L-Ewwel Diskors Parlamentari – Indirizz b’Risposta ghad-Diskors tal-President – Mejju 2008

L-Ewwel Diskors Parlamentari – Indirizz b’Risposta ghad-Diskors tal-President – Mejju 2008

 Kelli opportunita’ ninnonta matul s-snin illi f’Malta b’mod generali ma tinghatax l-importanza xierqa lil hidma li deputat ikun ghamel jew qed jaghmel fil-Parlament. Innotajt li filwaqt li l-pubbliku in generali ikunu aktar familjari ma dikjarazzjonijiet li deputat jista jkun ghamel fil-mezzi tax-xandir, ma jkunx daqshekk familjari mal-hidma ta’ deputat fil-post fejn propju ghandu d-dover u huwa msejjah li jwettaq hidmietu. Din l-kultura hemm bzonn tinbidel. L-attenzjoni ghandha tkun fuq l-hidma ta’ deputat fil-Parlament.

L-problema kienet akbar sa Mejju 2015, sa meta l-Parlament Malti kellu mezzi ta’ komunikazzjoni limitati hafna. Ghal dan l-iskop se nkun qed nirriproduci hawn d-diskorsi tieghi fil-Parlament li jinkludu Riformi storici bhar-Riforma Kostituzzjonali, r-Riforma tal-Gistizzja li sussegwentement giet mehuda on board mir-Rapport Bonello, l-Ligi dwar l-Finanzjament tal-Partiti li jiena prezentajt fil-Parlament, kif ukoll sejhiet ghal ambjent u infrastruttura ahjar fin-naha t’sifel ta’ Malta, specjalment B’Bugia, MXl0kk, Zurrieq, Safi, Kirkop, Mqabba u Qrendi – lokalitajiet fid-distrett, l-Hames, li kont nirrapprezenta fil-Parlament.

D-diskorsi huma  rilevanti illum, tmien snin wara,  aktar minn qatt qabel peress illi filwaqt li uhud mill-proposti twettqu wara d-diskorsi, ohrajn jew ghadom ma twettqux jew qeghdin jitwettqu fil-present.

 

Indirizz b’risposta għad-Diskors tal-President ta’ Malta

Seduta numru 2            12 ta’ Mejju 2008                      Onorevoli Franco Debono

parlamentDan huwa l-ewwel diskors tieghi fil-Parlament Malti. L-prassi hija li l-ewwel diskors, fit-tieni seduta tal-Legislatura,  isir mill-izghar deputat min-naha tal-gvern u jkun indirizz b’Risposta ghad-diskors tal-President tar-Repubblika li jkun sar propju fl-ewwel seduta tal-Legislatura.

ONOR. FRANCO DEBONO:                Mr Speaker, nixtieq nesprimi ringrazzjament lill-Eċċelenza Tiegħu il-President ta’ Malta għad-diskors fil-ftuħ ta’ din il-Ħdax-il Leġislatura mill-Indipendenza, fejn spjega r-raġunijiet għaliex ġie mlaqqa’ dan il-parlament u wassal il-pjan ta’ ħidma tal-gvern għall-ħames snin li ġejjin. Nieħu opportunita` wkoll nifraħ lilek, Mr Speaker, għall-kariga li inti aċċettajt li tokkupa, anke jekk jista’ jagħti l-każ għal żmien qasir, b’sens eżemplari ta’ dedikazzjoni u lealta` lejn ir-Repubblika ta’ Malta.  Huwa unur għalija li nkun membru ta’ dan il-parlament bħala rappreżentant tal-Ħames Distrett Elettorali u li bħala l-iżgħar membru min-naħa tal-gvern imiss lili, kif inhi l-prassi, nagħmel dan id-diskors ta’ ringrazzjament.

          F’pajjiżna llum tirrenja klima ta’ tolleranza u rispett. L-eżerċizzju fid-demokrazija li bħala poplu għadna kif għaddejna minnu wriena li aħna edukati, dixxiplinati u maturi, u fuq kollox għandna demokrazija parlamentari rispettabbli li jixirqilha post fis-salott ta’ l-aqwa demokraziji fl-Ewropa u fid-dinja.  Grazzi, għalhekk,  lill-poplu Malti kollu, hu ta’ liema opinjoni politika hu, għall-mod matur li bih ġab ruħu fix-xhur li għaddew. Ikkompetejna, kien hemm fejn ma qbilniex, pero` rebaħ il-poplu. Rebaħ ir-rispett.  Rebħet id-demokarzija.

          F’din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna ilkoll kemm aħna flimkien nirrappreżentaw ir-rieda tal-poplu kif manifestata u tradotta f’elezzjoni demokratika u ħielsa. Għandna d-dover għaldaqstant, li dan is-sentiment ta’ maturita` politika ngħożżuh, inseddquh u nikkoltivawh sabiex b’hekk inkunu qegħdin naqdu r-rwol rappreżentattiv ta’ din l-istituzzjoni ħalli l-klima t’għaqda bejn il-poplu tagħna tirrenja u tiffjorixxi.  Kif għamel il-poplu, ejjew anke aħna nuru rispett lejn xulxin u nkunu ta’ eżempju.

          Ejjew inkunu tassew denji ta’ din il-kariga ta’ privileġġ u responsabbilta` li qed nokkupaw.  Ejjew nokkupawha b’responsabbilta` u b’dehen.  Aħna diversi fl-opinjonijiet tagħna pero` konvint li tgħaqqadna ħaġa waħda.  Irridu l-aqwa ġid tal-poplu Malti. M’għandix dubju li kull wieħed u waħda minna qegħdin fil-politika għax nixtiequ nservu.  Bħal f’logħba sportiva żewġ timijiet jew atleti jikkompetu, pero` tgħaqqadhom imbagħad l-imħabba lejn il-logħba.  L-impenn tagħhom kontra xulxin isaħħaħ il-logħba nfisha u jagħmilha aktar għanja. L-għaqda ma teskludix id-diversita`.

           Is-seklu għoxrin kien is-seklu tad-demokrazija. Twessa’ d-dritt tal-vot u għaldaqstant ħafna aktar nies kellhom aċċess u bdew jipparteċipaw fil-proċess elettorali. Pero` fuq kollox kien is-seklu tad-demokrazija permezz tal-partiti politiċi.  Ix-xettiċi jsostnu li l-partiti aktar iġibu konflitti u kontroversji milli kooperazzjoni. Pero` l-verita` hi li l-partiti politiċi huma essenzjali u indispensabbli għat-tħaddim tad-demokrazija parlamentari kif nafuha.  Huma essenzjali sabiex jordnaw u jorganizzaw l-opinjoni pubblika f’forom ta’ ħsieb  u prinċipji.

Ċertament li wasal iż-żmien sabiex f’pajjiżna, bħal tista’ tgħid fil-bqija tal-pajjiżi kollha fl-Ewropa,  ikollna liġi mhux biss dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi iżda wkoll dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament intern tal-partit politiku bħala assoċjazzjoni ta’ rilevanza kostituzzjonali.  Dak li jiġri internament f’partit politiku ma jinteressax esklussivament lil dak il-partit biss iżda għandu rilevanza għall-istruttura kostituzzjonali kollha li fil-kontest tagħha jopera.  Ir-realta` hi li partit politiku mhux sempliċement entita` politiku soċjali iżda huwa parti integrali mill-istruttura kostituzzjonali.

           Wasal iż-żmien ukoll li tinsab konverġenza dwar il-liġi elettorali, b’mod speċjali dak li jokkonċerna bdil fil-konfini elettorali. L-ispirtu tal-liġi elettorali għandu jkun dejjem li r-rieda tal-poplu tiġi riflessa bl-aktar mod fidil possibbli fil-kompożizzjoni ta’ dan il-parlament u fir-rispett tal-governabilita`. Għandna naqblu fuq sistema li kemm jista’ jkun filwaqt li tiggarantixxi proporzjonalita` bejn il-voti miksuba u s-siġġijiet parlamentari assenjati, ma toħloqx il-ħtieġa ta’ tibdil spiss, xi minn daqqiet radikali, fil-konfini elettorali –  esperjenza personali  li jien fl-aħħar elezzjoni sfajt orfni ta’ raħal twelidi fejn għext u trabbejt, pero` insomma ġejt adottat tajjeb imbagħad mill-bqija tad-distrett. Din l-istituzzjoni hija l-aqwa monument ħaj għall-kisbiet tad-drittijiet tal-poplu Malti matul is-snin. Irridu għalhekk inkomplu nsaħħu l-awtonomija tal-parlament u nallokaw aktar riżorsi kif diġa` ġie mħabbar li se jsir. Irridu ninkoraġġixxu aktar nisa jidħlu fid-dinja tal-politika.

           Jeħtieġ ukoll jiġu riveduti l-iStanding Orders sabiex jirriflettu r-realtajiet politiċi tal-lum. Għandha tiġi msaħħa wkoll il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u  tiġi addottata  liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika.  Dan hu gvern kommess li jġib aktar accountability u trasparenza fl-operat tiegħu permezz ta’ liġijiet dwar il-whistleblowers kif ukoll liġi dwar il-liberta` ta’ l-informazzjoni. Kif qal Monsinjur Arċisqof fl-omelija fil-quddiesa ta’ l-Ispirtu s-Santu, is-setgħa ngħatat lilna mill-elettorat u niżbaljaw jekk qatt nidentifikaw ruħna ma’ dik is-setgħa. Il-poter mhux fini fih innifsu, sempliċement mezz, strument li bih isir il-ġid.  Essenzjali, anzi imperattiv, li nuru rispett lil dawk li tawna din is-setgħa.  Il-vot hu biss mument, u għandna bħala poplu, nikkollaboraw tul il-ħames snin tal-leġislatura sabiex il-pajjiż kollu jkun jista’ jistagħna.

           Flimkien, dan hu l-istil ta’ tmexxija li qed iħalli l-frott, stil li l-gvern se jkun qed jirfina u juża b’aktar rigorożita`.  Il-gvern kommess li jisma’ bis-serjeta` qabel jiddeċiedi.  Irridu bil-fatti soċjeta` inklussiva. Irridu gvern impenjat li jimxi b’tali mod li d-deċizjonijiet ma jiġux imposti iżda milħuqa b’parteċipazzjoni, u t-tensjonijiet bejn pożizzjonijiet differenti kemm jista’ jkunu riżolti permezz ta’ kompromessDjalogu soċjali kontinwu matul il-ħames snin.  It-tir hu, kif spjega l-Eċċellenza Tiegħu l-President, li jintlaħaq patt, patt għall-iżvilupp sostenibbli sabiex il-gvern jirrispetta lil dawk li tawh is-setgħa.  Il-gvern ma setax jimplimenta dan il-konċett b’mod aktar konkret milli jaħtar segretarju parlamentari proprju għal dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

           Pass ieħor għaqli f’din id-direzzjoni wkoll huwa t-twaqqif mill-ġdid tal-MEUSAC sabiex il-gvern verament jisma’ lil kulħadd qabel jieħu d-deċiżjonijiet.  Dan ma jfissirx li l-gvern se jabdika milli jmexxi.  Se jkun qed jassigura li l-valuri tas-solidarjeta`, tal-post ċentrali tal-bniedem fil-politika, tal-liberta` u l-impenn biex ħadd ma jibqa’ lura se jkunu r-ruħ ta’ kull deċiżjoni.  Il-gvern se jżomm ferm dawn il-prinċipji għax min m’għandux prinċipji jispiċċa jinġarr ma’ kull kurrent. Se jmexxi skond il-mandat ċar mogħti mill-poplu.  Se jisma’ pero` mbagħad se jkollu l-kuraġġ jieħu d-deċiżjonijiet u d-determinazzjoni jimplimentahom.

           Dan hu gvern li se jassigura li min għandu t-talent se jkollu fejn jikkultivah u jkattru. Din hi ċ-ċavetta għat-tkabbir ekonomiku meħtieġ sabiex ikollna garanzija tal-kwalita` tal-ħajja li issa drajna ngħixu, u jekk jista’ jkun intejbu. Dan hu gvern li jemmen fil-Maltin u fil-ħiliet tagħhom.  It-ton u l-aċċent ta’ l-indirizz tal-President kien wieħed mimli ottimiżmu. Ejjew nemmnu fina nfusna. Dan hu gvern li jemmen fid-determinazzjoni tal-Maltin li jirnexxu, li jagħmlu suċċess, li jipprosperaw u li ma jiddejqux jikkompetu minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż.   Poplu li llum ħerqan li jagħmel il-qabża fil-kwalita` f’certi oqsma ma jikkuntentax li jżomm mal-pass mal-bqija tad-dinja iżda ambizzjuż li jkun qabilha, fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-manifattura tas-servizzi, fit-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, fit-turiżmu u fl-ambjent.

           Il-gvern se jwieġeb għal dawn ix-xewqat billi jżomm sħiħ it-twemmin tiegħu li għandu jintervjeni mill-inqas u, fejn hu possibbli, jgħaddi l-inizjattiva għand il-privat jew permezz ta’ public private partnerships, u dan jagħmlu filwaqt illi jżomm ir-rwol fejn neċessarju ta’ regolatur.  Il-gvern għandu jaġixxi ta’ katalist. Dan il-gvern fiduċjuż li t-tkabbir ekonomiku flimkien mat-tnaqqis fl-ispiża pubblika se jwasslu għal bilanċ pożittiv fil-budget tas-sena 2010. Għaldaqstant qiegħed  jimpenja ruħu li jnaqqas l-ineffiċjenza u l-burokrazija żejda fiċ-ċivil filwaqt li jnaqqas ukoll il-ħela fl-ispiża pubblika. Il-gvern jaqdi r-rwol tiegħu billi joħloq klima ta’ stabilita` ekonomika u ta’ serħan il-moħħ.  L-ekonomija tkompli tikber permezz ta’ aktar kompetenza,  professjonalita` u specjalizzazzjoni, b’hekk ukoll jiġi attirat aktar investiment barrani. Wieħed mill-akbar investimenti li qatt sar f’pajjiżna, SmartCity, huwa mistenni li matul din il-leġislatura jibda jopera u jagħti l-frott.

            Riżorsi naturali forsi m’għandniex.  Ngħid “forsi” għax wieħed ma jafx x’riżultati għad jagħtu l-esplorazzjonijiet.  Pero` dan in-nuqqas żgur sewa biex sinnejna aktar it-temprin tal-kapaċitajiet intellettwali tagħna biex naqqaxna din l-istorja ta’ suċċess mill-potenzjal ta’ possibiltajiet u sfidi li kellna quddiemna. Hekk irridu nkomplu nagħmlu u aktar ma l-kompetizzjoni tiħrax aktar irridu nsiru aggressivi, f’sens pożittiv ovvjament.  Kien għalhekk li dan il-gvern identifika dawk is-sitt oqsma li diġa` għamilt riferenza għalihom inkorporati fil-viżjoni 2015.  Kif diġa` għedt, riżorsi m’għandniex, pero` għandna l-imħuħ inventivi u d-dirgħajn bieżla.  Bil-mazza ta’ l-ambizzjoni fuq l-inkwina ta’ l-umilta` ejjew nsawru ideat li jiddistingwuna, ideat li nistghu nbigħu lil ħaddieħor. Wara kollox dan hu li rnexxielhom jagħmlu wħud mill-akbar nies, irnexxielhom jibnu idea mill-barriera wiesgħa tal-ħsieb.

            Fl-ambjent, fuq kollox, ejjew nuru innovazzjoni iżda mhux fl-ambjent biss.  Il-gvern jemmen fil-bżulija tal-ħaddiem Malti u hawnekk il-mira hi aktar xogħol u xogħol aħjar.  Il-ħaddiem Malti li llum jifhem li għandu bżonn jibqa’ jaġġorna ruħu u jekk hemm bżonn ikun flessibbli sabiex ikompli jkollu s-sigurta` ta’ l-impjieg tiegħu – kompetittivita` permezz ta’ produttivita` ogħla. Nemmen illi anke jekk tixtieq, ma tistax tagħti minn dak li m’għandekx. U allura biex il-ġid jitqassam l-ewwel irid jiġi ġġenerat.  Dan il-gvern jemmen illi min jiflaħ jiġri ‘l quddiem għandu jitħalla, anzi jiġi nkoraġġit.  Pero` fl-istess waqt rukkell ieħor fis-sinsla politika tagħna hija li ħadd m’hu għar-rimi u li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ u jibqa’ lura.  Sinsla politika, kif diġa` għedna, mibnija fuq il-valuri tas-solidarjeta`, fuq il-valorizzazzjoni u r-rispett ta’ l-individwu bħala bniedem sħiħ fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi, il-liberta` u s-sussidjarjeta`.

             Il-ġid li jiġi ġġenerat għandu jitqassam b’ġustizzja soċjali u nassiguraw li jipperkola fis-saffi kollha tas-soċjeta`. Dan hu gvern li se jwieżen bis-sħiħ lil dawk li fis-soċjeta’ l-aktar li għandhom bżonn għajnuna u dan sabiex ħadd ma jibqa’ lura sabiex nimxu ‘il quddiem ilkoll flimkien bħala poplu wieħed.  Se jassigura fl-istess waqt li ħadd ma jabbuża, mhux biss mill-bżulija ta’ min idawwar ir-rota tal-pajjiż iżda wkoll u daqstant gravi, b’abbuż serju ta’ dawk illi verament ikunu  jeħtieġu l-għajnuna. Ladarba l-miri huma għoljin l-impenn meħtieg huwa naturalment konsiderevoli.  Aktar u aktar meta fl-isfond jidher mewġ qalil ta’ instabilita` fil-prezzijiet mhux biss taż-żejt iżda wkoll ta’ qmugħ u ċereali. Kumplikazzjoni ulterjuri hija l-mument diffiċli ta’ l-ekonomija Amerikana li hija l-mutur ta’ l-ekonomija dinjija kif dimostrat ukoll mid-dgħjufija tad-dollaru.  L-indikazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali ftit qed jppromettu ċirkostanzi mwarrda għall-futur qarib. Irridu jew ma rridux f’dan ix-xenarju jkollna noperaw.

           Ara ma naħsbux li nistgħu fit-tajjeb niftaħru li llum sirna parti mid-dinja, pero’ fil-ħażin aħna b’xi mod eżenti jew immune minn dak li jiġri madwarna.  Din hija r-realta` tal-villaġġ globali.  F’ċirkostanzi bħal dawn, u jidher illi dan hu biss il-preambolu li akkwistajna, s’issa jeħtiġilna nsostnuh. Il-finanzi fis-sod mhumiex minquxa fil-blat.  M’humiex garantiti. Il-finanzi fis-sod huma mira kontinwa u jeħtieġ li nkunu viġilanti kontinwament waqt li nagħmlu kuraġġ minn dak li diġa` għaddejna minnu u nsaħħu r-rieda li aħna l-Maltin bil-għaqal u beżlin biżżejjed biex negħlbu wkoll id-diffikultajiet li nistgħu niffaċċjaw minħabba s-sitwazzjoni fil-qasam finanzjarju u ekonomiku internazzjonali. Irridu għaldaqstant nisfruttaw il-pożizzjoni tagħna u  dan fuq żewġ livelli, mhux biss dak ġeografiku iżda wkoll dak ġeo-politiku.  Għal ħafna sekli konna fiċ-ċentru tal-palk internazzjonali, pożizzjonati fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran, b’kurrenti mill-Ewropa minn naħa waħda u mill-Afrika min-naħa l-oħra kif ukoll pont bejn l-istretti ta’ Ġibilta u l-Bosforu.

            Għal ħafna sekli konna l-fus tal-kummerċ internazzjonali. Dan għadu rilevanti llum u għandu jkompli jiġi sfruttat.  Xhieda ta’ dan huwa s-suċċess tal-Port Ħieles li ċertament irid ikompli jkun inkoraġġit f’ambitu usa tal-qasam marittimu kollu kemm hu u li jinkludi r-reġistru marittimu, portijiet u marini tal-jottijiet, cruise liners, sajd, akkwakultura u oqsma marittimi oħra innovattivi.  Mill-banda l-oħra t-teknoloġija llum qed tgħinna biex niġbdu lejn xtutna industriji oħrajn ġodda li bl-użu ta’ l-istess teknoloġija jistgħu jistabbilixxu rwieħhom fejn iridu għax ikunu fejn ikunu t-teknoloġija ġġibhom dejjem fil-qalba ta’ dik li hi l-ħidma tagħhom. Pero` ċertament li l-pożizzjoni ġeografika kienet ukoll determinanti fil-formazzjoni tal-karattru u l-kultura tagħna tant rikka li ssawwar il-patrimonju tagħna u li huwa tant importanti wkoll għall-industrija pilastru tat-turiżmu.  Għal eluf ta’ snin pajjiżna kien il-post li fih tħalltu tant kulturi u ċivilitajiet. M’hemmx għalfejn insemmi l-ġawhar ta’ l-Imdina, il-Belt Valletta u t-Tlett Ibliet, il-fdalijiet, knejjes, pittura, arkitettura u skultura li juruna l-mod sublimi u  majestuż illi bih ta’ qabilna kienu jħarsu lejhom infushom u lejn il-ħajja.

            Fir-rotta turistika mir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk għal Għar Dalam, lejn Ħaġar Qim u l-Imnajdra hemm monument li jfakkar waħda mill-ġrajjiet storiċi ewlenin li sawret il-mappa politika tad-dinja fi żminijietna – it-tmiem tal-gwerra bierda.  Ċertament li l-pożizzjoni ġeografika tagħna għadha importanti sal-lum ukoll għax anke hawn kienet fundamentali fl-għażla ta’ pajjiżna bħala l-lok fejn kellu jinkiteb kapitlu prinċipali u jinżel separju storiku daqshekk importanti.  Imma rridu nisfruttaw ukoll il-pożizzjoni tagħna politika.  Ir-realta` tas-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea  pajjiżna llum assorbiha u qed jgħixha bis-sħiħ.  Qed insibu saqajna u rridu nagħmlu ħilitna biex mhux biss nikkontribwixxu aktar għal din l-istituzzjoni, mhux biss inkunu fuq quddiem nett fid-diskussjoni billi nsemmgħu leħinna, inkunu proattivi, iżda wkoll billi niksbu kull vantaġġ possibbli mill-ħemel ta’ benefiċċji li tali sħubija issa se tkun qed tfisser.  Fid-diversita` aktar saħħaħna l-identita` tagħna għax aħna bħala pajjiż nafu min aħna u nafu fiex nemmnu. Nafu fiex aħna l-istess u fiex niddistingwu ruħna. Irridu nikkontribwixxu għall-arrikkiment ta’ din ix-xirka bejn il-popli.

L-identita` tagħna rridu nirriflettuha fl-immaġini u l-identita` Ewropea.  Irridu nittrasmettu wkoll l-identita` Mediterranja tagħna.  Irridu nsostnu l-iżvilupp ta’ l-Unjoni fil-futur. Irridu nsaħħu l-aspett Mediterranju fl-Unjoni, inqajmu aktar kuxjenza dwar il-problemi ta’ dan ir-reġjun, fosthom l-immigrazzjoni irregolari li ċertament tolqot mhux lilna biss iżda wkoll lill-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni. Ma rridux nillimitaw ruħna biss billi b’mod passiv nimplimentaw id-deċiżjonijiet, minkejja li dan hu ta’ ġid kbir għalina, imma l-pass li jmiss hu li nkomplu nkunu attivi ħafna aktar u nagħmlu ħilitna sabiex ninfluwenzaw ukoll l-istess deċiżjonijiet fil-fora Ewropej. B’hekk mhux biss Malta tikber fl-Ewropa, imma l-Ewropa tikber bil-kontribut tagħna wkoll.  U hawn niġu għall-aktar qasam li jidhirli li se jkun importanti fil-ħidma ta’ dan il-Parlament, il-qasam ta’ l-ambjent.

           Kif jinbidlu ż-żminijiet! Sa ftit snin ilu d-dinja kellha t-theddida tal-gwerra bierda.  Ma kenitx kwestjoni ta’ temperaturi, pero` llum id-dinja qed tiffaċċja l-isfida tal-gwerra kontra s-sħana, dik tal-global warming.  Ejjew nagħmlu minn pajjiżna issa monument ta’ rebħa fuq din il-gwerra wkoll. Aktar ma soċjeta` ssir sofistikata aktar tibda tagħti każ l-ambjent.   F’ċertu stadju ta’ l-iżvilupp ekonomiku tiżdied il-kuxjenza favur l-ambjent. Il-kelmiet ekoloġija u ekonomija għandhom għerq komuni – ‘oikos’ mill-Grieg li tfisser dar fis-sens ta’ home. L-ekoloġija hija l-istudju tad-dar, l-ekonomija hija t-tmexxija, il-management ta’ dik id-dar.  Il-bilanċ hawnekk huwa ċ-ċavetta għal żvilupp sostenibbli fiż-żewġ oqsma. Għal ħafna snin iż-żewġ oqsma qabdu direzzjonijiet opposti.  Jeħtieġ li jerġgħu jaqbdu l-istess rotta u jimxu bi frekwenza waħda.  Jeħtieġ li t-tnejn li huma jgħożżu din id-dar li fiha joperaw.

            Jekk wieħed kellu jagħsar f’konċett il-mixja storika tal-bniedem fl-Ewropa dan hu li l-bniedem irrealizza li hu ma jgħix f’vakum, iżda jitwieled u jgħix f’ambjent li jinteraġixxi miegħu u viċe versa.  Għal ħafna sekli fl-Ewropa il-bniedem kien jaħseb li kollox idur miegħu. L-iskoperti kbar fix-xjenza rridimensjonaw konsiderevolment dan it-twemmin. F’daqqa waħda stenbaħna għar-realta` li wieħed ma jistax jinjora l-fatt li l-bilanċ fl-eko-sistemi, fl-ambjent u fil-klima naturali huwa wieħed delikat u mhux lakemm wieħed ibagħbas miegħu bl-addoċċ.  Il-ġirja sfrenata industrijali ġabet avvanzi enormi fil-kondizzjoni tal-bniedem u fil-livell ta’ għajxien, pero` fl-istess waqt feġġ fuq ix-xefaq l-ispettru ta’ katastrofi ambjentali li kienu sfortunatament jirrispekkjaw fid-dimensjonijiet tagħhom il-kobor ta’ l-istess żvilupp industrijali.

           Għaldaqstant dan is-settur ċertament se joffri sfidi kbar. Meta wieħed jitkellem dwar il-kwalita` ta’ l-arja u l-bdil fil-klima, sorsi ta’ energija rinovabbli, il-biodiversita’, l-ilma, l-immaniġgjar ta’ l-iskart, l-ambjent marittimu, l-użu ta’ l-art u t-trasport fost oħrajn, malajr jirrealizza li hawnekk jeħtieġ il-kontribuzzjoni ta’ kulħadd. Għalhekk irridu niġbdu ħabel wieħed sabiex inkunu effettivi fil-konfront ta’ dawn l-isfidi.  Il-gvern kommess illi fost oħrajn jinkorpora d-dimensjoni ambjentali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li jagħmel tibdil strutturali estensiv fl-Awtorita` ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar, kif ukoll isaħħaħ is-servizz tat-trasport pubbliku fid-dawl ukoll tal-kontroll tat-tinġis ta’ l-arja. Il-bdil fil-klima u l-mira li sa l-2020 jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-CO2 b’20% filwaqt li 10% ta’ l-enerġija tkun gejja minn sorsi rinnovabbli huma sfidi mhux għal pajjiżna biss iżda għad-dinja kollha.

           Il-kuxjenza u l-politika favur l-ambjent li dan il-gvern hu kommess b’determinazzjoni kbira li jseddaq u f’termini konkreti jwettaq m’hi xejn għajr forma oħra ta’ rispett lejn id-drittijiet u d-dinjita` ta’ xulxin u fuq kollox lejn il-ħolqien kollu kemm hu.  Rispett u solidarjeta` wkoll mal-generazzjonijiet futuri u li jinsabu fil-pożizzjoni żvantaġġata li ma jistgħux isemmgħu leħinhom  huwa l-impenn favur l-aħjar użu ta’ riżorsi naturali limitati. Huwa impenn ukoll kontra l-kultura tal-ħela.  Dan hu wkoll għarfien li l-bniedem m’għandux xi monopolju fuq il-ħolqien. Aħna biss il-ħolqa bejn il-bieraħ u għada. Jeħtieg għalhekk forma ta’ żvilupp b’rata tali li dak li jittieħed mis-sistema jerġa’ jiġi mpoġġi b’mod jew b’ieħor. L-ambjent mhuwiex biss dak ta’ madwarna, l-ambjent hu aħna, il-kwalita` ta’ l-arja li minnha nieħdu n-nifs, l-ilma li nixorbu nikkonsmawhom u jsiru parti minna. Jekk nikkontaminaw l-ambjent ma nikkontaminawx biss madwarna, li diġa’ hu qrib ħafna, iżda saħansitra lilna nfusna.

Pajjiżi oħra mhumiex jibqgħu biss fuq id-difensiva f’dan is-settur iżda qed jagħmlu ħilithom sabiex iħajru u jistimolaw l-industrija toħloq impjiegi f’dan is-settur. Hekk għandna nagħmlu aħna. Jidhirli li dan hu qasam ta’ rilevanza speċjali għal min irid jimraħ fir-riċerka, speċjalment fil-qasam tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.  Fil-fatt il-gvern kommess li jwaqqaf fond għar-riċerka dwar teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, kif ukoll tiżdied ir-riċerka fuq alga tal-baħar bħala sors ta’ enerġija nadifa.  Hawnhekk b’mod speċjali min irid jimraħ għandu pjanuri vasti quddiemu.  Pero` l-industrija u l-ambjent, tradizzjonalment għedewwa inkompatibbli, illum jistgħu jimxu id f’id in forza tal-prinċipju li mill-isfidi wieħed jipprova joħloq opportunitajiet.

          Il-gvern għandu mira specifika ta’ proġett pilota li l-gzira ġawhra ta’ Għawdex tkun gzira ekoloġika ta’ l-iprem kwalita` b’mod li kif konna ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn, ngħidu aħna fil-mod kif imxejna fl-adozzjoni ta’ l-ewro, fuq bażi ferm usa nkunu mudell għal ħaddiehor fil-qasam ta’ l-ambjent. Il-gvern kommess li jkompli jtejjeb il-livell tat-toroq u promenades. Fl-aħħar leġislatura saret ħidma intensiva f’dan is-settur u t-titjib li sar jarah kulħadd. Mr Speaker, hawnhekk nieħu l-opportunita` li nkun il-vuċi tad-distrett tiegħi.  Forsi triq partikolari li ta’ min isemmi hija Valletta Road fiz-Żurrieq. Din l-arterja tintuża wkoll min-nies ta’ Ħal Kirkop, Ħal Safi, l-Imqabba u l-Qrendi u tista’ tgħid minn kulmin jidħol iż-Żurrieq.  Għal dak li jikkonċerna promenades persważ li l-gvern se jagħti attenzjoni wkoll lill-promenade ta’ Marsaxlokk u dik bejn Marsaxlokk u B’Bugia, bħala parti ovvjament minn lista sħiħa ta’ toroq u promenades madwar Malta kollha.  Issemma ż-Żurrieq, u wieħed ċertament irid ifaħħar it-titjib infrastrutturali fil-promenade li saret riċentement f’dan ir-raħal.

oath of office      Biex dawn il-miri jirnexxu jeħtieg sistema edukattiva b’saħħitha. L-edukazzjoni hija s-sies ta’ kollox.  Irridu sistema edukattiva li tipproduci individwi b’personalita` magħġuna mhux biss akkademikament iżda wkoll kulturalment u moralment u li tikkoltiva l-karattru uman fl-aspetti kollha tiegħu. U hawnhekk forsi xtaqt nieħu spunt mid-diskors tal-President li elenka sensiela ta’ miżuri u proġetti li l-gvern se jkun qed iwettaq, fosthom il-bini u l-manutenzjoni ta’ aktar skejjel kif ukoll it-tisħiħ tas-sistema ta’ kulleġġi ta’ l-Istat. Proġett ewlieni ieħor huwa li jibda jitwettaq il-Master Plan għall-bini ta’ kampus ġdid fil-kulleġġ MCAST.

Xtaqt namplifika fuq l-aħħar punt imsemmi mill-President f’dan il-kontest, l-isport. Sfortunatament nara li f’dan il-qasam hemm ħafna fejn nistgħu navvanzaw.  Għal xi raguni jew oħra teżisti kultura li l-isport huwa xi ħaġa sekondarja li tiġi wisq wara l-aspett akkademiku ta’ l-edukazzjoni u ta’ importanza marġinali. Nemmen li rridu nġibu bidla radikali f’din il-mentalita`.  L-iżvilupp komplet tal-personalita` jinkludi wkoll l-iżvilupp fiżiku, iżda mhux biss. Fl-isport jitrawmu valuri fl-individwu li jgħinuh imbagħad matul ħajtu, u li ma jistgħux jiġu akkwistati akkademikament. Ċertament li l-isport iservi wkoll sabiex speċjalment fl-istadju vulnerabbli ta’ l-adoloxxenza jzomm xi individwi ‘l bogħod minn ċerti vizzji.

           Mhux dan biss pero` ż-żgħażagħ għandhom jiġu mħajra jimbarkaw fuq karriera fl-isport b’mod professjonali, filwaqt li jiġu implimentati l-proposti fil-progarmm elettorali intiżi biex jagħtu spinta lill-isport, fosthom illi sportivi Maltin fuq livell nazzjonali u li jippromettu jingħataw opportunita` jaħdmu għoxrin siegħa u jiddedikaw il-bqija għal taħriġ professjonali. F’dan il-kontest ma nistax ma nkunx il-vuċi tal-kostitwenza tiegħi. Fir-raħal mhux zgħir ta’ Birżebbuġa nemmen li jeżisti nuqqas ta’ faċilitajiet sportivi, prinċipalment fil-futbol fejn, minkejja li hemm identifikat sit kif ukoll pjanti, dan jidher illi għadu fuq l-ixkaffa, kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-isport akkwatiku, fejn jidher li x-xogħlijiet kienu nbdew u għal xi raguni waqfu.  Nemmen li dawn in-nuqqasijiet se jkunu indirizzati mill-aktar fis.

           Is-sistema edukattiva għandha wkoll tkun ħafna aktar sensittiva f’dawk il-każijiet sfortunatament dejjem aktar jiżdiedu, ta’ tfal li minn eta` żgħira juru tendenzi ribellużi, u li faċilment wieħed jipprevedi l-eżitu x’se jkun ftit żmien wara.  Jekk dan l-atteġġjament ma jiġix indirizzat fl-istadju ta’ skola, dan jew ġeneralment xi forma aktar pronunzjata u akuta, is-soċjeta` se jkollha tittratta miegħu f’xi zmien jew ieħor.  Sfortunatament ħabbatt wiċċi ma’ wisq każijiet ta’ talent moħli, ta’ żogħżija mormija, meta dan kien diġa` evidenti fit-tfulija mill-bankijiet ta’ l-iskola u kulħadd ħares in-naħa l-oħra.  Is-soluzzjoni?  Meta jikbru jispiċċaw il-ħabs.

           Il-prevenzjoni żgur aħjar mill-kura.  Jekk is-sistema edukattiva tipproduċi persuna illitterata, dan forsi se jkollu opportunitajiet ta’ xogħol limitati u xorta jispiċċa b’xi mod ta’ piż fuq l-istat. Pero` jekk is-sistema edukattiva se tkun indifferenti jew insensittiva lejn tfal li forsi di natura, forsi minħabba sfond familjari u forsi minħabba ċirkostanzi li huma ma jkollhomx kontroll fuqhom, qed juru komportament devjanti mit-tfulija tagħhom, allura dan il-bniedem se jispiċċa mhux biss ta’ piż kbir għas-soċjeta` iżda wkoll eventwalment ta’ theddida serja għas-sigurta` ta’ l-istess soċjeta` li preċedentement tkun abbandunatu. L-istat għandu jintervjeni bis-saħħa kollha, speċjalment fejn in-nukleu bażiku tal-familja jkun falla.

           Ċertament li l-istat għandu d-dritt, anzi l-obbligu, li jipproteġi lill-membri ta’ l-istess soċjeta` permezz ta’ liġijiet u ta’ sistema ta’ ġustizzja effettiva.  Għalhekk wieħed jesplora l-possibilita` tat-twaqqif ta’ laboratorju tad-DNA fost miżuri oħra proposti. Pero` huwa wkoll fl-interess ta’ l-istess soċjeta` li safejn hu possibbli r-riforma tal-persuna għandha importanza kbira sabiex dik l-istess persuna, kemm-il darba turi volonta` sinċiera u wara illi jiġi eżaminat il-mertu ta’ kull każ, din tkun tista’ terġa’ tinserixxi ruħha fis-soċjeta` mingħajr problemi.  Għaldaqstant nemmen li wasal iż-żmien li tiġi implimentata l-wegħda fil-programm elettorali dwar il-parole, wara l-esperjenza pożittiva tal-konċett tas-servizz fil-kommunita`.

           Nikkonkludi. Dan hu gvern li għandu viżjoni wiesgħa, ma jibżax mill-futur, ma jaqtax qalbu mill-isfidi.  Dan hu gvern ispirat minn valuri u prinċipji li huma r-ruħ tal-politika li se jwettaq fil-konkret.  Dawk li m’għandhom ebda prinċipji jispiċċaw jaqgħu għal kollox. Dan hu gvern li jrid li jimmaterjallizzaw eventwalitajiet pożittivi mill-firxa indeterminata ta’ possibiltajiet.  Bi “Flimkien kollox possibbli” se nibdew, u j’Alla ħames snin oħra sodisfatti ngħidu:  Possibbli għamilna dan kollu flimkien!

           Ejjew neħilsu darba għal dejjem mill-medjokrita` tad-dilettantizmu. Mhux qed nirriferi għad-dilettant li jehda biex jgħaddi siegħa żmien, imma għad-dilettantiżmu bħala l-pjaga ta’ poplu li jrid ikampa, jekk mhux addirittura jiddistingwi ruħu fix-xenarju tal-kompetizzjoni sfrenata fis-suq odjern globalizzat. Jekk irridu nikkultivaw mentalita` professjonali ejjew nippromwovu l-ispeċjalizzazzjoni u naqdfu kemm nifilħu biex il-futur li nibnu jkun suċċess.

           Fid-dinja mgħaġġla globalizzata tal-lum m’għandniex nimxu mad-dinja iżda qabilha. Għandna nkunu pass quddiem kulħadd. Din hi motivazzjoni eċċezzjonali.  Flimkien fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-manifattura tas-servizzi, fit-teknologija ta’ l-informazzjoni u fit-turiżmu u fl-ambjent għandna nagħtu dik il-qadfa żejda li tpoġġina pass qabel kulhadd.

           Ejjew ma nħallux dan kollu sempliċement fir-renju tal-possibbli, iżda ejjew flimkien nattwawh. Nistgħu anke ma naqblux. Jista’ anke bejnietna jkun hemm differenzi fl-opinjoni. Ma ġara xejn.  Din hi l-ġebla tax-xewka tad-demokrazija.  Dan huwa possibbli għax f’pajjiżna hawn imħuħ kreattivi, hawn spirtu qawwi ta’ imprenditorija, hawn rieda u enerġija li nirnexxu f’dak li nagħmlu, hawn ħaddiema bieżla li jagħtu forma  u li jagħġnu fil-konkret l-ideat astratti.  Irridu nemmnu aktar fina nfusna, irridu nkunu umli, pero` wkoll aktar kburin b’dak li għandna u li kapaċi niksbu.  Kapaċi nħabbtuha fil-moħħ u fl-id ma’ l-aqwa fid-dinja.  F’pajjiżna hawn talent.  Nagħmlu ħilitna biex bl-għajnuna t’Alla u skond ir-rieda tiegħu bħala bnedmin sħaħ insibu l-milja tagħna.

           Nirringrazzja lil din il-Kamra talli laqgħetni bħala l-iżgħar membru fin-naħa tal-gvern. Nirringrazzja lill-familja tiegħi li mingħajr is-sostenn kontinwu tagħhom ċertament ma wasaltx s’hawnhekk. Nitlob lil Alla jagħtini d-dehen sabiex naqdi sew id-dmirijiet tiegħi f’dan il-Parlament. Grazzi.  (Onor. Membri:  Hear, hear)

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.