29 Nov 2015 Ir-Raba’ Diskors Parlamentari – Vizjoni ghal B’Bugia u Mxlokk – Settembru 2008
L-elezzjoni tal-2008 kienet t-tielet wahda li kkontestajt f’isem l-Partit Nazzjonalista, u fejn gejt elett bhala l-zghar deputat tal-gvern. Kienet l-ewwel elezzjoni li hadt vermaent b’hafna serjeta. L-ewwel elezzjoni li kkontestajt fl-1998 ta’ tlieta u ghoxrin sena kont ghadni student l-Universita ‘ u ksibt 467 vot. Fit-tieni elezzjoni tal-2003 kont iffukat b’ruhi u gismi fuq l-professjoni li bdejt minn xejn stliet snin qabel. Minkejja dan aktar minn rduppjajt l-voti ghal 1130. Fid-distrett l-gganti kienu Louis Galea u Ninu Zammit. L-elezzjoni 2008 ghalija kienet ferm aktar difficli mhux biss ghaliex Helen Damato kienet ddahhlet ukoll fil-kabinett b’mod li ghall-PN kellek distrett, predominantement Laburist, u li filwaqt li normalment itella’ zewg deputati fil-Parlament, issa kien hemm tliet kandidati tad-distrett li kienu membri tal-kabinett. Aghar minn hekk tnehha Hal-Ghaxaq mid-distrett u din kienet daqqa ta’ harta kbira ghac-cansijiet tieghi li nigi elett. Pero’ jien qatt ma qtajt qalbi.
Kien kwazi impossibbli u inimagginabbli li jirnexxielek tigi elett. Dan jispjega ghaliex uhud jista’ jkun ma kkontestawx din l-elezzjoni pero’ b-opportunizmu sfaccat, tfaccaw ftit xhur wara l-elezzjoni jimbuttaw l-kandidatura. Pero’ filwaqt li mad-daqqa t’ghajn kien jidher kwazi impossibbli tigi elett, kif appena bdejt naghmel l-home visits f’Settembru 2007, kien minnufih car li kien hemm ammont kbir hafna ta’ ilmenti fil-konfront tal-Ministri tad-distrett. Jidher li din s-sitwazzjoni kienet qed tirrizulta f’lokalitajiet ohrajn madwar Malta, b’mod li li l-PN hareg bl-ghajta li jrid ucuh godda.
L-izball kbir wara l-elezzjoni 2008 kien li dawk l-ucuh godda ma thallewx jahdmu! Mhux talli hekk talli fil-Hames Distrett min gie elett thalla fuq l-backbench (Ninu Zammit u jien), filwaqt li min baqa’ l-art nghata karigi gholjin, Louis Galea Speaker u helen damato Kummissarju ghat-Tfal. Uhud mil-ilmenti principali li ltqajt maghhom kienu l-istat t’abbandun kwazi totali fiz-zona ta’ B’Bugia u M’Xlokk fejn mhux biss kellek hafna industrija u inkwinament, talli b’ministru tal-infrastruttura u ministru tal-edukazzjoni u sports deputati fid-distrett B’Bugia la kellhom pitch tal-waterpolo li thalla abbandunat u lanqas football pitch. Ovvjament Louis Galea jista kellu handicap ulterjuri meta l-Kap tas-Segretarjat tieghu Charlo Bonnici iddecieda li jikkontesta l-elezzjoni generali hu stess b’mod li kellu ovvjament jiffokafuq l-kampanja tieghu.
U allura mal-ewwel opportunita’li kelli fil-Parlmaent zammejt l-kelma li kont tajt lil kostitwenti li jekk nigi elett jiena nkun l-vuci taghhom fil-Parlament u dan l-Aggornament ftit xhur biss wara li gejt elett kien l-ewwel sforz biex neleva fuq l-agenza nazzjonali l-problem fs-south ta’ Malta, zona li aktra tard jien bdejt nsejhila s-south tas-south. Dan kien l-ewwel diskors minn sensiela fejn ghamilt hilti kollha biex nqajjem kuxjenza dwar zona li kienet ilha abbandunata snin. Dan kollu waqa’ fuq widnejn torox u baqa’ ma sar xejn b’mod li ovvjament kelli nzid s-sejhiet tieghi matul l-kumplament tal-Legislatura meta bdejt nara li l-Partit ma kellu l-ebda intenzjoni jaghti kaz l-karbiet ta’ dawn n-nies. Ir-rizultat kien inevitabbli.
Din t-traskuragni wasslet biex fl-elezzjoni ta’ wara l-P.N. tilef siggu u minflok tnejn tella’ wiehed biss.Uhud mill-ewwel inizjattiva tal-gvern gdid kienu jikkoncernaw propju hafna mizuri li semmejt f’dan d-diskors u ohrajn li ghamilt fis-snin ta’ wara dwar din z-zona. Ghalekk dawn d-diskorsi li ghamilt tmien snin ilu huma rilevanti illum aktar minn qatt qabel.
Aggornament tal-Onorevoli Franco Debono
Estratt mis-Seduta Nru 36 tat-Tlieta, 30 ta’ Settembru, 2008
ONOR. FRANCO DEBONO: Mr Speaker, bħalissa quddiem il-parlament hemm l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Freeport li wieħed jista’ jħares lejh minn diversi angoli, u fil-fatt smajna diversi kelliema janalizzawh minn perspettiva differenti. Hawn irrid ngħid li dan l-abbozz għandu rilevanza partikolari għas-suġġett li se nitkellem dwaru llum fejn se nipprova nwassal f’dan il-Parlament xi ilmenti, suġġerimenti u aspirazzjonijiet li hemm f’parti partikolari tad-distrett illi jiena nirrappreżenta u cioe` l-ħames distrett elettorali.
Mr Speaker, dan l-abbozz proprju jikkonċerna l-lokal ta’ Birżebbuġa, b’mod partikolari dik il-parti magħrufa bħala l-Qajjenza, fejn għal numru ta’ snin kien hemm dawn it-tankijiet tal-gass li kienu ta’ ċertu periklu minħabba l-mod kif żviluppat l-area residenzjali f’dawn l-inħawi. Għandna residenzi li fil-preżent qegħdin appoġġ ma’ appoġġ ma’ l-impjant tal-ħażna tal-gass li issa nstablu sit alternattiv. Ċertament li għar-residenti tal-inħawi tal-Qajjenza kienet aħbar tajba ħafna. Dan juri wkoll kemm il-gvern huwa mpenjat biex fl-inħawi kollha ta’ Malta jwettaq miżuri li jissarrfu f’titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti kollu.
Mr Speaker, jiena nemmen bis-sħiħ li l-politika hija l-aktar strument nobbli sabiex isir il-ġid fil-komunitajiet. Jien tal-fehma wkoll li l-politika hija prinċipalment strument effikaċi biex tissarraf f’titjib fil-kwalità ta’ ħajja. U għalhekk li din l-istituzzjoni, bħal istituzzjonijiet oħra simili f’pajjiżi oħrajn, hija meqjusa u kkonsidrata b’rispett kbir mill-poplu. Nemmen ukoll li d-deputat parlamentari għandu l-funzjoni prinċipali li jkun il-vuċi tad-distrett li huwa jirrappreżenta, u dan anke f’sens kostituzzjonali. Ovvjament dejjem fil-kwadru u fi ħdan il-partit politiku li f’ismu jkun ġie elett, id-deputat jibqagħlu dejjem ir-responsabbiltà ewlenija li jwassal l-ilmenti, is-suġġerimenti, l-aspirazzjonijiet u l-preokkupazzjonijiet tal-kostitwenti tiegħu.
Jiena nħoss li funzjoni ewlenija tad-deputat hija li jpoġġi fuq l-aġenda issues li b’mod partikolari jolqtu lill-kostitwenti tiegħu sabiex dawn l-issues jingħataw l-importanza li tkun tixirqilhom. Deputat irid jara li jekk dawn ikunu problemi jiġu riżolti, u jekk suġġerimenti jiġu possibbilment implimentati anke jekk dak il-membru parlamentari jkun imsejjaħ biex jaqdi dmirijiet fil-kariga ta’ ministru jew segretarju parlamentari. Dak li jkun xorta waħda m’għandux jabbanduna din il-funzjoni u m’għandu qatt jinsa l-obbligu fundamentali tiegħu fil-kuntest, kif diġà għidt, anke kostituzzjonali u fil-kuntest tal-iżvilupp tas-sistema parlamentari kif evolviet matul is-snin, u cioe’ dik il-funzjoni speċifika li jibqa’ jkun il-vuċi tad-distrett li huwa jirrappreżenta.
Mr Speaker, dan qed ngħidu indipendentement mix-xogħol ta’ kostitwenza li d-deputati jiżvolġu fejn jiġu indirizzati ovvjament problemi fuq bażi ndividwali. Li qed nirriferi għalih hawn huwa d-distrett bħala entità ġeografika, bħala kollettività soċjali fejn anke jista’ jkollok, bħalma hu l-każ fid-distrett li nirrappreżenta jien, diversi rħula mifruxa ġeografikament fuq medda ta’ art konsiderevoli. Per eżempju, id-distrett li nirrappreżenta jien ikopri mill-ponta ta’ Delimara sal-Qrendi. Dan ifisser li nħawi partikolari jkollhom potenzjal li għandu jiġi sfruttat b’mod li jkun differenti minn ieħor. Bl-istess mod, inħawi partikolari jkollhom ukoll problemi partikolari li jkunu jeħtieġu soluzzjonijiet varji. U f’dan l-Aġġornament beħsiebni niffoka fuq żona minn dan il-ħames distrett, li fil-fehma umli tiegħi teħtieġ attenzjoni partikolari. Qed nirreferi għal dik iż-żona indikata anke fil-pjan lokali bħala l-bajja ta’ Marsaxlokk li tikkomprendi l-area minn Delimara u tinkludi l-irħula ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa u tista’ tgħid li testendi sa Ħal Far. Inħoss li jeżistu ċerti problemi f’dawn l-inħawi li jeħtieġ jiġu trattati, uħud minnhom possibbilment anke b’urġenza.
Mr Speaker, dan qed ngħidu fil-kuntest li wieħed irid ifakkar li sar ħafna xogħol fis-snin li għaddew minn ministri differenti kif ukoll minn amministrazzjonijiet differenti. Minkejja dan nixtieq li ċerti materji, fosthom issues ambjentali u issues illi jolqtu direttament is-saħħa ta’ residenti ta’ dawn il-lokalitajiet, jitpoġġew fuq l-aġenda u jingħataw ċerta priorità. Kif diġà għidt, sar ħafna xogħol. Nista’ nsemmi b’mod partikolari l-bini mill-ġdid tat-triq ta’ Ħal Far ta’ tul ta’ aktar minn tliet kilometri u t-triq li tgħaqqad il-Freeport sal-junction tal-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far b’investiment ta’ kważi Lm3 miljuni. Din it-triq kienet miżura mportanti għax tgħaqqad il-hub ewlieni tal-merkanzija mal-kumplament tal-pajjiż. Kienet triq li tat rilevanza partikolari lil dawn l-inħawi. Permezz tagħha ġie eliminat, tista’ tgħid kompletament, it-traffiku ta’ vetturi kbar mill-qalba ta’ Birżebbuġa. Insemmi wkoll ċerti elementi f’din it-triq, fosthom il-footpath wiesa’ li jinkoraġġixxi anke mezzi ta’ trasport alternattiv, fosthom l-użu tar-roti.
Ta’ min isemmi wkoll f’din l-area, sempliċement sabiex nagħmel eżempji ta’ ħafna xogħol li sar, li madwar sena ilu ġew inawgurati l-faċilitajiet ta’ hard standing għas-sajjieda f’Marsaxlokk b’investiment ta’ €2 miljuni minn fondi Ewropej li jammontaw għal circa 75% mill-ispiża, bil-kumplament tas-somma li nħarġet mill-gvern. Mijiet ta’ sajjieda, speċjalment dawk b’bastimenti tas-sajd kbar, tellgħu l-opri tal-baħar tagħhom fuq dawn il-faċilitajiet u qed jagħmlu użu minnhom. Qabel ma nbnew dawn il-faċilitajiet kien ikollhom imorru barra mill-pajjiż sabiex isewwu l-opri tal-baħar tagħhom u għaldaqstant qegħdin jiffrankaw il-flus filwaqt illi jkunu qegħdin jagħmlu x-xogħol ta’ tiswijiet u manutenzjoni viċin il-familjari tagħhom. Jiena semmejt żewġ eżempji, pero` fuq dan ċertament irridu nkomplu nibnu. Jeħtieġ li naraw li fejn hemm xi problemi dawn insolvuhom, u jekk hemm xi affarijiet li jistgħu jsiru aħjar, nagħmluhom aħjar. Għandna nkomplu ntejbu fuq it-tajjeb li diġà sar. Pero` issa ħalli niġi għall-isfidi ewlenin illi qed tiffaċċja din iż-żona.
M’hemmx dubju li f’din iż-żona jeżisti element qawwi dejjem jikber ta’ industrijalizzazzjoni. Ċerti entitajiet bħall-freeport huma ta’ rilevanza ekonomika enormi u ċertament li anke r-residenti ta’ dawn l-inħawi dan japprezzawh u huma konxji tiegħu. Pero` wieħed imbagħad irid joħloq bilanċ kemm jista’ jkun ma’ ħtieġijiet u ma’ drittijiet oħrajn tan-nies li jkunu jgħixu fiż-żona. Semmejt il-freeport, u nista’ nsemmi wkoll il-power station. Nista’ nsemmi t-tankijiet tal-gass li qegħdin ikunu trasferiti għal sit li huwa ħafna iktar adattat. Barra dan, għandek ukoll il-ħażniet tal-Enemalta mhux biss tal-gass imma anke tal-fuel. Hemm ukoll il-gas depot magħruf bħala tax-shell, u dawn jinsabu kollha fil-qalba tal-popolazzjoni ta’ Birżebbuġa u ta’ Marsaxlokk.
Il-pjan tal-gvern għal din il-leġislatura m’hemmx dubju li huwa ibbażat fuq il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli b’enfasi partikolari u qawwi fuq l-ambjent. Irridu neżaminaw bir-reqqa jekk dan il-kunċett huwiex applikat jew hux perikolat f’din iż-żona in konsiderazzjoni. Jekk illum f’pajjiżna teżisti kunxjenza ambjentali qawwija u dejjem tikber, din għandna ninkoraġġuha, pero` sfortunatament, filwaqt li għal uħud il-qabża li jmiss hija l-istallazzjoni ta’ panels fotovoltaċi bħala mezz ta’ enerġija alternattiva, oħrajn għadhom preokkupati bil-problemi ta’ dħaħen u emissjonijiet żejda mill-power station, mill-vapuri fil-portijiet, kif ukoll emissjonijiet u tinġis mill-ħażniet tal-fuel li huma ta’ theddida serja mhux biss għall-ambjent iżda, iktar gravi minn hekk, għas-saħħa tar-residenti prinċipalment fil-forma ta’ mard respiratorju jew agħar.
Mr Speaker, jiena nixtieq nara li l-pajjiż kollu jimxi ‘l quddiem bl-istess veloċità lejn il-miri ambjentali. Ma nixtieqx nara setturi jew żoni jaqgħu lura fl-istandards ambjentali fihom infushom, fosthom f’dak li jikkonċerna s-saħħa għax inkella l-iskop kollu jiġi stultifikat. Fuq kollox importanti li ma nittraskurawx fejn għandek speċjalment livelli ta’ emissjonijiet li huma potenzjalment tossiċi. Inħoss, biex niġi għal każi partikolari, li f’din iż-żona tinħass l-urġenza li naħsbu sabiex jiġi wkoll rilokat id-depot tal-fuel amministrat mill-Enemalta. Dan illum jikkostitwixxi periklu kbir għar-raħal u r-residenti ta’ Birżebbuġa. Ċertament ikun ta’ benefiċċju ambjentali, soċjali u mill-aspett ta’ saħħa meta jiġu żmantellati l-istallazzjonijiet, it-tankijiet u l-istrutturi eżistenti, filwaqt li jiġu trattati l-inħawi li possibbilment ikunu kontaminati jew imniġġsa. Eventwalment wieħed imbagħad jibda jaħseb għar-riabilitazzjoni u l-embellishment tas-sit permezz ta’ xi monument kif ukoll possibbilment spazji ta’ rikreazzjoni, inkluż faċilitajiet sportivi li jmorru anke oltre minn dawk tradizzjonali.
Mr Speaker, dan id-depot tal-fuel jinsab proprju quddiem wieħed mill-aktar monumenti mhux biss importanti, iżda wkoll wieħed mill-aktar minsija li għandna f’pajjiżna. Qed niorreferi għall-monument li jfakkar waħda mill-ġrajjiet illi kellha mpatt qawwi fuq l-istorja ġeo-politika tad-dinja, jiġifieri l-laqgħa fil-bajja ta’ Marsaxlokk bejn Bush u Gorbachev li ġabet fi tmiemha, tista’ tgħid, il-gwerra bierda. Ċertament dan il-monument għandu jsib post prominenti fir-rotta turistika tal-inħawi. Dan il-monument għandu jiffigura b’mod prominenti bħala kappa ferm sinifikanti fil-vjaġġ turistiku b’kontenut kulturali u ambjentali li jibda minn Delimara u jibqa’ sejjer sal-panorami spettakolari ta’ Għar Ħasan. Dan il-monument, filwaqt li jingħata iktar prominenza, għandu jiġi akkumpanjat minn xi attrazzjonijiet turistiċi oħra fil-viċin marbuta ma’ l-istess avveniment possibbilment ukoll b’wirjiet permanenti.
Semmejt ir-rotta turistika. Hawnhekk nemmen li din l-area għandha bżonn ċertu upgrading infrastrutturali u se nibda bil-faċilitajiet sportivi. Wieħed mill-akbar ilmenti li niltaqa’ miegħu f’dawn l-inħawi huwa n-nuqqas serju ta’ faċilitajiet sportivi. Nixtieq nirringrazzja lis-segretarju parlamentari Clyde Puli u lil Angelito Sciberras li b’ħafna paċenzja qegħdin isiru laqgħat ma’ diversi għaqdiet sportivi ta’ Birżebbuġa, fosthom il-club tal-football u dak tar-regatta. Anke hawnhekk nixtieq infaħħar u nifraħ lill-club tar-regatta li rebaħ ix-shield tal-kategorija B fl-aħħar regatta. Bħalissa jinsabu għaddejjin dawn il-laqgħat kontinwi sabiex jiġi ndirizzat dan id-deficit. Ma jistax ikun li llum fis-sena 2008 ikollok raħal b’popolazzjoni ta’ madwar 10,000 ruħ u ma jkunx hemm ground tal-football ħlief dak iż-żgħir li hemm fuq ir-ramla.
Hija preokkupazzjoni serja, u dan hu li jinteressahom lin-nies. In-nies ftit li xejn jolqothom min se jkun il-president li jmiss tal-Amerka jew, biex ngħidu hekk, il-president li jmiss ta’ Malta. Lil dan jirrispettawh, ikun min ikun, pero` l-affarijiet li jolqtuhom mill-qrib u l-preokkupazzjoni tan-nies ta’ din iż-żona huwa n-nuqqas ta’ faċilitajiet sportivi. Jeżisti pitch tal-waterpolo li bħalissa mhux qed jiġi wżat, hemm pjanti lesti, ix-xogħol kien se jibda, u issa wieħed jittama li bl-għajnuna li qegħdin jagħtu diversi ministeri dan ikun jista’ jiġi varat. Rigward il-football ukoll hemm sit li diġà ġie identifikat, hemm il-pjanti lesti, u milli jidher anke f’dan il-qasam ix-xogħol miexi u wieħed jispera li ma ndumux ma nibdew naraw anke riżultati fil-konkret li jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom b’mod dirett ir-residenti ta’ dawn iż-żoni u anke tal-irħula tal-madwar.
Semmejt diġà r-rotta turistika u kulturali ta’ dawn l-inħawi. B’daqsxejn upgrading tal-infrastruttura u embellishment nemmen li dawn l-inħawi għandhom potenzjal kulturali u turistiku notevoli. Jekk wieħed jibda miż-żona ta’ Delimara jsib li l-potenzjal huwa immens. F’dan ir-rigward ninsab informat li x-xogħol fuq il-park nazzjonali ppjanat jinsab miexi, u wieħed iħeġġeġ li dan jitkompla ħalli kulħadd ikun jista’ jgawdi dan il-proġett. F’Delimara wieħed jista’ jgawdi l-pajsaġġ u l-panorama spettakolari kif ukoll postijiet ta’ relevanza ekoloġika. Barra minn hekk, ta’ min isemmi f’dan il-kuntest il-proposta elettorali numru 180 li fi Xrob l-Għaġin f’Delimara jitlesta post għar-riabilitazzjoni tal-annimali slavaġ bħal fkieren, għasafar u dniefel. Dan se jsir permezz ta’ fondi min-Norveġja. Jien ninsab ukoll informat li qed isir ix-xogħol fuq dan il-proġett.
F’Delimara jeżistu wkoll tliet fortizzi, fosthom dik ta’ Delimara li sa ftit żmien ilu kienet tintuża bħala razzett tal-majjali. Fortunatament, bl-intervent ta’ Heritage Malta din inkisbet lura u tinsab għaddejja minn restawr. Fortizza oħra hija dik tas-Silġ li llum tintuża mill-Island Sanctuary. Forsi jkun għaqli jekk jinstab sit alternattiv għal din l-għaqda u din tiġi riabilitata. Hemm ukoll fortizza magħrufa bħala ta’ San Pawl li tinstab f’abbandun totali, u nħeġġeġ sabiex isir xogħol ta’ tindif fl-inħawi bħala l-ewwel pass lejn ir-riabilitazzjoni tal-istess sit. Delimara ċertament għandha potenzjal enormi u għandha tiġi żviluppata mhux biss f’attrazzjoni turistika iżda wkoll bħala post ta’ konservazzjoni possibbilment permezz ukoll ta’ afforestazzjoni biex b’hekk jinħoloq bilanċ ambjentali.
Dan qed ngħidu għax permezz ta’ hekk ikun jista’ jitnaqqas ċertu deficit ambjentali maħluq ukoll bil-power station. Importanti li fl-area jkun hemm aspett ta’ rikreazzjoni kif ukoll għandha, fl-opinjoni tiegħi, tintuża l-aktar teknoloġija u l-aktar apparat modern sabiex inżommu ma’ standards Ewropew u sabiex nillimitaw u kemm jista’ jkun nikkontrollaw rigorożament l-emissjonijiet mill-power station li tinstab f’Delimara. F’din ir-rotta, li qed insejħula rotta turistika, imbagħad wieħed isib il-fdalijiet antikissimi Tas-Silġ.
Sfortunatament dawn jinsabu fi stat mhux wisq tajjeb u fl-aħjar ipotesi, il-kondizzjoni ma tixraqx ċertament lis-sit ta’ din ir-rilevanza storika enormi. Dawn huma fdalijiet neolotiċi u feniċi, imbagħad wara r-Rumani bnew l-imqades tagħhom għad-divinitajiet ta’ dak iż-żmien. Riċentement l-inħawi reġgħu għamlu vjaġġ fittizju lura fi żmien meta direttur tal-films ġibed xeni hemmhekk, fil-bajja ta’ Marsaxlokk kif ukoll l-inħawi ta’ Delimara għal film ibbażat fi żmien l-Eġittu. Ċertament jekk hemmhekk isiru skavi, dawn irendu skoperti interessanti u bla dubju hemm bżonn li s-sit jiġi upgraded, tingħalaq it-triq kif ippjanat u l-fdalijiet jiġu preservati f’ambjent li jixraq.
Mr Speaker, jien informat ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jibda l-proġett ukoll tax-xatt ta’ Marsaxlokk. Dan huwa proġett importanti ħafna għax nafu kemm hija frekwentata din iż-żona. Kien hemm xi problemi li ġew sorvolati mill-ministeru konċernat, u llum hija aħbar tajba għan-nies ta’ Marsaxlokk li dan il-proġett se jibda fil-ġimgħat li ġejjin. In-nies ta’ dawn l-inħawi ċertament li jixirqilhom li jkollhom dawn il-faċilitajiet ta’ rikreazzjoni mhux bħala rotta turistika biss, imma speċjalment għar-residenti tal-lokal. Rigward il-Qajjenza, nerġa’ nagħmel riferenza għal dan il-pass kbir li huwa importanti ħafna fir-riabilitazzjoni ta’ din iż-żona, pero` hemm bżonn li jsir ukoll il-proġett tal-promenade li diġà huwa ppjanat u jintuża l-ispazju li hemm faċċata tas-sit magħruf bħala il-Batterija Ferretti li jista’ jiġi żviluppat f’faċilitajiet sportivi jew rikreattivi.
Mr Speaker, f’dawn l-inħawi nsibu wkoll it-torri ta’ San Luċjan, Għar Dalam u Borġ in-Nadur kif ukoll il-bajja ta’ San Ġorġ. Rigward din il-bajja wieħed forsi jissuġġeriha bħala sit indikat biex issir xi tip ta’ marina. Hemmhekk hemm ħafna dgħajjes li naħseb li għandhom jiġu organizzati b’ċertu mod biex isir użu ħafna aħjar mill-ispazju. Il-parti li għamilt ukoll aċċenn għaliha hija dik l-area fejn hemm id-depot tal-fuel u li ċertament wieħed għandu jaħseb issa, kif diġà għidt, li dan jinstablu post alternattiv u aktar adattat. Il-bajja s-sabiħa li hija żviluppata għandha ċerti faċilitajiet utli ħafna u jintużaw ħafna mir-residenti tal-lokal biex wieħed jagħlaq din il-passiġġata fil-viċinanzi tal-lok pittoresk ta’ Għar Ħasan.
Nagħlaq billi nerġa’ ngħid li d-deputat għandu l-obbligu, tista’ tgħid kostituzzjonali, li jkun il-vuċi tal-kostitwenza tiegħu. Nemmen li flimkien għandna nindirizzaw dawn il-problemi u oħrajn li wieħed jista’ jsemmi, fosthom l-istat ħażin ta’ ċerti toroq bħal Triq il-Port Ħieles u Triq ir-Raddiena li ċertament għandhom jiġu ndirizzati. Jiena nħoss li dawn il-miżuri li semmejt se jsibu konfort fl-ispirtu tal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli u ambjentali li dan il-gvern imbarka fuqu u li huwa l-punt fundamentali ta’ din il-leġislatura, u se jkunu implimentati minn dan il-gvern f’din il-leġislatura. Grazzi.
Sorry, the comment form is closed at this time.