L-Ambjent u l-Insib

L-Ambjent u l-Insib

Malta ghandha sal-llum  (28 ta’ Lulju 2015) sabiex tipprezenta gustifikazzjoni lil Kummissjoni Ewropea ghar-ri-introduzzjoni tal-insib ghall-ghasafar tal-ghana u dan ftit jiem biss wara li l-Italja waqqfet l-insib biex tevita l-possibilta’ ta proceduri, liema riskju qed jiffaccja pajjizna jekk ma jipprovdix gustifikazzjoni konvincenti.

Fis-27 ta’ Marzu 2012, fil-Parlament kont ghamilt diskors dwar proposti ghal-soluzzjoni vijabbli tal-kontroversja dwar l-insib ghall-ghasafar tal-ghana, fejn jindika illi l-interess suprem ghandu dejjem ikun ir-rispett lejn l-ambjent, u juri sistema vijabbli kif d-delizzju tal-insib u l-harsien ambjentali mhux talli jisrtghu imorru flimkien talli jistgu isahhu lil xulxin. Soluzzjoni long term, soluzzjoni li thares lejn l-issue b’mod holistiku.

Dan id-diskors illum huwa rilevanti aktar minn qatt qabel.

Fid-diskors nindika b’mod konkret kif d-delizzju tal-insib jista jkun prattikat id f’id mal-harsien tal-ambjent u r-ricerka dwar il-migrazzjoni tal-aghsafar u filwaqt li nsemmi  kif dan id-delizzju  nqata minhabba n-nuqqas tal-Gvern li jzomm Capture Breeding programme u peress illi din il-materja giet mhollija f’idejn persuni li ftit ghandhom esperjenza diretta tas-settur, sfortunatament illum wiehed jista’ jzid li jezisti riskju ta’ proc eduri u li l-istess jerga’ jinqata’ minhabba li minn estrem morna ghall-estrem l-iehor.

Parlament ta’ Malta – Diskors 27 ta’ Marzu 2012 – Franco Debono

 

MR SPEAKER:  ”Grazzi.  Rimarki?  L-Onor. Franco Debono.”

ONOR. FRANCO DEBONO:  ”Sur President,  fil-parti sostanzjali tad-diskors tiegħi xtaqt nitkellem dwar il-kwestjoni tal-kaċċa u l-insib.  Din hija kwestjoni li minn żmien għal żmien tqum f’dan il-pajjiż u naħseb li issa ilna għaxar snin għaddejjin b’kontroversja kontinwa.  Jien nemmen li forsi din kienet indirizzata minn nies li lanqas għandhom l-iċken ħjiel jew m’għandhomx idea u esperjenza biżżejjed f’dan il-qasam.  Dawn ma jilbsux iż-żarbun ta’ dawn id-dilettanti li jmorru għal kaċċa jew għall-insb – jien se nitkellem aktar fuq l-insib – u ma jifhmux x’jiġifieri li tqum filgħodu, tarah jisbaħ fir-raba’ b’dik ir-riħa tal-ħarrub u l-għasafar jgħannu! 

Trid tifhem dawn l-esperjenzi u n-namur tan-nassaba!  Se nibda biex ngħid li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali u r-rispett lejn l-ambjent għandu jkollhom l-interess suprem.  Minn hemm irridu nibdew.  Jien nieħu gost li l-Ministru attwali dwar l-ambjent, il-Minsitru de Marco, wera interess fil-proposta li ssuġġerejt u li se nerġa’ nissuġġerixxi, forsi fi ftit aktar dettall.  Wera wkoll ċerta ħeġġa li tiġi indirizzata.  Inkunu qed nonqsu jekk f’pajjiżna hemm delizzju li jista’ jsir b’mod sostenibbli u b’mod li jirrispetta l-ambjent u d-dilettant ma jkunx jista’ jeżerċita dan id-delizju.   Hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi żgħira fuq is-Sur Richard Cachia Caruana li kont kellimtu xi xhur ilu, jekk mhux snin, dwar is-suġġett tal-insib għax b’xi mod kien responsabbli jew għallinqas indirizza dan is-suġġett.  

Sur President, nerġa’ mmur lura għas-suġġett tal-insib.  Naħseb li l-FKNK u l-BirdLife hemm bżonn jirrealizzaw li jekk jingħaqdu flimkien ikun ta’ ġid għat-tnejn li huma.  Dan ikun ta’ ġid għal kulħadd u anke għall-ambjent innifsu.  Jien appassjonat kbir tal-għasafar.  Minn dejjem hekk kont.  Jien breeder tal-għasafar kemm tal-għana kif ukoll ta’ għasafar oħrajn u għadni nrabbi sal-lum.  Allura dan huwa suġġett li jinteressani ħafna.  Dejjem ħadt interess fih u umilment se nagħmel diversi proposti li naħseb li jistgħu jkunu ċ-ċavetta għall-eventwali soluzzjoni ta’ għaxar snin, jekk mhux aktar, ta’ kontroversja dwar dan is-suġġett.   F’pajjiżna naħseb li hawn entużjażmu sostanzjali dwar dan is-suġġett.  Hawn eluf ta’ appassjonati u dilettanti tal-insib li jħobbu l-għasafar u jkunu jafuhom individwalment. 

Il-fenomenju tal-migrazzjoni tal-għasafar huwa fenomenu li minn dejjem interessa, saħħar u affaxxina lill-bniedem u sal-lum għadu mhux biżżejjed mifhum u sal-lum għadha ssir riċerka estensiva dwaru.  Hija affaxxinanti kif għasfur żgħir jitlaq mill-Ewropa ta’ Fuq biex imur l-Afrika, jiffaċċja l-elementi, jiffaċċja temp avvers u jasal u mbagħad jerġa’ jagħmel il-vjaġġ lura fis-sajf.  Hija xi ħaġa li dejjem taffaxxinani.  Madankollu għad m’hemmx soluzzjonijiet u risposti li huma definittivi.   Sur President, irrid nerġa’ ngħid li hawnhekk l-interess prinċipali huwa li jkun salvagwardat l-ambjent u għalhekk kien tajjeb li fis-snin li għaddew il-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ din il-prattika żdiedet.  Huwa tajjeb li dan ikun regolat. 

L-għaqdiet li jirrappreżentaw lin-nassaba nfushom għandhom japprezzaw li jridu jirrispettaw l-ambjent.  L-ambjent mhuwiex riżorsa infinta u allura jien issuġġerejt, u se nerġa’ nissuġġerixxi, li jsir ċentru ta’ studju u riċerka dwar il-migrazzjoni tal-għasafar. 

Possibbilment nistgħu anke nagħmlu proposta għal fondi mill-Unjoni Ewropea jew għal dan l-organu jew għal proġett simili, fejn l-enfasi prinċipali għandha tkun fuq is-sostenibbiltà, ir-rispett ambjentali u l-konservazzjoni.  Minn hemmhekk irridu nibdew.  Madankollu jekk imbagħad f’pajjiżna hawn ħafna entużjażmu għal dan id-delizju, il-ħsieb tiegħi huwa li dak l-entużjażmu minflok toħonqu u tħares lejh b’mod negattiv tutilizzah għal fini ta’ din ir-riċerka.   Sur President, issa se nsemmi punt ieħor li fil-prattika diġà ħdimt fuqu bħala Assistent Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.  Jien ħdimt fuq proġett sabiex nintroduċu mill-ġdid il-barbaġan fis-selvaġġ.  Dan kien ibejjet hawn Malta sa 30 sena ilu iżda nqered bl-attività tal-bniedem. 

Jien ġibt flimkien lill-FKNK, il-WasteServ u anke lill-MEPA – sfortunatmaent sibna ftit prokrastinazzjoni min-naħa tal-MEPA – sabiex dan l-għasfur li kien ibejjet Malta nerġgħu nintroduċuh fis-selvaġġ.  Allura filwaqt li nħarsu l-bilanċ fl-ekosistemi, għalkemm kif qed ngħid il-barbaġann u xi tjur oħra u għasafar oħra diġà kienu jbejtu Malta iżda ma baqgħux għax ġew sterminati mill-attività tal-bniedem, huwa importanti li ngħatu lura lin-natura dak li qridna aħna stess.  Il-barbaġan huwa breeder prolifiku.  F’Malta hawn ħafna dilettanti tal-għasafar li jnisslu l-barbaġan u allura għal xiex m’għandniex nirrestitwuhom lin-natura minn fejn kien il-bniedem stess li qeridhom.  Fil-fatt ġie mwaqqaf ukoll steering committee, li jien kont iċ-Chairman tiegħu, biex jara r-riintroduzzjoni tal-barbaġan fis-selvaġġ.  Dan seta’ kien proġett pilota li jintuża fi speċi oħra. 

Għalhekk, apparti ċ-ċentru ta’ studju ta’ riċerka dwar il-migrazzjoni tal-għasafar li ssuġġerejt, dan huwa t-tieni proġett ta’ natura ambjentali li qed nissuġġerixxi f’dan il-kontest ta’ soluzzjoni għal din il-kontroversja li ilha sejra s-snin dwar l-insib.   It-tielet punt huwa li jrid jiġi mtejjeb il-Capture Breeding Programme li diġà huwa eżistenti u li jista’ jkollu rilevanza kbira għall-eventwali deroga dwar l-insib.  Informat li l-Belġju kellhom kwestjoni simili dwar l-insib u kien hemm xi ħaġa identika.  Il-verità hija li f’dan il-Capture Breeding Programme li kien l-Għammieri – dan mort inżuru ftit tax-xhur ilu – kulma kien hemm kien 40 għasfur. 

Illum ma nafx kemm hemm għax ili ftit ma mmur però għamilt mistoqsija parlamentari biex inkun naf kemm hemm għasafar.  Madankollu ma nistennewx deroga dwar l-insib għax il-Gvern kellu l-obbligu li jwaqqaf Captive Breeding Programme li jiddispjaċini ngħid li sa ftit xhur ilu dan kien għadu ma twaqqafx.  Ma nistgħux nistennew li l-Unjoni Ewropea tagħtina deroga tal-insib jekk m’aħniex qed nagħmlu l-parti tagħna.  Importanti ħafna mbagħad li fil-Captive Breeding Programme d-deroga eventwali tal-insib tingħata sabiex il-genetic pool ta’ dawk l-għasafar li jitnisslu fil-magħluq tibqa’ b’saħħitha. Sur President, jien se mmur pass oltre. 

Jien ngħid li l-Captive Breeding Programme jista’ jsir ukoll f’partnership mal-privat, ma’ dawk in-nassaba u ma’ dawk il-breeders, li jkollhom il-premises tagħhom ċertifikati ta’ livell għoli u adegwat.  Dan jista’ jsir ukoll ma’ rappreżentanti kemm tal-BirdLife kif ukoll tla-FKNK jew ta’ xi organu ieħor determinat mill-Gvern.  B’hekk il-Captive Breeding Programme ma jkunx biss tal-Gvern imma anke tal-Privat u jsir b’mod professjonali skont l-istandards u s-safeguards li jiġu imposti mill-Gvern stess u mill-Unjoni Ewropea.  Però jekk mhux se jkollna dan il-Captive Breeding Programme in place wisq nibża’ li lanqas ir-radd tas-salib ma jkollna fuq din id-deroga.  

 Ir-raba’ punt huwa li tiġi esplorata regolamentazzjoni aħjar dwar l-attività tal-bird ringing.  Jiġifieri li wieħed jaqbad għasfur, ilibbisslu ċ-ċurkett u jerġa’ jitilqu fis-selvaġġ b’mod li dan l-għasfur ikun jista’ jinqabad f’pajjiż ieħor u jkun jista’ jiġi studjat bħal pereżempju kemm għex, kemm vjaġġa, kemm żmien eċċ.  Din l-attività tal-bird ringing tgħin ħafna fl-istudju u fir-riċerka – u dan ngħaqdu mal-ewwel punt li għamilt – tal-migrazzjoni tal-għasafar.   Il-ħames punt huwa li jsir l-aħjar użu tar-riżervi naturali fosthom tar-Riżerva tal-Għadira.  Naħseb – u ngħidha b’ċerta responsabbiltà – li min jieħu ħsieb ir-Riżerva tal-Għadira għamel biċċa xogħol tajba.  Pajjiżna huwa żgħir u din hija riżerva importanti ħafna.  Din hija kkurata tajjeb però naħseb li nistgħu mmorru pass oltre u allura filwaqt li niġi għas-sitt punt ngħid li din ir-riżerva forsi wieħed jista’ jutilizzaha aħjar billi jikkonsidra xi tip ta’ proġetti fejn l-għan aħħari jkun li jkollna viable colonies ta’ għasafar tal-għana.  

Sur President, l-għasafar tal-għana, bħal ġojjin, l-isponsun, il-verdun u l-gardell, minn żmien għal żmien ġieli jbjetu Malta.  Għaldaqstant xhur ilu jien għaddejt lill-Prim Ministru pjan dettaljat ta’ kif filwaqt li nħarsu l-bilanċ tal-ekosistemi, f’pajjiżna nistgħu nipprovaw nistabbilixxu viable colonies ta’ dawn l-għasafar.  Fl-aħħar mill-aħħar jekk dilettant imur Sqallija pereżempju, fil-ġonna se jisma’ lil dawn l-għasafar tal-għana jgħannu, jarahom itiru u allura wieħed irid jifhem li ħafna minn dan l-entużjażmu huwa dovut għall-fatt li dawn l-għasafar huma skarsi.  Pereżempju huwa diffiċli ħafna li wieħed jisma’ xi verdun jgħanni jekk ma jkunx għandu f’gabjetta.  Madankollu li nistabbilixxu dawn il-viable colonies, jiġifieri għasafar tal-għana li eventwalment mhux biss jgħaddu minn fuqna u jibqgħu sejrin imma jlissnu ġewwa Malta wkoll, kif diġà għedt, hija miżura b’rilevanza ambjentali kbira. 

Dan qed ngħidu għax minn dak li semmejt wieħed jinduna li għandek ħames jew sitt proġetti ta’ rilevanza ambjentalment pożittiva fejn minflok noħonqu l-interess ta’ dan in-nassab li se jikkontribwixxi għal Capture Breeding Programme u li forsi se jkun qed jipparteċipa wkoll fil-programm ta’ bird ringing, nutilizzaw l-entużjażmu tiegħu għal skopijiet ambjentali.   Sur President, jien m’għandix is-soluzzjoni għal kollox però bl-akbar umiltà qed inressaq ’il quddiem dawn il-ħames jew sitt ideat li naħseb jistgħu jservu ta’ bażi għall-eventwali soluzzjoni ta’ din il-kontroversja li ilha magħna snin.  Sfortunatament tara nies dilettanti li jkollhom ċerta frustrazzjoni. 

Fit-Treaty of Accession Malta nnegozjat mal-Unjoni Ewropea l-possibbiltà ta’ deroga.  Issa ġej l-istaġun tal-gamiem u s-summien – is-summiena hija a prolific breeder – u hawnhekk ukoll wieħed jista’ jikkonsidra b’mod xjentifiku r-riintroduzzjoni tas-summien li jkun imbrobbi mhux fis-selvaġġ imbagħad rintrodott fis-selvaġġ so that one replenishes existing stocks.  Dik hija idea li wieħed jista’ janalizza.  Ovvjament dan taħt kondizzjonijiet rigorużi għax wieħed irid jara l-genetic pool kif ukoll il-bilanċ tal-ekosistemi. 

Però jidhirli li ma esplorajna l-ebda waħda minn dawn l-ideat li semmejt.  Naħseb li din tista’ sservi bħala bażi għall-eventwali soluzzjoni ta’ din il-kontroversja.   Sur President, biex nikkonkludi din il-parti qabel ma ngħaddi għal suġġett ieħor li se nitkellem dwaru fil-qosor irrid ngħid li huwa importanti li l-interess suprem dejjem ikun ir-rispett tal-ambjent u l-gwarniċ ta’ din l-istampa kollha għandu jkun kampanja edukattiva kbira ta’ rispett lejn il-ħolqien kollu.  Aħna bħala bnedmin m’għandniex monopolju fuq il-ħolqien imma għandna nieħdu ħsiebu u ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jekk jista’ jkun fi stat aħjar milli sibnieh. 

Ejja nanalizzaw u ejja nsibu konverġenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq dan is-suġġett li ħafna drabi kien kontroversja politika u naħseb li m’għandniex nibqgħu sejrin hekk.”

Onorevoli Franco Debono

27 ta’ Marzu 2012

Il-Parlament ta’ Malta

1 Comment
  • Johnny
    Posted at 20:57h, 28 July

    Kemm qed niehu gost li qed izzomm kuntatt maghna permezz ta din il-blog.
    Il-hsibijiet tieghek jghamlu hafna sens u hafna drabi jkunu dak li nkun nixtieq nghid jien.
    Nawguralek hafna affarijiet sbieh u ma jistax jonqos, li nawguralek hajja attiva fil-politika.