28 Nov T-Tielet Diskors Parlamentari – L-ossessjoni tal-Istatistika fil-Qasam tal-Gustizzja – Lulju 2008
Aġġornament tal-Onorevoli Franco Debono, MP
Estratt mis-Seduta Nru 29 tat-Tnejn, 7 ta’ Lulju, 2008
ONOR. FRANCO DEBONO: Mr Speaker, kelli opportunita` f’aġġornament li għamilt riċentement nitkellem dwar aspett fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja li fl-opinjoni tiegħi huwa ta’ ċerta importanza. F’dak l-aġġornament stedint u esprimejt ukoll ix-xewqa li jqum dibattitu li forsi jwassal sabiex anke jsiru xi rtokki fil-Kodiċi Kriminali. Qed nagħmel riferenza partikolari għall-qasam ta’ l-inkjesti maġisterjali.
Mr Speaker, hawnhekk trid issir distinzjoni. Hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu dwar stadju ta’ kumpilazzjoni, jiġifieri fejn ikollok persuna li diġa` ġiet imressqa l-qorti u bdew jittieħdu proċeduri kontra dik il-persuna u beda s-smigħ tal-provi fil-qorti, imma qed nitkellmu dwar l-istadju li l-liġi ssejħilha l-ingenere, jiġifieri l-istadju qabel titressaq persuna l-qorti. Huwa f’dak l-istadju fejn ikunu seħħu ġrajjiet li l-pulizija eżekuttiva tkun irċeviet rapport jew kwerela dwarhom u allura jiġi informat il-maġistrat ta’ l-għassa li skond il-liġi u skond id-dipożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali jiftaħ dik li komunament hija magħrufa bħala inkjesta. Jiena ħassejt li minnufih għandi nagħmel distinzjoni biex inkunu ċari bejn l-istadju hekk magħruf bħala kompilazzjoni u l-istadju magħruf bħala l-inkjesta.
Inħoss li wasal iż-żmien, kif espremejt diġa` ruħi fl-Aġġornament li għamilt riċentement, li wieħed jirrivedi daqsxejn il-mod ta’ kif qiegħda tiġi adoperata s-sistema f’dan il-qasam, fejn għandek il-maġistrat li jkun qiegħed jikkonduċi l-inkjesta li jkun qed jagħmilha ta’ investigatur. Forsi aktar ‘il quddiem jiena nidħol aktar fid-dettall dwar dan, pero` jien tal-fehma li aħna għandna nħarsu lejn mudelli u sistemi oħrajn sabiex naraw kif nistgħu ntejbu s-sistema tagħna. Dan hu l-istadju fejn il-maġistrat inkwerenti jrid jistabbilixxi jekk fatt ikunx jikkostitwixxi reat u jekk hemmx xi persuna li tista’ titressaq il-qorti akkużata b’dak ir-reat.
Mr Speaker, jiena xtaqt nibda billi nagħmel parentesi ta’ ċerta importanza. F’dan il-qasam jeżistu problemi mhux biss ta’ statistika u ta’ figuri. Ħafna drabi f’dak li jikkonċerna l-amminstrazzjoni tal-ġustizzja, jiġifieri fejn wieħed qiegħed jeżerċita ġudizzju u fejn huwa importanti li wieħed jara bilanċ fin bejn l-interessi tal-partijiet kollha involuti, kultant il-figuri u l-istatistika jistgħu jqarrqu. Per eżempju, jaf ikollok ġudikant li jidher li qed jaqta’ ħafna kawżi u ieħor li forsi jkun qiegħed jieħu aktar ħin biex jiddeċiedi. Hawnhekk wieħed irid joqgħod attent, għax dan ma jfissirx li wieħed ikun qed jagħmel xogħlu aħjar mill-ieħor, imma forsi wieħed ikun qiegħed jidħol fid-dettall aktar mill-ieħor.
Jista’ jkollok ġudikant li l-mod ta’ kif jikteb is-sentenzi jkun wieħed li ma jiħux fit-tul, ma jidħolx f’ċertu dettall u mbagħad ikollok ieħor li l-istil tiegħu jkun li jidħol f’ċertu dettall u jikkwotalek ċerta ġurisprudenza. F’dawn iż-żewġ stili m’hemmx wieħed aħjar minn ieħor, imma mbagħad forsi d-differenza bejniethom tiġi riflessa fl-istatistika u fil-figuri. Jien nemmen li f’dak li speċjalment jikkonċerna il-qasam in desamina, il-kejl fundamentali ċertament m’għandux ikun dak tal-figuri u dak ta’ l-istatistika, għalkemm dan ukoll huwa importanti u għandu ċerta rilevanza.
Mr Speaker, f’aġġornament preċedenti jiena ttrattajt il-kwestjoni tal-mod kif jitmexxew l-inkjesti minn aspett ieħor. Bażikament qed ngħid li għandna nħarsu lejn mudelli oħrajn, per eżempju l-mudell Taljan, tal-mod kif jitmexxew dawn l-inkjesti. Jiena mhux qed ngħid li neċessarjament għandna nsegwu l-mudell Taljan, pero` huwa mudell li forsi għandna nieħdu xi ideat minnu. Is-sistema tagħna hija waħda sui generis, hija waħda li nħaddmuha tista’ tgħid aħna biss, pero` s-sistema Taljana tgħaqqad flimkien l-integrita` assoluta u l-imparzjalita` ta’ l-uffiċċju ġudizzjarju ma’ l-abbiltajiet investigattivi u l-esperjenza tal-pulizija. F’din is-sistema Taljana għandek taħlita li tieħu l-aħjar minn żewġ dinjiet. Mill-banda l-oħra, fis-sistema tagħna – u hawnhekk fl-opinjoni tiegħi tinsab il-problema prinċipali – l-maġistrati jiżvolġu rwol ġudikanti u rwol investigattiv fl-istess ħin.
Sa ftit snin ilu kellna sistema fejn il-maġistrat ta’ l-għassa kien jagħmel mhux ġurnata ta’ l-għassa, imma kien jagħmel jumejn ta’ l-għassa, u allura kellek is-sitwazzjoni fejn maġistrat ta’ l-għassa jkun qed jinvestiga każ imbagħad jispiċċa jitressaq ieħor quddiemu. Ċertament f’dawn is-sitwazzjonijiet proprju joħorġu n-nuqqasijiet ta’ din is-sistema. Jien nixtieq li din is-sistema titjieb. Kif diġa` għedt ukoll, is-sistema tal-ġustizzja kriminali tagħna qatt daqs is-snin riċenti m’għaddiet minn taqlib għall-aħjar. Qatt daqs il-passat riċenti m’għaddiet minn daqstant emendi rivoluzzjonarji li ġabuna nżommu l-pass mal-bqija tad-dinja moderna fid-dawl tar-rispett totali lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, pero` ovvjament dejjem jibqa’ xi jsir biex wieħed iżomm mal-pass, għax kif jieqaf, wieħed jispiċċa jmur lura.
Ċertament baqa’ dawn l-irtokki li huma essenzjali, Sur President. Qed ngħid dan għax ma jistax ikollok sistema li titħaddem b’rispett totali lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem jekk ma jkollokx mil-bidu nett, sa mill-istadju ta’ l-inkjesta, sa mill-istadju fejn ikun għad irid jiġi stabbilit jekk il-fatti jikkostitwux reat, fejn l-organi ta’ l-istat li jkunu qegħdin jinvestigaw ma jkunux legalment adattati bis-salvagwardji kollha li huma xierqa. Kif diġa` għedt, fis-sistema Taljana għandek il-pubblico ministero fejn apparti milli jinvestiga, ikun hu wkoll il-prosekutur fil-proċeduri li jsegwu. Jekk kemm-il darba jiġi deċiż li jkun hemm proċeduri, imbagħad il-pubblico ministero jista’ jitlob għal proċeduri speċjali.
Dawn jistgħu jkunu jew il-giudizio abbreviato, jew il-patteggiamento, jew il-giudizio direttissimo sakemm ma jkunx jista’ jitlob li jkun hemm dik li nsejħulha l-archiviazione, fejn jitwaqqa’ l-każ. Fiż-żmenijiet tal-lum ma jistax ikun li jkollok dispożizzjoni li fil-fehma tiegħi tistona mal-bqija tas-sistema legali avvanzata li jħaddan pajjiżna llum fejn maġistrati jiġġudikaw u jinvestigaw. Fuq kollox wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem hu li kulmin ikun akkużat b’reat kriminali ikun ġudikat minn tribunal jew qorti li tkun indipendenti u imparzjali. Biex tkun indipendenti u imparzjali ma jistax ikun li lil dik l-istess qorti nitolbu minnha li waqt li tiġġudika hi tilbes ukoll il-kappell ta’ maġistrat inkwirenti li jinvestiga u jaħdem spalla ma’ spalla mal-pulizija.
Dan apparti milli s-sistema kif inhi llum ukoll tħalli ċerti dubji dwar jekk persuna tistax tmur, per eżempju, tagħmel rapport direttament lill-maġistrat ta’ l-għassa. Kien hemm każi fejn dawn saru, pero` jidher li l-prassi u l-konswetudni hija li jekk persuna tmur tagħmel raport lill-maġistrat ta’ l-għassa din tirreferih lill-pulizija eżekuttiva u b’mod ġenerali tkun l-pulizja eżekuttiva li tirċievi r-rapporti u l-kwereli. Imbagħad min-naħa tagħhom il-pulizija jinformaw lill-maġistrat inkwerenti li f’dawk il-każi kontemplati mill-Kodiċi Kriminali jista’ jagħmel inkjesta bil-poter li jagħmel aċċessi. Il-liġi tikkontempla wkoll il-formalitajiet kollha li għandhom jiġu segwiti mill-maġistrat fil-ġabra tal-provi.
Mr Speaker, jiena insostni li nkunu qegħdin nonqsu jekk inħarsu superfiċjalment lejn kemm hemm inkjesti pendenti. Għalkemm dan ukoll huwa punt li għandu jiġi indirizzat, pero` għandu jiġi konsidrat l-fatt li l-maġistrati għandhom funzjoni ġudikanti apparti li għandhom ix-xogħol li jinvestigaw, ta’ maġistat inkwerenti. Wieħed irid janalizza s-sistema, u ħadt gost nisma’ lill-Ministru tal-Ġustizzja jisħaq li hemm ħsieb li din is-sistema tinbidel. Tajjeb li jkun hekk, u tajjeb li wieħed japprezza li hemm bżonn li din is-sistema tiġi mibdula. U dan mhux biss minħabba li jista’ jkun hemm xi inkjesti li huma pendenti, jiġifieri mhux mill-aspett ta’ statisitka u figuri biss, imma b’mod speċjali mil-lat ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Nemmen li b’dan il-mod ma nistgħux nippretendu mill-ġudikanti tagħna li jagħmlu x-xogħol tagħhom b’serjetà kbira. Dan minkejja li anke s-sistema kif inhi llum tħaddmet b’għaqal u ħalliet il-frott. Jekk nistgħu, għandna ntejbu dik is-sistema u nemmen li jekk inħarsu lejn sistemi f’pajjiżi barranin għandna nsibu ħafna ideat tajbin li nistgħu nieħdu mingħandhom. Il-punt kruċjali qiegħed fil-fatt li ma nistgħux nistennew li ġudikanti, li għandhom is-salvagwardji kostituzzjonali ta’ indipendenza u imparzjalita`, jispiċċaw bħala parti mill-awtoritajiet investigativi u spalla ma’ spalla ma’ awtoritajiet tal-korp tal-pulizija fl-istess waqt li jiżvolġu u jaqdu r-rwol ta’ ġudikanti. Huwa ċar li s-sitwazzjoni fil-ġurnata tal-lum m’hijiex aċċettabbli.
Mr Speaker, wieħed jista’ jħares mhux biss lejn is-sistema Taljana li diġa` għamilt riferenza għaliha imma jista’ jħares ukoll lejn is-sistema Ingliża li hija totalment differenti. Is-sistema tagħna hija sistema li ma ssib konfort fl-ebda waħda mis-sistemi mħaddma fid-demokraziji moderni, u allura wasal iż-żmien li nieħdu ispirazzjoni aħna wkoll minn dawn is-sistemi, nifhmu li s-sistema kif inhi llum hija inadegwata, u nifhmu wkoll li qegħdin nippretendu xi ftit iżżejjed mill-ġudikanti tagħna li nerġa’ nieħu l-opportunita` ngħid li ħaddmu s-sistema kif inhi llum b’għaqal u fl-aħjar interess ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Mr Speaker, m’għandniex ninjoraw x’qed jiġri fil-bqija tad-dinja u nżommu s-sistema li għandna. Bidla f’din is-sistema tista’ tissarraf f’benefiċċju kbir għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja u nistgħu naslu għal sitwazzjoni fejn ikollok team ta’ ġudikanti li jispeċjalizzaw fil-qasam ta’ l-investigazzjoni u allura dawk ikunu addetti speċifikament u esklussivament għal dawk id-doveri. Min-naħa l-oħra jkollok ammont ta’ maġistrati li jkunu fdati r-rwol ta’ maġistrati inkwerenti, u għalhekk iż-żewġ funzjonijiet ikunu qegħdin jinżammu separati u distinti. Dan apparti li l-qasam kollu ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja se jkun qed jieħu benefiċċju minn dan l-aspett. Illum fid-dinja kollha fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja qed naraw li l-ispeċjalizzazzjoni hija l-order of the day, u f’dan il-qasam b’mod speċjali jkun fundamentali. B’dan il-mod mhux biss ikun hemm kuntrast bejn il-funzjonijiet li jaqdi maġistrat inkwerenti u maġistrat ġudikant, imma jkollok ukoll maġistrati partikolari jkunu qed jispeċjalizzaw fi rwol partikolari.
L-istadju ta’ l-investigazzjoni għandu importanza fundamentali għax ikollok sitwazzjoni fejn maġistrat inkwerenti jkun għadu fl-istadju bikri li jrid jistabbilixxi jekk il-fatt jikkostitwix reat, imbagħad sussegwentement ikun irid jistabbilixxi jekk hemmx xi persuna jew persuni li jistgħu jiġu akkużati b’dak ir-reat. Dan huwa stadju fundamentali, għax hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq il-liberta` ta’ l-individwu u fuq il-liberta` taċ-ċittadin. Hawnhekk qed nitkellmu fuq persuna li hija preżunta innoċenti u allura l-istat għandu jipproteġi dawn id-drittijiet b’ġelożija kbira. Inħoss li ma nistgħux ninjoraw l-iżviluppi li qed jiġru fid-dinja ta’ madwarna. Għandna nħarsu lejn mudelli li huma iktar konduċenti għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja u għandna nemendaw, b’mod kożmetiku jew b’mod iktar radikali, is-sistema tagħna f’dan il-qasam. Grazzi. Mr Speaker.
Sorry, the comment form is closed at this time.