ‘l quddiem.
Fis-sistema tagħna, fil-qorti t’isfel, quddiem il-maġistrati huma l-pulizija li jmexxu mhux biss l-investigazzjoni qabel titressaq persuna, imma minn uffiċjal investigattiv ikun l-uffiċjali prosekutur. Nemmen li wasal iż-żmien li dawn ikunu assistiti għax filwaqt li ħafna mill-ispetturi – din ma ngħidhiex b’retorika – ikunu ppreparati għall-każ, illum għandna korp tal-pulizija li għandu rispett kbir tal-poplu Malti, kif qal sieħbi l-Onor. Fenech Adami. Għalhekk nemmen li wasal iż-żmien li jkun hemm ukoll xi junior lawyers min-naħa tal-avukat ġenerali illi jgħinu wkoll fil-prosekuzzjoni. U dan fl-aħjar interesss tal-andament tal-proċess ġudizzjarju kollu. Wasal iż-żmien li nibdew nikkonsidraw jekk dan huwiex possibbli li jsir bħalma jsir f’pajjiżi barranin. Għax fl-aħħar mill-aħħar għandek spettur li ma jkunx għadda mill-kors tal-liġi kif ikun għadda wara sitt snin sħaħ avukat u allura nemmen li fl-aħjar interess tal-proċess ġudizzjarju għandna nibdew nikkonsidraw din il-proposta wkoll.
L-indipendenza u l-imparzjalità huma l-ogħla valuri li għandu jkollha qorti. Huma rekwiżiti bażiċi li huma saħansitra l-pilastru illi fuqhom għandha tistrieħ is-sistema ġudizzjarja. Nemmen ukoll, kif diġà għedt, li għandu jiżdied in-numru ta’ ġudikanti. Kellna esperjenza ta’ żewġ imħallfin nisa, apparti maġistrati oħra nisa, li kienet esperjenza tajba li għandha tkun inkoraġġita. Nemmen illi l-ġudikanti għandhom ikomplu wkoll jaġġornaw ruħhom. Nemmen ukoll li fl-għażla tal-ġudikanti għandna nkunu rigorużi. Għaliex qed ngħid hekk? Għax ladarba ġudikant tkun poġġejtu fil-kariga, l-parlament biss jista’ jneħħih. U huwa tajjeb li jkun hekk għax din hija l-iktar istituzzjoni li tirrappreżenta lill-poplu kollu. Allura nemmen li fl-għażla tal-ġudikanti għandna nkunu wkoll rigorużi.
Semmejt ukoll iċ-ċivil u l-amministrazzjoni tal-qorti. Naturalment huwa importanti li l-amministrazzjoni tal-qorti tkun waħda effiċjenti. Mill-esperjenza li kelli tul is-snin, nista’ ngħid li fil-qrati tagħna teżisti amministrazzjoni effiċjentissima, ovvjament dejjem hemm x’wieħed jista’ jtejjeb, però hemm nies kompetenti fix-xogħol tagħhom. Hemm nies li jieħdu interess u hemm ħaddiema li they go out of their way biex jaqdu lilna l-avukati, li l-ħin kollu jkollna x’naqsmu magħhom.
Hemm il-ħsieb ukoll – din semmieha wkoll il-prim imħallef f’wieħed mid-diskorsi tiegħu – li jkun hemm a childcare centre biex dawk in-nisa li jaħdmu l-qorti ma jkollhomx għalfejn jitilqu wara li jkollhom it-tfal. Wieħed irid iqis li dawn il-persuni jkunu akkumulaw ammont ta’ esperjenza ġewwa l-qrati tagħna u allura tkun sfortuna u telf għall-amministrazzjoni tal-qorti jekk dawn il-ħaddiema jkollhom jieqfu milli jagħtu s-servizz tagħhom. Fejn jidħol ġbir ta’ multi, filwaqt li qabel meta persuna kienet teħel multa kienet qisha ma weħlet xejn għax dik il-multa lanqas biss kienet tinġabar, illum pajjiżna huwa regolat bil-liġi li jekk xi ħadd jeħel multa, din trid tinġabar. Fil-fatt, minn ftit ta’ snin ’il hawn – ta’ dan infaħħar l-isforzi tal-Ministru Mifsud Bonnici – dawn il-flus qegħdin jinġabru.
Gurati
Nixtieq insemmi wkoll parti oħra fil-proċess ġudizzjarju, speċjalment fil-kamp penali, fejn għandek il-ġurati. Jien kont għamilt ftit tar-riċerka dwar dan is-suġġett – fil-fatt kien beħsiebni nagħmel aġġornament dwaru u jekk ikolli din l-opportunità, nagħmlu – għax minn żmien għal żmien, speċjalment meta jkun hemm xi ġuri kontroversjali jqum id-dibattitu jekk għandniex nirriformaw is-sistema tal-ġurijiet. Huwa tajjeb li wieħed jiddiskuti din is-sistema. Per eżempju, jekk għandux jidħol l-imħallef mal-ġurati jew jekk għandhomx jitħallew waħedhom, peró li hu żgur hu li dan l-aspett għandna nirriformawh. B’dispjaċir kbir ngħid li l-aspett tal-għażla tal-ġurati qed jiġi traskurat u qatt ma sar – almenu jiena ma smajtx – dibattitu fuqu. L-istadju tal-għażla tal-ġurati huwa anakronistiku.
Nemmen li wasal iż-żmien li neżaminaw u nistudjaw kif qed jaġixxu pajjiżi oħra, fejn si tratta ta’ reġimi legali u kif għandhom jintgħażlu l-ġurati. Nemmen li there must be a radical overhaul tas-sistema. In-nuqqas kbir li għandna huwa li l-liġi preżenti ma tipprovdix għar-rigward l-istadju inizjali tal-għażla tal-ġurija.
Din twassal għal nuqqas ta’ trasparenza tal-lista tal-għażla ta’ persuni u allura tista’ twassal għal nuqqas ta’ imparzjalità. Kull sistema ta’ għażla ta’ ġurati għandu jkollha bħala l-mira prinċipali tagħha l-imparzjlità. U s-sistema tagħna kif qiegħda llum hija approssimattiva għall-aħħar u ċertament li tista’ tagħti lok għall-parzjalità. Barra minn hekk is-sistema tagħna ma tinkorporax il-proċedura li għandha tintuża biex tiġi miġbura l-informazzjoni biex issir il-lista tal-ġurati. Illum nistgħu ninvolvu l-kunsilli lokali, kif isiru f’pajjiżi oħra, biex jiġu kompilati l-listi oriġinali tal-ġurati. Ma xtaqtx nieħu aktar fit-tul fuq dan is-suġġett għax irrid nitkellem fuq affarijiet oħra, però l-punt tiegħi hu li rridu nanalizzaw is-sistema tal-kumpilazzjoni tal-listi tal-ġurati u forsi wasal iż-żmien li din tiġi emendata.
Parole
Semmejt il-probation officers, is-social workers u qegħdin fil-proċess li nibdew niddiskutu l-liġi tal-parole. Dan huwa punt pożittiv ħafna u jiena nħeġġeġ li għandna mill-iktar fis possibbli nagħmlu din id-diskussjoni biex tibda tiġi implimentata din il-liġi. Anke l-media għandha rwol x’taqdi fis-sistema ġudizzjarja. Bħala l-watchdog tas-soċjetà huwa importanti li din kontinwament tinforma lill-pubbliku dwar x’qed jiġri. Bl-intervent ukoll tal-Ministru Austin Gatt għandna sistema fejn is-sentenzi jkunu online bażikament kważi dak il-ħin stess li tingħata u allura x-xogħol tal-ġurnalisti ġie mħaffef f’dak is-sens.
Wieħed jifhem li llum il-proċeduri, speċjalment fil-prim’awla, huma pubbliċi u din ukoll għenet. Xtaqt insemmi wkoll, u nipprova nikkonkludi, id-dritt tal-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni. Meta persuna tkun fi stadju ta’ suspett – din tista’ tkun jiena, inti u kulħadd – la hi kriminali u lanqas ħatja. Is-suspettat huwa dak l-individwu li l-pulizija tkun qed taħseb li seta’ kien involut b’xi mod fit-twettiq ta’ reat. Wasal iż-żmien li nibdew naħsbu biex bħalma jsir f’ħafna pajjiżi oħra ndaħħlu d-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni. Din diġà tinsab fil-kodiċi kriminali imma nemmen li għandha titpoġġa fis-seħħ.
Magistrat Inkwirenti u Gudikanti
Punt ieħor li xtaqt inqajjem huwa dwar il-maġistrat inkwerenti. Dan il-punt diġà qajjimtu f’dan il-parlament u nixtieq li kulħadd jifhem kemm huwa importanti li maġistrat ġudikant u maġistrat inkwirenti huma żewġ rwoli li għandhom jinżammu kemm jista’ jkun separati minn xulxin. Ħalli ngħid xi ħaġa dwar id-dewmien fil-kumpilazzjonijiet u r-rinviji. L-ewwelnett nemmen li meta tara l-istatistika you have to read between the lines.
Għaliex qed ngħid hekk? Għax l-istatistika minnha nnifisha titkellem dwar kemm qata’ dak u kemm qata’ l-ieħor. Però wieħed irid jifhem li meta ġudikant jiġi biex jagħti sentenza huwa tajjeb li jaħseb fit-tul għax dawn huma materji serji. Kultant ikollok akkużat li sakemm il-proċeduri jkunu pendenti – forsi għax jinħatarlu social worker jew probation officer u allura l-każ jieħu fit-tul – il-qorti jkollha ċ-ċans tara kif ikun qed iġib ruħu sakemm jiġi sentenzjat. Dan huwa importanti.
Plea Bargaining
Jiena nemmen li biex inkomplu nirfinaw u ntejbu s-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja għandna nidddiskutu l-plea bargaining quddiem il-maġistrati. Illum għandek sistema fejn jekk il-prosekuzzjoni u d-difiża f’ġurijiet jaqblu fuq il-piena li għandha tingħata jistgħu jiffirmaw dokument – kif jagħmlu l-pajjiżi barranin kollha – li jiġi ppreżentat il-qorti uffiċjalment u l-qorti tista’ jew tagħżel li taċċetta dak il-patteġjament jew inkella tmur biex tisma’ l-ġuri. Sfortunatament din hija limitata għall-kawżi li jinstemgħu fil-qorti ta’ fuq u hemm limbu għal dak li jikkonċerna kawżi quddiem il-maġistrati. Issa kulħadd jaf li l-maġġor parti tal-kawżi jinstemgħu quddiem il-maġistrati.
Allura naħseb li wasal iż-żmien li wieħed jistudja kif dik il-proċedura għandha tiġi applikata b’rigorożità bl-intervent tal-avukat ġenerali biex wieħed ikun ċert li hemm is-salvagwardji kollha. Però nemmen li anke biex inħaffu x-xogħol, għax il-ġustizzja fi żmien raġjonevoli hija waħda mir-rekwiżiti li nippruvaw nħaddnu kemm jista’ jkun, meta għandek spettur jew xi ħadd mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali u d-difiża li qed jaqblu fuq piena…. Ovvjament fl-aħħar mill-aħħar huwa l-ġudikant li jiddeċiedi. Però l-punt tiegħi hu li għandna naraw jekk huwiex il-każ li dik is-sistema li diġà qed tapplika fil-qorti ta’ fuq u qed titħaddem b’serenità għandniex nibdew inħaddmuha wkoll fil-qorti t’isfel.
Qrati Tad-Droga
Irrid insemmi l-liġi tad-droga. Illum il-kawżi tad-droga qed jiġu stradati quddiem żewġ maġistrati biss. Il-Maġistrat Quintano jagħmel xogħol siewi ħafna u nemmen li bl-intervent tas-social workers għandna nirfinaw ukoll dan il-konċett. Sfortunatament ħafna nies li jidħlu f’dan il-vizzju jkollhom problemi soċjali u allura ma tridx sempliċement nissentenzjahom, imma tara wkoll x’kienet il-problema wara dan kollu, għaldaqstant huwa importanti l-konċett ta’ drug court. Jiena nemmen li l-liġijiet tad-droga għandhom jiġu inkorporati fil-kodiċi kriminali imma jekk ma naslux s’hemm, għandna nerġgħu narawhom daqsxejn għax huma liġijiet antiki ħafna.
Illum s-sitwazzjoni f’dan il-qasam evolviet u nbidlet radikalment u allura għandna naqbdu dawn il-liġijiet, b’mod speċjali chapter 31 u chapter 101, biex naraw jekk huwiex il-każ li ninkorporawhom flimkien u nemendawhom, għax ċerti kunċetti huma outdated. Infaħħar l-isforzi li saru biex ġiet emendata l-liġi tad-droga matul is-snin u ovvjament inżammet mal-pass taż-żmien, imma jeħtieġ li f’dan l-istadju namalgamaw dawn iż-żewġ liġijiet.
Sur President, nikkonkludi billi ngħid li għamilna ħafna. Nemmen li minn 20 sena ‘l hawn is-sistema ġudizzjarja tagħna għaddiet minn terremot kbir – naturalment il-ħajja ma bdietx 20 sena ilu, imma aħna għandna tradizzjoni kbira li dejjem ibbażajna ruħna fuq il-liġi kontinentali, kien hemm ukoll input qawwi taħt l-Ingliżi għal dak li jikkonċerna proċeduri – u kienet soda biżżejjed biex irreaġixxiet, u fi ftit snin reġgħet akkwistat ir-rispett tal-poplu kollu. Però għalkemm sar ħafna għandna nibqgħu nkunu viġilanti u b’għajnejna miftuħin beraħ biex naraw kif is-sistema ġudizzjarja tagħna nistgħu nirfinawha, u dan fl-aħjar interess tal-poplu Malti kollu. Grazzi, Sur President
Sorry, the comment form is closed at this time.